Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-istabbilità finanzjarja

L-istabbilità finanzjarja

Ħafna nies għandhom inqas problemi taʼ flus għax applikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja.

IPPJANA SEW

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Il-​pjanijiet tal-​ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih, imma kulmin jgħaġġel żgur li jiġi fil-​bżonn.”—Proverbji 21:5.

XI JFISSER DAN: Hemm bżonn li tagħmel pjan u mbagħad tagħmel ċert li żżomm miegħu. Għaldaqstant, ippjana qabel tonfoq. Ftakar li x’aktarx ma tistax tixtri kull ħaġa li tkun trid. Għalhekk, onfoq il-​flus bil-​għaqal.

X’TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Żomm maʼ baġit. Ikteb l-​ispejjeż tiegħek kollha u poġġihom f’kategoriji. Imbagħad iddeċiedi kemm se tonfoq flus f’kull kategorija. Jekk f’kategorija minnhom tonfoq iktar milli tkun ippjanajt, ħu l-​flus minn kategorija oħra. Pereżempju, jekk tkun infaqt iktar milli ħsibt fuq il-​fjuwil tal-​karozza, ħu mill-​flus li tkun warrabt għall-​affarijiet inqas importanti, bħal pereżempju li tmur tiekol barra.

  • Evita dejn bla bżonn. Jekk inhu possibbli, tidħolx f’dejn. Minflok, faddal għal affarijiet li jkollok bżonn tixtri. Jekk tuża kredit kard, ipprova ħallas il-​flus kull xahar ħalli tevita li tħallas l-​interessi. Jekk għandek id-​dejn, agħmel pjan kif se tħallsu u żomm miegħu.

    Studju jgħid li meta n-​nies iħallsu bi kredit kard, normalment jonfqu iktar. Allura, jekk għandek kredit kard, użaha bil-​għaqal.

OQGĦOD ATTENT MINN ATTITUDNIJIET LI JAGĦMLU L-​ĦSARA

PRINĊIPJU BIBLIKU: “L-​għażżien ma jaħratx minħabba x-​xitwa; imbagħad fi żmien il-​ħsad joqgħod jittallab, imma ma jkun hemm xejn għalih.”—Proverbji 20:4.

XI JFISSER DAN: L-​għażż jistaʼ jġib il-​faqar. Għalhekk, kun ħaddiem bieżel u pprova mmaniġġa l-​flus bil-​għaqal sabiex fil-​futur ikollok dak li tkun teħtieġ.

X’TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Aħdem iebes. Meta taħdem iebes u tkun responsabbli, min iħaddmek se jieħu pjaċir bik u jkun iridek tibqaʼ taħdem għalih.

  • Kun onest. Tisraqx lill-​imgħallem tiegħek. Id-​diżonestà tistaʼ tħassar ir-​reputazzjoni tiegħek u minħabba f’hekk, ikun diffiċli biex issib impjieg ieħor.

  • Tkunx rgħib. Jekk dejjem tipprova takkwista iktar flus, eventwalment tistaʼ tagħmel ħsara lil saħħtek u r-​relazzjonijiet tiegħek m’oħrajn. Ftakar, il-​flus mhumiex l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja.

PRINĊIPJI OĦRA MILL-​BIBBJA

Aqra l-Bibbja onlajn disponibbli b’mijiet taʼ lingwi fuq jw.org

TAĦLIX ĦIN U FLUS FUQ VIZZJI ĦŻIENA.

“Is-​sakranazz u dak li għandu kilba għall-​ikel jiftaqru, u n-​ngħas ilibbes iċ-​ċraret lil dak li jkun.”—PROVERBJI 23:21.

TINKWETAX IŻŻEJJED DWAR IL-​FLUS.

“Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu.”—MATTEW 6:25.

TGĦIRX.

“Bniedem b’għajn għajjura qed iħabrek biex jikseb affarijiet taʼ valur, imma ma jafx li għad jiġi fuqu l-għaks.”—PROVERBJI 28:22.