PAJJIŻI U POPLI
Żjara fil-Każakistan
IL-Każakistani normalment kienu jgħixu bħala nomadi. Sal-lum il-ġurnata, xi ragħajja Każakistani jieħdu l-annimali tagħhom biex jirgħu f’postijiet differenti skont l-istaġun. Is-sajf iqattgħuh fuq għoljiet fejn ikun hemm il-frisk u l-ħaxix. Imbagħad, hekk kif toqrob ix-xitwa li magħha ġġib il-borra, iniżżlu l-merħliet f’medda art iktar sħuna.
Xi Każakistani jgħixu fi bliet moderni u żviluppati. Madankollu, ħafna tradizzjonijiet, ikel, u affarijiet li jaħdmu b’idejhom jirriflettu l-istil taʼ ħajja li kellhom l-antenati tagħhom. Il-Każakistani għandhom wirt kbir taʼ poeżiji, għanjiet, u mużika li tindaqq bi strumenti mużikali lokali.
Il-yurt—it-tinda tradizzjonali tan-nomadi li tinġarr—saret simbolu taʼ kif il-bniedem jgħix fin-natura u jirrispettaha. Ir-ragħajja għadhom jippreferu jużaw il-yurt, u l-Każakistani li jgħixu fil-bliet spiss jużawhom għal okkażjonijiet speċjali. Dawn it-tined jintużaw ukoll bħala akkomodazzjoni komda għat-turisti. Il-mod kif inhi minn ġewwa turi l-kapaċità tan-nisa Każakistani fis-sengħa tagħhom tal-irrakkmar, tal-insiġ, u tat-tapizzerija.
Familji Każakistani li jgħixu ’l bogħod mill-bliet jgħożżu ż-żwiemel tagħhom. Minn tal-inqas hemm 21 kelma Każakistana għal żiemel, kull waħda b’xi ftit tifsir differenti, u hemm iktar minn 30 kelma u espressjoni biex tiddeskrivi l-kulur tal-pil taż-żiemel. Żiemel tajjeb għadu rigal li jqum il-flus u apprezzat. Fil-kampanja, is-subien jitgħallmu jirkbu ż-żiemel minn età żgħira.
Ikla tradizzjonali Każakistana dejjem tinkludi l-laħam u normalment ma tkunx taħraq fit-togħma. Fost ix-xarbiet favoriti tal-Każakistani hemm xarba magħmula mill-ħalib tad-debba li jintqal li għandha ħafna benefiċċji għas-saħħa, u xarba magħmula mill-ħalib tal-ġemel li hi sustanzjuża u ftit qarsa.
L-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Almaty jilqgħu lill-viżitaturi u huma lesti li jagħmlulhom tur.