Il-“Fratellanza Pollakka”—Għala Kienet Persegwitata?
Fl-1638 grupp reliġjuż żgħir magħruf bħala l-Fratellanza Pollakka (Polish Brethren) ħa daqqa taʼ ħarta kbira minħabba d-deċiżjonijiet tal-parlament Pollakk. Knisja u stamperija li kienu propjetà taʼ dan il-grupp ġew meqruda. L-Università taʼ Raków ngħalqet, u l-professuri li kienu jgħallmu hemmhekk ġew eżiljati.
Għoxrin sena wara, il-parlament ħa iktar passi kontra dan il-grupp. Dan ordna lill-membri kollha tal-grupp, li x’aktarx kienu jgħoddu maʼ l-10,000 jew iktar, biex jitilqu mill-pajjiż. Is-sitwazzjoni kif saret daqshekk kritika f’pajjiż li dak iż-żmien kien meqjus bħala wieħed mill-iktar pajjiżi tolleranti fl-Ewropa kollha? X’kienu għamlu l-membri tal-Fratellanza Pollakka biex ikun jistħoqqilhom jiġu trattati b’mod daqshekk aħrax?
Kollox beda meta fil-Knisja Kalvinista tal-Polonja qamet tilwima serja. Punt kruċjali li fuqu kien hemm nuqqas taʼ qbil kien id-duttrina tat-Trinità. Il-mexxejja taʼ moviment progressiv fi ħdan il-knisja ċaħdu din id-duttrina għax qalu li m’hijiex skritturali. Dan irrabjahom ħafna lill-mexxejja tal-knisja u kien il-kaġun li l-moviment progressiv inqataʼ minn mal-knisja.
Il-Kalvinisti lid-dissidenti sejħulhom Arjani, a imma s-segwaċi tal-grupp il-ġdid ippreferew li jissejħu Kristjani jew il-Fratellanza Pollakka. Huma magħrufin ukoll bħala Soċinjani, għal Laelius Socinus, Taljan li kien influwenzat minn Servetu, u li neputih Faustus Socinus kien mar il-Polonja u sar prominenti fost il-membri tal-moviment.
F’dak iż-żmien, nobbli Pollakk bl-isem taʼ Jan Sienieński beda jipprova jikseb għall-knisja l-ġdida dak li hu sejjaħlu “post għall-kwiet u maqtugħ għalih” fejn setgħet tikber. Billi għamel użu minn privileġġ speċjali li kien tah ir-re tal-Polonja, Sienieński stabbilixxa l-belt taʼ Raków, li iktar tard saret iċ-ċentru tas-Soċinjaniżmu fil-Polonja. Sienieński ta liċ-ċittadini taʼ Raków għadd taʼ drittijiet, inkluż id-dritt li jqimu bil-libertà.
Din il-belt ġdida ġibdet lejha nies tas-sengħa, tobba, spiżjara, nies tal-bliet, u nobbli minn diversi gruppi reliġjużi. Barra minn dawn, marru bi ħġarhom partita ministri reliġjużi mill-Polonja, il-Litwanja, it-Transilvanja, Franza, u saħansitra mill-Ingilterra. Madankollu, dawn in-nies li kienu għadhom kemm waslu mhux kollha kienu taʼ l-istess twemmin tas-Soċinjani, u għalhekk matul it-tliet snin taʼ wara, mill-1569 sa l-1572, Raków saret il-post taʼ diskussjonijiet teoloġiċi li ma jispiċċaw qatt. B’liema riżultat?
Dar Maqsuma
Il-moviment Soċinjan innifsu nqasam—fuq naħa minnhom kien hemm dawk li kellhom opinjonijiet iktar estremi, waqt li fuq in-naħa l-oħra kien hemm dawk li l-ideat tagħhom kienu iktar moderati. Madankollu, minkejja d-differenzi taʼ bejniethom, it-twemmin li ż-żewġ naħat kienu jemmnu fih kien jiddistingwihom minn gruppi oħrajn. Huma ċaħdu t-Trinità; warrbu l-prattika tal-magħmudija tat-trabi; ġeneralment ma kinux iġorru l-armi, u taʼ spiss kienu jirrifjutaw li jaqdu bħala b Kienu wkoll jiċħdu l-eżistenza taʼ l-infern bħala post taʼ turment. F’dan kollu, kienu jinjoraw it-tradizzjonijiet reliġjużi popolari.
uffiċjali governattivi.Kemm il-kleru Kalvinist u kemm dak Kattoliku qajmu oppożizzjoni ħarxa kontra dan il-grupp, imma l-ministri Soċinjani ħadu vantaġġ mill-atmosfera taʼ tolleranza reliġjuża, li ħeġġew rejiet Pollakki bħal Siġismondu II Awgustu u Stephen Báthory, biex jgħallmu l-ideat tagħhom.
Il-Biċċa Xogħol Storika taʼ Budny
It-traduzzjoni Kalvinista tal-Bibbja li kienet tintuża ħafna dak iż-żmien ma kinitx qed tissodisfa l-bżonnijiet taʼ ħafna qarrejja. Din ma kinitx ġiet tradotta mil-lingwi oriġinali, iżda mill-Vulgata Latina u traduzzjoni Franċiża taʼ dak iż-żmien. “Sabiex l-istil ikun sabiħ, intilfu l-lealtà u l-eżattezza tal-ħsieb,” tgħid awtorità waħda. Ġew introdotti ħafna żbalji. Minħabba f’dan, studjuż magħruf bl-isem taʼ Szymon Budny ġie mitlub jikkoreġi din it-traduzzjoni. Hu ddeċieda li kien ikun iktar faċli li jipproduċi traduzzjoni kompletament ġdida milli jikkoreġi l-qadima. Budny beda jaħdem fuq dan il-proġett bejn wieħed u ieħor fl-1567.
Waqt li kien qed jittraduċi, Budny analizza bir-reqqa kull kelma kif ukoll modi differenti li bihom dan il-kliem setaʼ jinkiteb, u dan għamlu b’tali mod li ħadd qabel ma kien għamel bħalu fil-Polonja. F’każi fejn it-test Ebrajk kien diffiċli biex jiġi tradott, hu indika t-traduzzjoni letterali f’noti marġinali. Fejn kien hemm il-bżonn, hu ħoloq kliem ġdid u pprova juża l-Pollakk sempliċi u komuni taʼ żmienu. Il-mira tiegħu kienet li lill-qarrej jippreżentalu traduzzjoni tal-Bibbja li tkun leali u eżatta.
It-traduzzjoni tal-Bibbja sħiħa li għamel Budny ġiet pubblikata fl-1572. Madankollu, il-pubblikaturi taʼ din il-biċċa xogħol bagħbsu t-traduzzjoni tiegħu taʼ l-Iskrittura Griega. Budny ma qatax qalbu, u beda jaħdem fuq verżjoni reveduta, li tlestiet sentejn wara. It-traduzzjoni eċċellenti li għamel Budny taʼ l-Iskrittura Griega kienet superjuri għat-traduzzjonijiet Pollakki li kienu saru qabel. Barra minn hekk, f’ħafna postijiet hu inkluda mill-ġdid l-isem divin, Jehovah.
Matul l-aħħar parti tas-seklu 16 u l-ewwel tletin sena tas-seklu 17, Raków, il-belt ewlenija tal-moviment, saret ċentru reliġjuż kif ukoll intellettwali. Il-mexxejja u l-kittieba tal-Fratellanza Pollakka kienu jippubblikaw il-fuljetti u x-xogħlijiet tagħhom hemmhekk.
Huma Taw Spinta lill-Edukazzjoni
Ix-xogħol taʼ stampar li kienet tagħmel il-Fratellanza Pollakka beda jiżdied b’rata iktar mgħaġġla bejn wieħed u ieħor fis-sena 1600 meta nfetħet stamperija f’Raków. Din l-istamperija kienet tipproduċi kemm xogħlijiet letterarji żgħar u kemm kotba kbar f’diversi lingwi. Bħala ċentru taʼ l-istampar, Raków malajr beda jħabbatha maʼ l-aqwa stamperiji fl-Ewropa. Hemm min jgħid li ġew stampati daqs 200 pubblikazzjoni f’din l-istamperija matul l-40 sena taʼ wara. Fabbrika tal-karta li kien hemm fil-viċin u li kienet propjetà tal-Fratellanza Pollakka kienet tissupplixxi karta taʼ kwalità tajba ħafna għal din il-letteratura.
Il-membri tal-Fratellanza Pollakka malajr raw il-ħtieġa li jedukaw lil sħabhom fit-twemmin, kif ukoll lil nies oħrajn. Għal dan l-għan, fl-1602 twaqqfet l-Università taʼ Raków. Fiha kienu jattendu t-tfal subien tal-membri tal-Fratellanza Pollakka, kif ukoll subien Kattoliċi u Protestanti. Għalkemm l-Università kienet seminarju teoloġiku, ir-reliġjon ma kinitx l-uniku suġġett li kien jiġi mgħallem hemmhekk. Il-kurrikulu kien jinkludi wkoll xi lingwi barranin, l-etika, l-ekonomija, l-istorja, il-liġi, il-loġika, ix-xjenzi naturali, il-matematika, il-mediċina, u l-ġinnastika. L-università kellha librerija kbira li baqgħet tikber, grazzi għall-istamperija lokali.
Hekk kif daħal is-seklu 17, kien jidher li l-Fratellanza Pollakka kienet se tkompli tiffjorixxi. Madankollu, dan ma kellux ikun.
Il-Knisja u l-Istat Juru Snienhom
Zbigniew Ogonowski, mill-Akkademja Pollakka tax-Xjenzi, jispjega: “Fi tmiem l-ewwel tletin sena tas-seklu 17, is-sitwazzjoni taʼ l-Arjani fil-Polonja bdiet tmur għall-agħar bil-ħeffa.” Dan ġara minħabba l-attività sfaċċata li dejjem kompliet tiħrax tal-kleru Kattoliku. Il-kleru uża kull mezz possibbli, inkluż il-malafama u l-libell, biex jitfaʼ
dell ikrah fuq il-Fratellanza Pollakka. L-attakk sar iktar faċli meta nbidlet is-sitwazzjoni politika fil-Polonja. Ir-re Pollakk il-ġdid, Siġismondu III Vasa, kien għadu tal-Fratellanza Pollakka. Is-suċċessuri tiegħu, speċjalment Ġwanni II Casimir Vasa, ukoll appoġġaw l-isforzi tal-Knisja Kattolika biex iġġib fix-xejn il-Fratellanza Pollakka.Is-sitwazzjoni laħqet il-quċċata tagħha meta ġie allegat li xi studenti mill-Università taʼ Raków kasbru salib għal t’apposta. Dan l-inċident ġie wżat bħala skuża biex tinqered il-kapitali tal-Fratellanza Pollakka. Il-propjetarju taʼ l-Università taʼ Raków ġie mixli quddiem qorti parlamentari li ‘xerred il-ħażen’ billi ta l-appoġġ tiegħu lill-Università taʼ Raków u l-istamperija tagħha. Il-membri tal-Fratellanza Pollakka ġew akkużati li kienu qed jipprovaw jaqilbu kollox taʼ taħt fuq, li kienu qed jieħdu sehem f’orġji, u li kienu qed jgħixu ħajja immorali. Il-Parlament iddeċieda li l-Università taʼ Raków kellha tingħalaq u li l-istamperija u l-knisja tal-Fratellanza Pollakka kellhom jinqerdu. Il-membri ġew ordnati biex jitilqu mill-belt. Il-professuri taʼ l-università ġew imkeċċijin mill-pajjiż taħt piena taʼ mewt. Xi membri tal-Fratellanza Pollakka telqu lejn postijiet fejn kien hemm iktar sigurtà, bħas-Silesja u s-Slovakkja.
Fl-1658, il-parlament ħareġ digriet li l-membri tal-Fratellanza Pollakka kellhom ibigħu l-propjetà tagħhom u jitilqu mill-pajjiż fi żmien tliet snin. Iktar tard, dan iż-żmien tqassar għal sentejn. Kulmin jinqabad jipprattika dan it-twemmin wara dawn is-sentejn kien jingħata l-mewt.
Xi Soċinjani ssetiljaw fl-Olanda, fejn komplew bl-attività tagħhom taʼ l-istampar. Fit-Transilvanja kien hemm kongregazzjoni li baqgħet tiffunzjona sal-bidu tas-seklu 18. Fil-laqgħat tagħhom, li kienu jinżammu sa tliet darbiet fil-ġimgħa, huma kienu jkantaw is-salmi, jisimgħu l-priedki, u jaqraw minn katekiżmu li kien ġie mħejji apposta biex jispjega t-tagħlim tagħhom. Sabiex jippreservaw is-safa tal-kongregazzjoni, dawk li jemmnu kienu jiġu kkoreġuti, imwissijin, u jekk ikun hemm bżonn, imkeċċijin.
Il-membri tal-Fratellanza Pollakka kienu studenti tal-Kelma t’Alla. Huma skoprew xi veritajiet prezzjużi, u ma żammewx lura milli jaqsmuhom m’oħrajn. Madankollu, eventwalment huma xterdu maʼ l-Ewropa kollha u sabuha dejjem iktar diffiċli li jibqgħu magħqudin. Maż-żmien, il-Fratellanza Pollakka sparixxiet.
[Noti taʼ taħt]
a Arju (250-336 E.K.) kien qassis minn taʼ Lixandra li sostna li Ġesù huwa inferjuri għall-Missier. Il-Konċilju taʼ Niċea ċaħad din il-ħarsa fis-sena 325 E.K.—Ara l-Awake! tat-22 taʼ Ġunju, 1989, paġna 27.
b Ara l-Awake! tat-22 taʼ Novembru, 1988, paġna 19, “The Socinians—Why Did They Reject the Trinity?” (Is-Soċinjani—Għala Ċaħdu t-Trinità?)
[Stampa f’paġna 23]
Dar li kienet taʼ ministru reliġjuż Soċinjan
[Stampi f’paġna 23]
Fuq: Raków illum; fuq il-lemin hemm il-monasteru li twaqqaf fl-1650 biex jeqred għalkollox kull traċċa taʼ “Arjaniżmu”; taħt: F’dan il-post il-kleru Kattoliku poġġa salib biex jipprovoka lill-membri tal-Fratellanza Pollakka għall-ġlied
[Sors taʼ l-istampa f’paġna 21]
Title card tal-Biblia nieświeska minn Szymon Budny, 1572