Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 46

GĦANJA 49 Inferrħu qalb Ġeħova

Aħwa Rġiel Qed Taħdmu Biex Issiru Qaddejja Ministerjali?

Aħwa Rġiel Qed Taħdmu Biex Issiru Qaddejja Ministerjali?

“Se tkunu iktar ferħanin meta tagħtu milli meta tirċievu.”ATTI 20:35.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se nitgħallmu kif l-aħwa rġiel mgħammdin jistaʼ jkollhom ix-xewqa u jikkwalifikaw biex isiru qaddejja ministerjali.

1. L-appostlu Pawlu kif kien iħossu dwar il-qaddejja ministerjali?

 IL-QADDEJJA ministerjali jagħmlu xogħol importanti ħafna fil-kongregazzjonijiet. L-appostlu Pawlu kien japprezzahom lil dawn l-irġiel leali. Pereżempju, meta kien qed jikteb lill-kongregazzjoni f’Filippi hu sella kemm għall-anzjani u anki għall-qaddejja ministerjali.—Flp. 1:1.

2. Ħu jismu Luis kif iħossu bħala qaddej ministerjali?

2 Ħafna aħwa rġiel mgħammdin huma ferħanin li jgħinu lill-kongregazzjoni bħala qaddejja ministerjali. Pereżempju, Devan kellu 18-il sena meta beda jaqdi bħala qaddej ministerjali. Min-naħa l-oħra, ħu jismu Luis kellu iktar minn 50 sena. Hu qal, “Jien vera ferħan li naqdi lil ħuti fil-kongregazzjoni b’dan il-mod. Huma vera wrewni li jħobbuni, u issa jien nistaʼ nurihom kemm inħobbhom!” Ħafna qaddejja ministerjali jħossuhom eżatt bħal Luis.

3. Liema mistoqsijiet se nwieġbu?

3 Jekk int ħu mgħammed imma għadek mhux qaddej ministerjali, tistaʼ tagħmel mira ħalli tikkwalifika? Xi trid tagħmel biex ikollok ix-xewqa ħalli ssir qaddej ministerjali? U skont il-Bibbja, x’għandek bżonn biex tikkwalifika? F’dan l-artiklu se nwieġbu dawn il-mistoqsijiet. Imma l-ewwel se naraw x’jagħmel qaddej ministerjali.

IL-QADDEJJA MINISTERJALI X’JAGĦMLU?

4. X’inhuma xi affarijiet li jagħmlu l-qaddejja ministerjali? (Ara l-istampa.)

4 Qaddej ministerjali hu ħu mgħammed li jiġi magħżul mill-ispirtu qaddis. Dan il-ħu jgħin lill-anzjani f’ħafna affarijiet importanti fil-kongregazzjoni. Xi qaddejja ministerjali jagħmlu ċert li l-pubblikaturi għandhom biżżejjed territorju u letteratura għas-service. Oħrajn jieħdu ħsieb it-tindif u l-manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna. Xi qaddejja ministerjali jaqdu bħala attendants u jieħdu ħsieb is-sawnd waqt il-laqgħat. Ħafna mix-xogħol li jagħmlu l-qaddejja ministerjali hu importanti, imma l-iżjed importanti hu li huma jkunu jħobbu lil Ġeħova u jgħixu b’mod li jogħġob lilu. Huma għandhom iħobbu ħafna lill-aħwa. (Mat. 22:​37-39) Imma ħu mgħammed xi jrid jagħmel biex isir qaddej ministerjali?

Il-qaddejja ministerjali jimitaw lil Ġesù billi jieħdu ħsieb lil oħrajn għax iħobbuhom (Ara paragrafu 4)


5. Ħu mgħammed xi jrid jagħmel biex isir qaddej ministerjali?

5 Il-Bibbja turi xi kwalitajiet għandhom bżonn l-aħwa rġiel mgħammdin biex isiru qaddejja ministerjali. (1 Tim. 3:​8-10, 12, 13) Jekk tixtieq tgħin lil oħrajn billi ssir qaddej ministerjali, tgħallem kemm tistaʼ dwar dawn il-kwalitajiet u aħdem fuqhom. Imma l-ewwel aħseb dwar għala tixtieq issir qaddej ministerjali.

GĦALA TIXTIEQ ISSIR QADDEJ MINISTERJALI?

6. X’għandha tkun ir-raġuni li trid tgħin lill-aħwa fil-kongregazzjoni? (Mattew 20:28; ara l-istampa.)

6 Ġesù Kristu hu l-aqwa eżempju tagħna. Kulma għamel kien għax kien iħobb lil Ġeħova u lin-nies. L-imħabba li kellu ġegħlitu jaħdem iebes u anki jagħmel xogħol li oħrajn ma ridux jagħmlu. (Aqra Mattew 20:28; Ġwanni 13:​5, 14, 15) Jekk int tixtieq issir qaddej ministerjali għax tħobb lil oħrajn, Ġeħova se jbierkek u se jgħinek biex tilħaq din il-mira.—1 Kor. 16:14; 1 Pt. 5:5.

Ġesù qed juri lill-appostli kemm hu importanti li jaqdu lil oħrajn u mhux jipprovaw ikunu l-iżjed importanti (Ara paragrafu 6)


7. Għala m’għandekx issir qaddej ministerjali biex oħrajn ifaħħruk?

7 In-nies fid-dinja jipprovaw ikunu l-aqwa f’kulma jagħmlu biex oħrajn jammirawhom, imma n-nies fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova ma jagħmlux hekk. Ħu li jkun iħobb lil oħrajn, bħalma kien Ġesù, ma jkunx irid li jidher l-iktar importanti jew jikkmanda lil oħrajn. Jekk ikun hemm xi ħadd b’dawn it-tendenzi u jibda jaqdi bħala qaddej ministerjali jew anzjan, wisq probabbli mhux se jkun irid jagħmel ċertu xogħlijiet li ma jidhrux importanti. Hu forsi jaħseb li hemm nies oħra li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol. (Ġw. 10:12) Ġeħova żgur mhux se jbierek bniedem kburi jew li jrid li oħrajn ifaħħruh.—1 Kor. 10:​24, 33; 13:​4, 5.

8. Ġesù x’parir tahom lill-appostli?

8 Il-ħbieb tal-qalb taʼ Ġesù wkoll ġieli xtaqu iktar privileġġi. Imma r-raġunijiet mhux dejjem kienu tajbin. Aħseb dwar x’għamlu l-appostli Ġakbu u Ġwanni. Huma qalu lil Ġesù biex jagħtihom privileġġi speċjali fis-Saltna tiegħu. Imma Ġesù ma ħax pjaċir bihom. Minflok, hu qal lit-12-il appostlu: “Min irid ikun l-aqwa minnkom għandu jaqdi lill-oħrajn, u min irid ikun l-ewwel minnkom għandu jkun l-ilsir taʼ kulħadd.” (Mrk. 10:​35, 43, 44) L-aħwa rġiel mgħammdin li jixtiequ jsiru qaddejja ministerjali biex jaqdu lil oħrajn se jgħinu ħafna lill-kongregazzjoni.—1 Tes. 2:8.

X’SE JGĦINEK BIEX IKOLLOK IX-XEWQA LI TAQDI LILL-AĦWA?

9. Kif tistaʼ tkabbar ix-xewqa biex issir qaddej ministerjali?

9 Int żgur li tħobbu ħafna lil Ġeħova u tixtieq tgħin lil oħrajn, imma jistaʼ jkun li m’għandekx ix-xewqa li tagħmel iżjed xogħol bħala qaddej ministerjali. Allura, kif tistaʼ tkabbar din ix-xewqa? Aħseb dwar kemm tistaʼ tkun ferħan int u taqdi lill-aħwa. Ġesù qal: “Se tkunu iktar ferħanin meta tagħtu milli meta tirċievu.” (Atti 20:35) Ġesù għamel dak li qal. Hu kien ferħan għax qeda lil oħrajn, u l-istess jistaʼ jiġri lilek.

10. Ġesù kif wera li kien jieħu pjaċir jaqdi lil oħrajn? (Marku 6:​31-34)

10 Aħseb dwar kif Ġesù ħa pjaċir jaqdi lil oħrajn. (Aqra Marku 6:​31-34.) Darba, Ġesù u l-appostli tiegħu kienu għajjenin u kienu sejrin f’post għall-kwiet biex jistrieħu. Imma kien hemm folla nies li ndunaw u marru hemm qabilhom, għax xtaqu li Ġesù jgħallimhom xi ħaġa. Ġesù setaʼ ma aċċettax għax wara kollox hu u l-appostli tiegħu “ma kellhomx ċans jistrieħu u jieklu.” Jew kieku ried setaʼ għallimhom xi ħaġa żgħira u bagħathom id-dar. Imma peress li kien iħobbhom, “beda jgħallimhom ħafna affarijiet” sakemm “sar ħafna ħin.” (Mrk. 6:35) Hu għamel hekk mhux għax taʼ bilfors imma għax “tħassarhom.” Ġesù xtaq jgħallimhom għax kien iħobbhom, u kien vera jieħu pjaċir jaqdi lil oħrajn.

11. Ġesù kif għen lin-nies b’modi prattiċi? (Ara l-istampa.)

11 Ġesù għen lin-nies billi għallimhom dwar Ġeħova. Imma hu għenhom ukoll b’affarijiet prattiċi. Pereżempju, hu pprovdielhom l-ikel u mbagħad qal lid-dixxipli biex iqassmuh. (Mrk. 6:41) B’hekk, hu kien qed jgħallem lid-dixxipli kif jaqdu lil oħrajn. Ġesù wriehom li affarijiet prattiċi bħal dawn huma importanti ħafna. Fil-fatt, ħafna mix-xogħol tal-qaddejja ministerjali jinvolvi affarijiet bħal dawn. Immaġina kemm kienu ferħanin id-dixxipli li ħadmu ma’ Ġesù biex jagħtu l-ikel lin-nies sakemm “kulħadd kiel u xebaʼ”! (Mrk. 6:42) Imma din ma kinitx l-unika darba meta Ġesù poġġa l-bżonnijiet taʼ oħrajn qabel tiegħu. Hu għamel dan matul ħajtu kollha. (Mat. 4:23; 8:16) Ġesù kien jieħu pjaċir jgħallem u jieħu ħsieb lil oħrajn. Jekk int tipprova tilħaq il-mira li ssir qaddej ministerjali billi tgħin lill-aħwa, żgur se tkun ferħan ħafna.

Meta tkun tħobb lil Ġeħova u tixtieq taqdi lil oħrajn, se tagħmel kulma jkun hemm bżonn biex tgħin lil ħutek (Ara paragrafu 11) a


12. Għala m’għandekx tħoss li m’għandekx l-abbiltajiet biex tgħin fil-kongregazzjoni?

12 Jekk int tħoss li m’għandekx l-abbiltajiet biex tkun qaddej ministerjali taqtax qalbek. Int żgur għandek kwalitajiet li tistaʼ tuża biex tgħin lill-aħwa fil-kongregazzjoni. Aħseb dwar x’qal l-appostlu Pawlu fl-​1 Korintin 12:​12-30. Imbagħad itlob lil Ġeħova biex jgħinek tara kif tistaʼ tapplikah. Dawk il-versi juru ċar li l-aħwa kollha huma bżonjużi u importanti fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, anki int. Jekk bħalissa ma tikkwalifikax biex tkun qaddej ministerjali, tinkwetax iżżejjed. Minflok, agħmel kulma tistaʼ biex taqdi lil Ġeħova u tgħin lill-aħwa. Kun ċert li l-anzjani se jinnotawk u se jtuk assignments li tkun tistaʼ tagħmel.—Rum. 12:​4-8.

13. X’inhi l-verità dwar il-kwalifiki taʼ qaddej ministerjali?

13 Aħseb dwar dan. Ħafna mill-kwalitajiet li għandhom bżonn ikollhom il-qaddejja ministerjali huma kwalitajiet li l-Kristjani kollha għandu jkollhom. Pereżempju, il-Kristjani kollha għandhom isiru iktar ħbieb taʼ Ġeħova, jieħdu pjaċir jagħtu lil oħrajn mill-qalb, u jkunu t’eżempju tajjeb taʼ kif jaqdu lil Ġeħova. Allura, wisq probabbli int diġà għandek ħafna mill-kwalitajiet li għandek bżonn biex issir qaddej ministerjali. Imma ħu x’għandu jagħmel eżatt biex isir qaddej ministerjali?

XI TRID TAGĦMEL BIEX ISSIR QADDEJ MINISTERJALI?

14. Xi jfisser li ‘tkun serju’? (1 Timotju 3:​8-10, 12)

14 Issa, se naraw xi kwalifiki li jsemmi l-​1 Timotju 3:​8-10, 12. (Aqra.) L-ewwel, qaddej ministerjali għandu ‘jkun serju.’ Din il-kelma tfisser ukoll li xi ħadd ikun responsabbli u li oħrajn jirrispettawh. (Ekk. 3:​1, 4) Dan ma jfissirx li ma tistax tidħaq jew tieħu pjaċir. Imma jfisser li taħdem iebes biex kull responsabbiltà li jkollok tagħmilha sew. Jekk dejjem tlesti x-xogħol u tagħmlu sew, l-aħwa se jafdawk iżjed u jirrispettawk.

15. Xi jfisser li xi ħadd ‘ma jqarraqx b’dak li jgħid’ u ‘ma jkunx rgħib biex jakkwista affarijiet b’mod diżonest’?

15 Li xi ħadd ‘ma jqarraqx b’dak li jgħid’ ifisser li jkun onest u taʼ min jafdah. Dan ifisser li żżomm kelmtek u ma tigdibx lil oħrajn. (Prov. 3:32) Li xi ħadd ‘ma jkunx rgħib biex jakkwista affarijiet b’mod diżonest’ ifisser li jkun onest meta jagħmel negozju u meta l-aħwa jagħtuh flus għall-kontribuzzjoni. Ukoll, mhux ħa jieħu vantaġġ mill-aħwa biex jaqlaʼ l-flus minn fuqhom.

16. (a) Xi jfisser li ‘tkun moderat kemm tieħu nbid’? (b) Xi jfisser li jkollok “kuxjenza nadifa”?

16 Li xi ħadd ‘ikun moderat kemm jieħu nbid’ ifisser li ma jixrobx iżżejjed u n-nies ma jkunux jafuh bħala xi ħadd li jħobb jixrob ħafna. Li jkollok “kuxjenza nadifa” jfisser li tgħix mal-livelli taʼ Ġeħova. Vera li m’intix perfett, imma jekk tagħmel hekk se tħossok fil-paċi għax ikollok ħbiberija tajba ma’ Ġeħova.

17. Xi jfisser li ‘tagħti prova jekk jistħoqqlokx’? (1 Timotju 3:10; ara l-istampa.)

17 Li ‘tagħti prova jekk jistħoqqlokx’ ifisser li l-anzjani jaraw li int tieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet sew u li jistgħu jafdawk. Allura, meta l-anzjani jagħtuk xi xogħol x’tagħmel, agħmlu kif jgħidulek u skont id-direzzjoni tal-organizzazzjoni. Kun ċert li tifhem eżatt x’għandek tagħmel u meta trid tlesti x-xogħol li jtuk. Meta tagħmel ix-xogħol li jagħtuk sew, l-aħwa fil-kongregazzjoni se jaraw li int qed issir raġel responsabbli. Anzjani, agħmlu ċert li tittrennjaw lill-aħwa rġiel mgħammdin. (Aqra l-1 Timotju 3:10.) Fil-kongregazzjoni tagħkom, hemm xi ġuvintur mgħammdin bejn l-10 u l-14-il sena jew iżgħar? Jistudjaw il-Bibbja b’mod regulari u jippreparaw sew għal-laqgħat? Jikkummentaw b’mod regulari fil-laqgħat? Huma taʼ eżempju f’li joħorġu service? Jekk iva, agħtuhom xi xogħol x’jagħmlu li jkun adattat għall-età tagħhom. Jekk tagħmlu hekk, dawn l-aħwa jistgħu juru li huma responsabbli. Imbagħad, meta jaslu fl-età taʼ bejn is-17 u d-19-il sena jkunu jistgħu jikkwalifikaw biex jaqdu bħala qaddejja ministerjali.

L-anzjani jistgħu jaraw jekk l-aħwa rġiel mgħammdin jistħoqqilhomx iktar responsabbiltà billi jtuhom xi assignments x’jagħmlu (Ara paragrafu 17)


18. Xi jfisser li ‘ma jkun hemm xejn fuq xiex tiġi akkużat’?

18 Li ‘ma jkun hemm xejn fuq xiex tiġi akkużat’ ifisser li ħadd ma jkun jistaʼ jakkużak li għamilt xi ħaġa ħażina. Però l-Kristjani xorta jistgħu jiġu akkużati b’mod falz. Ġesù hekk ġralu. U hu qal li d-dixxipli tiegħu kien se jiġrilhom l-istess. (Ġw. 15:20) Imma jekk iżżomm kuxjenza nadifa, bħal Ġesù, se jkollok reputazzjoni tajba fil-kongregazzjoni.—Mat. 11:19.

19. Xi jfisser li l-irġiel “ikunu miżżewġin mara waħda”?

19 “Ikunu miżżewġin mara waħda.” Ġeħova għamel iż-żwieġ bejn raġel wieħed u mara waħda. (Mat. 19:​3-9) U hu jrid li llum il-Kristjani jobdu l-istess livell. Raġel Kristjan qatt m’għandu jagħmel l-immoralità sesswali. (Lhud 13:4) Imma mhux hekk biss. Hu għandu jibqaʼ dejjem leali lejn il-mara tiegħu, u qatt ma jagħti attenzjoni żejda lil xi mara oħra.—Ġob 31:1.

20. Ħu kif għandu jieħu ħsieb il-familja tiegħu?

20 “Imexxu tajjeb lill-familja tagħhom, speċjalment lit-tfal.” Jekk int kap tal-familja, importanti li tieħu r-responsabbiltà li għandek bis-serjetà. Agħmel il-qima bħala familja b’mod regolari. Ipprietka mal-mara u t-tfal tiegħek kemm tistaʼ. Għin lit-tfal tiegħek isiru ħbieb taʼ Ġeħova. (Efes. 6:4) Raġel li jieħu ħsieb il-familja tiegħu juri li hu responsabbli biżżejjed biex jgħin ħalli jieħu ħsieb il-kongregazzjoni.—Ara l-prinċipju fl-​1 Timotju 3:5.

21. X’tistaʼ tagħmel jekk għadek m’intix taqdi bħala qaddej ministerjali?

21 Aħwa rġiel, jekk għadkom m’intomx qaddejja ministerjali, jekk jogħġobkom studjaw sew dan l-artiklu u itolbu lil Ġeħova. Studja sew dwar il-kwalifiki taʼ qaddej ministerjali u aħdem biex tilħaqhom. Sir ħobb iktar lil Ġeħova u lill-aħwa, u aħseb dwar għala tixtieq taqdihom. (1 Pt. 4:​8, 10) Aħdem biex issir qaddej ministerjali, u mbagħad int se tkun ferħan ħafna li qed taqdi lil ħutek. Jalla Ġeħova jbierkek hekk kif taħdem biex taqdi bħala qaddej ministerjali!—Flp. 2:13.

GĦANJA 17 “Irrid żgur”

a X’JURUNA L-ISTAMPI: Fuq ix-xellug, Ġesù b’umiltà qed jaqdi lid-dixxipli; fuq il-lemin, qaddej ministerjali qed jgħin lil ħu kbir fl-età fil-kongregazzjoni.