Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IT-TRIQ LI TWASSAL GĦALL-FERĦ VERU

It-tama

It-tama

Għandi “ħsibijiet taʼ paċi, mhux taʼ ħsara, sabiex nagħtikom futur u tama.”Ġeremija 29:11.

“IT-​TAMA HI . . . ASPETT ESSENZJALI BIEX IKOLLNA ĦBIBERIJA TAJBA M’ALLA,” jistqarr il-​ktieb Hope in the Age of Anxiety. “U hi l-​aħjar kura biex tegħleb il-​biżaʼ, ma tħossokx waħdek, u ma tħossokx bla ħila.”

Il-​paġni fil-​Bibbja juru li għandna bżonn it-​tama, iżda wkoll jwissuna kontra tamiet foloz. “Tpoġġux il-​fiduċja tagħkom fin-​nobbli, lanqas f’bin il-​bniedem, li ma jistaʼ jsalva lil ħadd,” jgħid Salm 146:3. Minflok ma nafdaw fl-​isforzi tal-​bnedmin biex isalvawna, nagħmlu sew li nafdaw fil-​Ħallieq tagħna. Fuq kollox, hu għandu l-​qawwa li jwettaq il-​wegħdi kollha li għamel. Imma x’wegħedna? Ikkunsidra dan li ġej.

WARA LI JISPIĊĊA L-​ĦAŻEN, SE JKUN HAWN PAĊI DEJJIEMA GĦAT-​TAJBIN: “Ftit ieħor biss, u l-​ħażin ma jkunx iktar . . . Imma l-​ġwejdin se jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm,” jgħid Salm 37:10, 11. Il-​vers 29 jgħid ukoll li l-​ġusti se jgħixu għal dejjem fuq l-​art.

JISPIĊĊAW IL-​GWERER: “Ġeħova . . . qed iwaqqaf il-​gwerer sa tarf l-​art. Il-​qaws jaqsmu fi tnejn u l-​lanza jkissirha biċċiet; il-​karrijiet jaħraqhom fin-​nar.”—Salm 46:8, 9.

JISPIĊĊAW IL-​MARD, IS-​SOFFERENZI, U L-​MEWT: Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”—Rivelazzjoni 21:3, 4.

IKEL ABBUNDANTI GĦAL KULĦADD: “Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-​art; fuq il-​qċaċet tal-​muntanji jkun hemm iżżejjed.”—Salm 72:16.

GVERN ĠUST LI SE JSALTAN FUQ ID-​DINJA KOLLHA—IS-​SALTNA TAʼ KRISTU: Lil Ġesù Kristu “ngħataw ħakma, dinjità, u saltna, sabiex il-​popli, il-​ġnus, u l-​lingwi jaqdu kollha lilu. Il-​ħakma tiegħu hi ħakma li tibqaʼ għal dejjem u li ma tgħaddix, u saltnatu, waħda li ma tinqeridx.”—Danjel 7:14.

Kif nistgħu nkunu ċerti minn dawn il-​wegħdi? Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu wera li kien ikkwalifikat bħala s-​Sultan Magħżul. Fejjaq il-​morda, temaʼ lil dawk li kienu bil-​ġuħ, u qajjem il-​mejtin. Aktar importanti minn hekk, kien dak li għallem. Dan it-​tagħlim fih il-​prinċipji meħtieġa biex in-​nies jgħixu magħqudin u fil-​paċi għal dejjem. Ukoll, Ġesù bassar affarijiet li kellhom iseħħu fil-​futur u li kienu se jinkludu ġrajjiet li juru li qed ngħixu fl-​aħħar jiem.

WARA L-​MALTEMP JIĠI L-​BNAZZI

Ġesù ma bassarx li fl-​aħħar jiem kellhom jispikkaw il-​paċi u s-​sigurtà, anzi totalment l-​oppost! Is-​sinjal li semma dwar “il-​konklużjoni tas-​sistema” jinkludi gwerer fuq skala globali, nuqqas taʼ ikel, mard serju li jittieħed, u terremoti kbar. (Mattew 24:3, 7; Luqa 21:10, 11; Rivelazzjoni 6:3-​8) Ġesù qal ukoll: “Minħabba li jiżdied il-​ħażen tibred l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira min-​nies.”—Mattew 24:12.

Li l-​imħabba birdet jidher f’ħafna modi. Dawn bassar fuqhom b’mod speċifiku kittieb ieħor tal-​Bibbja. Fit-​2 Timotju 3:1-​5 naqraw “li fl-​aħħar jiem,” il-​biċċa l-​kbira tan-​nies kellhom ikunu moħħhom fihom infushom, fil-​flus, u fil-​pjaċiri tal-​ħajja. Kienu se jkunu arroganti u ħorox. Kien se jkun hemm nuqqas taʼ affezzjoni naturali fil-​familji, u t-​tfal ikunu diżubbidjenti lejn il-​ġenituri. L-​ipokresija reliġjuża kellha tkun xi ħaġa komuni.

Dawk il-​kundizzjonijiet li jitqabblu maʼ maltempata jikkonfermaw li wasalna fl-​aħħar. Jikkonfermaw ukoll li t-​tmexxija tas-​Saltna, li hi bħall-​bnazzi, hi qrib. Tabilħaqq, Ġesù inkluda din l-​assiguranza fil-​profezija tiegħu dwar l-​aħħar jiem: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14.

Din l-​aħbar tajba tagħti twissija lil dawk li jagħmlu l-​ħażen. Barra minn hekk, din l-​aħbar tagħti tama lill-​ġusti billi tassigurahom li l-​barkiet imwiegħda dalwaqt se jseħħu. Tixtieq titgħallem aktar dwar dawn il-​barkiet? Jekk iva, mur fl-​aħħar paġna taʼ din ir-​rivista.