Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Se Jgħinek Tidra Meta Tmur f’Kongregazzjoni Ġdida?

X’Se Jgħinek Tidra Meta Tmur f’Kongregazzjoni Ġdida?

ĠIELI kellek tbiddel il-kongregazzjoni? Jekk iva, wisq probabbli ħassejtek bħal ħu li jismu Jean-Charles. Hu qal: “Meta tbiddel il-kongregazzjoni jkollok sfida biex tidra l-kongregazzjoni l-ġdida u tgħin lill-familja jibqgħu ħbieb taʼ Ġeħova.” Dawk li jbiddlu l-kongregazzjoni forsi jkollhom isibu xogħol ġdid, dar ġdida, u skola ġdida għat-tfal tagħhom. Jaf ikollhom jadattaw għall-kultura tal-post u territorju ġdid.

Nicolas u Céline kellhom sfida differenti. Il-fergħa taʼ Franza bagħtithom jaqdu f’kongregazzjoni oħra. Huma qalu: “Għall-ewwel konna eċċitati ħafna, imma mbagħad bdejna nimmissjaw il-ħbieb. Aħna konna għadna ma nafuhomx sew lill-aħwa fil-kongregazzjoni l-ġdida.” a Kif tistaʼ tkun ferħan meta tmur taqdi f’kongregazzjoni ġdida? L-aħwa kif jistgħu jgħinu lil dawk ġodda? U kif tistgħu tinkuraġġixxu lil xulxin fil-kongregazzjoni l-ġdida?

ERBAʼ PRINĊIPJI LI SE JGĦINUK TADATTA

Strieħ fuq Ġeħova

1. Strieħ fuq Ġeħova. (Salm 37:5) Kazumi, mill-Ġappun, kellha titlaq mill-kongregazzjoni li kienet ilha fiha 20 sena għax lir-raġel tagħha bagħtuh jaħdem xi mkien ieħor. Hi kif ħalliet lil Ġeħova jiggwidaha? Hi tgħid: “Jien tkellimt ma’ Ġeħova ħafna drabi, u għedtlu li kont qed inħossni waħdi u ansjuża. Kull meta ftaħt qalbi ma’ Ġeħova, hu tani l-kuraġġ.”

Kif tistaʼ tistrieħ iktar fuq Ġeħova? Biex pjanta tikber għandha bżonn l-ilma u s-sustanzi. B’mod simili, il-fidi tagħna rridu nieħdu ħsiebha biex tibqaʼ tikber. Nicolas, li semmejna qabel, immedita fuq eżempji taʼ nies li għamlu sagrifiċċji biex jogħġbu lil Ġeħova bħal Abraham, Ġesù, u Pawlu. Dan għenu jkun iżjed ċert li Ġeħova se jgħinu. Jekk tistudja l-Bibbja b’mod regulari ħa jgħinek fil-bidliet li tagħmel, u se titgħallem affarijiet ġodda li bihom tistaʼ tinkuraġġixxi lill-aħwa fil-kongregazzjoni l-ġdida.

Tqabbilx il-kongregazzjoni l-ġdida mal-antika

2. Tqabbilx il-kongregazzjoni l-ġdida ma’ li kont fiha qabel. (Ekk. 7:10) Meta Jules mar joqgħod l-Istati Uniti kellu jidra kultura differenti ħafna. Hu jgħid: “Jien ħsibt li kull persuna ġdida li niltaqaʼ magħha kelli ngħidilha kollox dwari.” Imma hu ma kienx imdorri jagħmel hekk, allura beda jinqataʼ għalih waħdu. Meta beda jsir jaf lill-aħwa aħjar, hu beda jaħsibha b’mod differenti. Hu qal: “Issa naf li n-nies, jiġu minn fejn jiġu, kollha l-istess imma jitkellmu u jaġixxu b’mod differenti. Allura, hu importanti li naċċettaw lil kulħadd kif inhu.” Mela tqabbilx lill-aħwa fil-kongregazzjoni l-ġdida mal-aħwa tal-kongregazzjoni li kont fiha. Pijuniera jisimha Anne-Lise qalet: “Jien mort f’kongregazzjoni ġdida biex nitgħallem affarijiet ġodda mhux biex insib l-affarijiet li ħallejt warajja.”

L-anzjani wkoll m’għandhomx iqabblu l-kongregazzjoni li kienu fiha mal-ġdida. Ma jfissirx li għax l-aħwa qed jaħdmu b’mod differenti qed jagħmlu ħażin. Qabel ma tagħti suġġerimenti pprova sir af dwar iċ-ċirkustanzi differenti tal-aħwa. (Ekk. 3:​1, 7b) Ikun aħjar li tkun t’eżempju tajjeb milli ġġiegħel lill-aħwa fil-kongregazzjoni jaħsbuha bħalek.—2 Kor. 1:24.

Kun parti mill-kongregazzjoni

3. Kun parti mill-kongregazzjoni l-ġdida. (Flp. 1:27) Jieħu ħafna ħin u enerġija biex tmur toqgħod xi mkien ieħor, imma hu importanti li kemm jistaʼ jkun malajr tmur għal-laqgħat fis-Sala tas-Saltna mal-kongregazzjoni l-ġdida. Jekk l-aħwa tal-kongregazzjoni l-ġdida qatt ma jarawk mhux se jkunu jistgħu jsiru jafuk u jgħinuk. Oħt jisimha Lucinda, li marret toqgħod f’belt kbira fl-Afrika t’Isfel maż-żewġt itfal tagħha, qalet: “Il-ħbieb qaluli biex insir naf lill-aħwa fil-kongregazzjoni, naħdem magħhom fuq is-service, u nwieġeb fil-laqgħat. Aħna offrejna biex id-dar tagħna tintuża għal-laqgħat tas-service.”

Meta taħdem mal-aħwa tal-kongregazzjoni l-ġdida tiegħek, tistaʼ ssaħħaħ il-fidi tiegħek u tal-oħrajn. L-anzjani qalu lil Anne-Lise, li semmejna qabel, biex toħroġ fuq is-service m’aħwa differenti fil-kongregazzjoni l-ġdida. X’kien ir-riżultat? Hi tgħid: “Jien irrealizzajt li dan kien wieħed mill-aħjar modi biex issir parti mill-kongregazzjoni.” Meta tgħin fit-tindif u biex tieħu ħsieb is-Sala tas-Saltna tkun qed turi lill-aħwa li int parti mill-kongregazzjoni. Iktar ma tieħu sehem f’affarijiet bħal dawn iktar l-aħwa se jħossuhom komdi miegħek, u iktar se tħossok parti minn familja.

Agħmel ħbieb ġodda

4. Agħmel ħbieb ġodda. (2 Kor. 6:​11-13) L-aqwa mod biex tagħmel ħbieb hu billi turi li jimpurtak minnhom. Allura, ipprova asal ftit kmieni għal-laqgħa u ibqaʼ ftit wara biex ikollok biżżejjed ħin titkellem mal-aħwa u ssir tafhom. Ipprova tgħallem x’jisimhom. L-aħwa se jkunu jixtiequ jsiru jafuk iktar jekk tiftakar x’jisimhom u tagħmilhielhom faċli biex jitkellmu miegħek. Dan se jgħinek biex tagħmel ħbieb tajbin.

Tipprovax tkun persuna differenti imma ħalli lill-aħwa jsiru jafu min int. Lucinda qalet: “Issa sirna iktar ħbieb tal-aħwa għax stidinna lil oħrajn id-dar tagħna.”

“AĊĊETTAW LIL XULXIN”

Meta tidħol f’Sala tas-Saltna fejn ma taf lil ħadd jistaʼ jkun diffiċli. Mela, kif tistaʼ tgħin lil uħud ġodda fil-kongregazzjoni tiegħek? L-appostlu Pawlu jinkuraġġina: “Aċċettaw lil xulxin bħalma l-Kristu aċċetta lilkom.” (Rum. 15:7) Meta l-anzjani jimitaw lil Kristu se jgħinu lil uħud ġodda jħossuhom aċċettati. (Ara l-kaxxa “ X’Se Jgħin Biex Kollox Imur Sew.”) Imma l-aħwa kollha, anki t-tfal, jistgħu jgħinu lill-uħud ġodda jħossuhom komdi.

Li taċċetta lil oħrajn jinkludi li tistidinhom id-dar u tgħinhom f’affarijiet oħra. Pereżempju, oħt għenet lil oħt oħra li kienet għadha kif marret toqgħod f’dik il-belt billi wrietha kif tuża t-trasport pubbliku u dawritha mal-belt. Dan għen lill-oħt il-ġdida biex tidra l-post il-ġdid.

OPPORTUNITÀ BIEX TAQDI IKTAR LIL ĠEĦOVA

Ġurat ibiddel il-qoxra tiegħu ħafna drabi qabel ma jkun jistaʼ jtir. B’mod simili, meta mmorru f’kongregazzjoni ġdida, irridu nneħħu dak li qed jinkwetana biex inkunu nistgħu nagħmlu iżjed fis-servizz taʼ Ġeħova. Nicolas u Céline jgħidu: “Li tmur f’kongregazzjoni ġdida hu trejning tajjeb biex ikollok kwalitajiet ġodda għax trid tadatta għal nies u post ġdid.” Jean-Charles, li semmejna fil-bidu tal-artiklu, jgħid kif il-familja tiegħu marret tajjeb wara li biddlu l-kongregazzjoni. “Il-bidla għenet lit-tfal biex isiru iktar maturi u jersqu eqreb taʼ Ġeħova. Wara ftit xhur biss, it-tifla tagħna bdiet tieħu sehem fl-iskola tal-laqgħa taʼ matul il-ġimgħa u t-tifel sar pubblikatur mhux mgħammed.”

X’tistaʼ tagħmel jekk bħalissa ma tistax tmur taqdi xi mkien ieħor, pereżempju fejn hemm iżjed bżonn? Strieħ fuq Ġeħova u pprova aħdem iebes biex tuża xi suġġerimenti fil-kongregazzjoni li qiegħed fiha. Ipprova aħdem m’aħwa differenti fuq is-service u agħmel ħbieb ġodda, jew sir af il-ħbieb tiegħek aħjar. Forsi tistaʼ tgħin ukoll lill-aħwa ġodda u lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna. Peress li l-imħabba turi li aħna Kristjani veri, meta tgħin lil oħrajn se tersaq iktar qrib taʼ Ġeħova. (Ġw. 13:35) Int tistaʼ tkun ċert li “sagrifiċċji bħal dawn jogħġbu ħafna lil Alla.”—Ebr. 13:16.

Meta tmur taqdi f’kongregazzjoni ġdida jistaʼ jkun diffiċli, imma xorta tistaʼ tkun ferħan. Anne-Lise tgħid: “Meta biddilt il-kongregazzjoni bdejt insir naf aħwa differenti.” Kazumi qalet li meta tmur taqdi f’kongregazzjoni ġdida, Ġeħova se jgħinek b’ħafna modi. U Jules jgħid: “Issa l-ħbieb li għandi jgħinuni biex inħossni komdu. Inħossni parti mill-kongregazzjoni l-ġdida, u nsibha diffiċli jekk ikolli nitlaq.”

a Għal iktar għajnuna fuq dan is-suġġett, ara l-artiklu “Coping With Homesickness in God’s Service,” f’​It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-15 taʼ Mejju 1994.