Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IR-4 LEZZJONI

Kif ikunu responsabbli

Kif ikunu responsabbli

X’JINVOLVI LI TKUN RESPONSABBLI?

In-​nies li huma responsabbli huma nies taʼ min joqgħod fuqhom. Jekk titlobhom biex jagħmlu xi ħaġa, tistaʼ sserraħ moħħok li se jagħmluha sew u fil-​ħin.

It-​tfal jistgħu jitgħallmu jkunu responsabbli saħansitra minn età żgħira ħafna. “Meta t-​tfal ikollhom 15-​il xahar jagħmlu dak li jgħidulhom il-​ġenituri. Meta jkollhom sena u nofs, huma jkunu jixtiequ jagħmlu kwalunkwe ħaġa li jkunu qed jagħmlu l-​ġenituri tagħhom,” jgħid il-​ktieb Parenting Without Borders. “F’ħafna kulturi, meta t-​tfal ikollhom bejn ħames u sebaʼ snin, il-​ġenituri jibdew juruhom kif jistgħu jgħinu fid-​dar. Minkejja li jkunu żgħar, it-​tfal huma kapaċi jagħmlu ħafna affarijiet b’mod tajjeb.”

GĦALA HU IMPORTANTI LI T-​TFAL IKUNU RESPONSABBLI?

F’xi pajjiżi, ħafna adulti żgħar imorru jgħixu għal rashom imma ma jkunux kapaċi jagħmlu dan u jerġgħu lura jgħixu mal-​ġenituri. F’xi każi, dan jiġri minħabba li l-​ġenituri qatt ma jkunu għallmuhom kif jużaw il-​flus bil-​għaqal, kif jieħdu ħsieb dar, jew kif ikunu responsabbli fil-​ħajja taʼ kuljum.

Għaldaqstant, ikun aħjar li tgħallem lit-​tfal tiegħek kif ikunu responsabbli issa sabiex ikunu jafu x’għandhom jagħmlu meta jsiru adulti. “M’għandekx iżżommhom jiddependu fuqek sakemm ikollhom tmintax-​il sena u mbagħad titfagħhom fil-​ħajja reali,” jgħid il-​ktieb How to Raise an Adult.

KIF TGĦALLIMHOM IKUNU RESPONSABBLI

Agħtihom jagħmlu xi xogħol fid-​dar.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “F’kull tip taʼ taħbit hemm vantaġġ.”—Proverbji 14:23.

It-​tfal żgħar ikunu ħerqanin biex jaħdmu flimkien mal-​ġenituri tagħhom. Int tistaʼ tieħdu vantaġġ minn din ix-​xewqa naturali billi tagħtihom xi xogħol x’jagħmlu fid-​dar.

Xi ġenituri jżommu lura milli jagħmlu dan. Huma jirraġunaw li t-​tfal diġà għandhom ħafna homework x’jagħmlu, allura ma jkunux iridu jżidulhom ix-​xogħol.

Madankollu, it-​tfal li jagħmlu xi xogħol fid-​dar imorru aħjar l-​iskola għax jitgħallmu jibdew u jispiċċaw kull xogħol li jingħatalhom. Barra minn hekk, il-​ktieb Parenting Without Borders jinnota li “jekk ma nħallux lil uliedna jgħinuna meta jkunu għadhom żgħar u jkunu jixtiequ jagħmlu dan, huma se jibdew jaħsbu li mhux importanti li tgħin lil oħrajn . . . Ukoll, huma jibdew jippretendu li ħaddieħor jagħmel l-​affarijiet għalihom.”

Bħalma tindika din il-​kwotazzjoni, meta t-​tfal b’mod regolari jagħmlu xogħol fid-​dar, huma jitgħallmu kif jgħinu lil oħrajn u ma jkunux egoisti. Ukoll, huma jħossuhom parti importanti mill-​familja u jifhmu li din hi xi ħaġa li għandhom jagħmlu.

Għin lit-​tfal tiegħek jerfgħu r-​responsabbiltà għall-​iżbalji tagħhom.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ismaʼ mill-​pariri u aċċetta d-​dixxiplina, sabiex tkun tistaʼ ssir għaref fil-​futur tiegħek.”—Proverbji 19:20.

Meta t-​tfal tiegħek jiżbaljaw, bħal pereżempju jekk xi ħadd minnhom jagħmel xi ħsara fil-​propjetà taʼ ħaddieħor, taħbilhomx. It-​tfal jistgħu jaċċettaw il-​konsegwenzi. Pereżempju, f’dan il-​każ jistgħu jiskużaw ruħhom u forsi saħansitra jsewwu l-​ħsara.

Meta t-​tfal jifhmu li huma responsabbli għall-​iżbalji tagħhom, dawn se jiġu megħjuna biex . . .

  • ikunu onesti u jammettu l-​iżbalji tagħhom

  • jevitaw li jwaħħlu f’ħaddieħor

  • ma joqogħdux iġibu skużi

  • jitolbu maħfra, meta jkun xieraq