Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Taħt it-tmexxija t’Alla, il-ħolqien kollu tiegħu kien f’unjoni u fil-paċi

Għala Għandna Bżonn is-Saltna t’Alla?

Għala Għandna Bżonn is-Saltna t’Alla?

Fil-​bidu tal-​istorja tal-​bniedem, il-​Ħallieq tagħna, li jismu Ġeħova, kien l-​uniku Mexxej. Hu mexxa bi mħabba. Hu għamel dar sabiħa, ġnien fl-​Għeden, biex fiha jgħixu l-​bnedmin. Ukoll, hu pprovdielhom abbundanza taʼ ikel. Flimkien maʼ dan, hu ta lill-​bnedmin xogħol bi skop x’jagħmlu. (Ġenesi 1:28, 29; 2:8, 15) Il-​bnedmin kienu se jgawdu l-​paċi kieku baqgħu taħt it-​tmexxija kollha mħabba t’Alla.

L-ewwel bnedmin m’aċċettawx lil Alla bħala l-Mexxej tagħhom

Il-​Bibbja turi li anġlu ribelluż, li iktar tard ġie msejjaħ Satana x-​Xitan, sfida d-​dritt li Alla jmexxi. Hu ried jagħti x’jifhem li l-​bnedmin kienu se jkunu iktar kuntenti mingħajr il-​gwida u t-​tmexxija t’Alla. B’dispjaċir, l-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, għamlu bħal Satana u rribellaw kontra Alla.—Ġenesi 3:1-​6; Rivelazzjoni 12:9.

Minħabba li Adam u Eva rrifjutaw lil Alla bħala l-​Mexxej tagħhom, huma tilfu d-​dar tagħhom li kienet Ġenna u t-​tama li jgħixu għal dejjem f’saħħa perfetta. (Ġenesi 3:17-​19) Id-​deċiżjoni tagħhom affettwat ukoll lit-​tfal li kellhom. Il-​Bibbja tgħid li minħabba li Adam dineb, “id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt.” (Rumani 5:12) Id-​dnub wassal għal riżultat traġiku ieħor: “Il-​bniedem iddomina lill-​bniedem bi ħsara għalih.” (Ekkleżjasti 8:9) Fi kliem ieħor, meta l-​bnedmin imexxu lilhom infushom, dejjem se jkun hemm il-​problemi.

TIBDA T-​TMEXXIJA MILL-​BNIEDEM

Nimrod irribella kontra Ġeħova

L-​ewwel mexxej uman imsemmi fil-​Bibbja kien Nimrod. Hu rribella kontra t-​tmexxija taʼ Ġeħova. Minn żmien Nimrod ’l hawn, nies setgħanin abbużaw mill-​awtorità tagħhom. Xi 3,000 sena ilu, is-​Sultan Salamun kiteb: “Rajt id-​dmugħ tal-​maħqurin, imma ma kellhomx min ifarraġhom. U fuq in-​naħa taʼ dawk li kienu jaħqruhom kien hemm il-​qawwa.”—Ekkleżjasti 4:1.

Illum l-​affarijiet ma nbidlux. Fl-​2009, pubblikazzjoni tal-​Ġnus Magħquda qalet li iktar ma jgħaddi żmien, tmexxija ħażina iktar qed titqies bħala “waħda mir-​raġunijiet ewlenin tal-​ħażen kollu fis-​soċjetajiet tagħna.”

ŻMIEN BIEX ALLA JIEĦU AZZJONI

Id-​dinja għandha bżonn mexxejja aħjar u tip taʼ gvern aħjar. U hekk wegħedna l-​Ħallieq!

Anki l-aqwa gvernijiet umani fallew milli jsolvu l-problemi serji tal-bnedmin

Alla waqqaf Saltna, jew gvern, li se tieħu post it-​tmexxija kollha tal-​bniedem, u “hi [biss] tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Danjel 2:44) Din hi s-​Saltna li miljuni taʼ nies ilhom jitolbu għaliha. (Mattew 6:9, 10) Imma Alla mhux se jmexxi dan il-​gvern hu stess. Minflok, hu ħatar lil xi ħadd li għex bħala bniedem biex ikun il-​Mexxej. Lil min għażel Alla?