Taʼ min hu t-tort?
Jekk it-tbatija mhix ġejja mingħand Alla, mela x’inhu l-kaġun tal-ġuħ kbir, il-faqar li qatt ma jispiċċa, il-gwerer tal-biżaʼ, il-mard serju, u d-diżastri naturali? Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, tirrivela tliet raġunijiet prinċipali għala n-nies ibatu:
L-egoiżmu, ir-regħba, u l-mibegħda. “Il-bniedem iddomina lill-bniedem bi ħsara għalih.” (Ekkleżjasti 8:9) In-nies ħafna drabi jsofru għax jisfaw vittmi taʼ nies imperfetti, egoisti, u kattivi.
Iż-żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin. In-nies spiss isofru “għax iż-żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” (Ekkleżjasti 9:11) Dan jiġifieri, in-nies sempliċiment jinzertaw fil-post ħażin fil-ħin ħażin, jistaʼ jkollhom aċċident, jew jistgħu jaġixxu bi traskuraġni jew jagħmlu żbalji.
Il-ħakkiem ħażin tad-dinja. Il-Bibbja turi b’mod ċar x’inhi l-kawża primarja tat-tbatija tan-nies. Tgħid: “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Dak il-“Ħażin” hu Satana x-Xitan, ħliqa spirtu li għandu qawwa kbira. Dan fil-bidu kien anġlu t’Alla imma “ma żammx sħiħ fil-verità.” (Ġwanni 8:44) Ħlejjaq spirti oħra ngħaqdu maʼ Satana u rribellaw kontra Alla biex b’mod egoistiku jipprovaw jiksbu dak li jixtiequ, u għalhekk għamlu lilhom infushom demonji. (Ġenesi 6:1-5) Minn mindu rribellaw, Satana u d-demonji tiegħu użaw l-influwenza qawwija u krudila tagħhom fuq id-dinja. Dan qed jiġri b’mod partikulari fi żmienna. Issa, ix-Xitan hu rrabjat ħafna u “qed iqarraq bl-art abitata kollha,” u dan irriżulta fi “gwaj għall-art.” (Rivelazzjoni 12:9, 12) Fil-fatt, Satana hu dittatur kattiv u vjolenti. Hu bil-kattiverija jieħu pjaċir jara lin-nies isofru. Hu Satana, u mhux Alla, li jġiegħel lin-nies isofru.
IKKUNSIDRA: Xi ħadd kiefer u bla qalb biss iġiegħel lill-bnedmin innoċenti jsofru. B’kuntrast, il-Bibbja tgħid: “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Fi qbil mal-personalità kollha mħabba tiegħu, “ma jistax ikun li l-Alla l-veru jaġixxi bil-ħażen, u li Dak li Jistaʼ Kollox jaġixxi b’mod inġust!”—Ġob 34:10.
Madankollu, għandek mnejn taħseb, ‘Alla li Jistaʼ Kollox kemm ħa jdum jippermetti lil Satana jkompli l-ħakma kiefra tiegħu?’ Bħalma rajna, Alla jobgħod il-ħażen u hu jweġġaʼ ħafna meta jarana nbatu. Iktar minn hekk, il-Kelma tiegħu tħeġġiġna biex ‘nitfgħu l-ansjetà kollha tagħna fuqu, għax hu jimpurtah minna.’ (1 Pietru 5:7) Alla jħobbna u għandu l-qawwa biex iġib fix-xejn kull tbatija u inġustizzja, bħalma se jispjega l-artiklu li jmiss. *
^ par. 7 Biex issir taf iżjed għala nbatu, ara lezzjoni 26 tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! li ġie ppubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Tistaʼ tiddawnlowdjah b’xejn minn www.mr1310.com.