Kont taf?
Kif bdew jeżistu s-sinagogi?
IL-KELMA “sinagoga” ġejja minn kelma Griega li tfisser “assemblea” jew “ġabra flimkien.” L-isem hu adattat għax is-sinagogi kienu postijiet fejn in-nies kienu jiltaqgħu flimkien biex jitgħallmu u jagħtu qima fil-komunitajiet Lhud sa minn żmien il-qedem. L-Iskrittura Ebrajka ma tagħmel l-ebda referenza ċara għas-sinagogi, iżda jidher ċar mill-Iskrittura Griega Kristjana li postijiet bħal dawn fejn in-nies kienu jinġabru kienu diġà stabbiliti sew sal-ewwel seklu wara Kristu (WK).
Il-biċċa l-kbira tal-istudjużi jemmnu li s-sinagogi bdew jeżistu matul il-jasar Lhudi f’Babilonja. L-Encyclopaedia Judaica tispjega: “L-Eżiljati, li kienu mingħajr it-Tempju, f’art barranija, u li kienu jħossu l-bżonn għal faraġ fin-niket tagħhom, kienu jiltaqgħu minn żmien għal żmien, probabbilment fis-Sabat, u jaqraw l-Iskrittura.” Meta nħelsu mill-jasar tagħhom, jidher li l-Lhud komplew jiltaqgħu għat-talb u l-qari tal-Iskrittura, u huma stabbilew sinagogi kull fejn marru joqogħdu.
Sal-ewwel seklu WK, is-sinagogi b’hekk saru ċ-ċentru tal-ħajja reliġjuża u soċjali Lhudija għal komunitajiet imxerrdin madwar il-Mediterran, fil-Lvant Nofsani, u f’Iżrael stess. “[Is-sinagogi] servew bħala postijiet għall-istudju, għal ikliet qaddisa [li kienu jsiru fis-Sabat u fi ġranet taʼ festa], għal proċessi tal-qorti, għal depożitu taʼ flus għas-servizz fit-tempju u għall-komunità, u għal-laqgħat politiċi u soċjali,” jgħid il-Professur Lee Levine taʼ L-Università Ebrajka taʼ Ġerusalemm. Hu jżid jgħid: “M’għandniex xi ngħidu, is-servizzi reliġjużi kienu taʼ importanza prinċipali.” Mela mhux taʼ b’xejn li Ġesù spiss kien imur fis-sinagogi. (Mk. 1:21; 6:2; Lq. 4:16) Hemm hu għallem, wissa, u inkuraġġixxa lil dawk preżenti. Wara li l-kongregazzjoni Kristjana ġiet stabbilita, l-appostlu Pawlu wkoll ipprietka ħafna fis-sinagogi. Nies interessati fl-affarijiet spiritwali kienu b’mod naturali jinġibdu lejn is-sinagogi, allura meta Pawlu kien jidħol f’xi belt, hu ġeneralment kien imur l-ewwel fis-sinagoga u jipprietka hemmhekk.—Atti 17:1, 2; 18:4.