Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“L-Iżgħar Wieħed” Sar “Elf”

“L-Iżgħar Wieħed” Sar “Elf”

“L-​iżgħar wieħed isir elf; l-​iċken isir ġens qawwi.”—ISAIJA 60:​22, KŻ.

1, 2. (a) Id-​dlamijiet għala qed jiksu l-​art illum? (b) Id-​dawl taʼ Jehovah kif idda b’mod progressiv fuq in-​nies tiegħu?

 “DLAMIJIET jiksu l-​art, u sħab iswed il-​popli: iżda fuqek jiddi l-​Mulej, u sebħu jfiġġ fuqek.” (Isaija 60:2) Dan il-​kliem kemm jiddeskriviha tajjeb is-​sitwazzjoni fuq l-​art mill-​1919 ’l hawn! Il-​Kristjaneżmu ċaħad is-​sinjal tal-​preżenza rjali taʼ Ġesù Kristu, id-​“dawl tad-​dinja.” (Ġwann 8:12; Mattew 24:3) Minħabba l-​“korla kbira” li għandu Satana, il-​kap tal-​“Prinċpijiet taʼ din id-​dinja taʼ dlamijiet,” is-​seklu 20 kien l-​iktar żmien kiefer u distruttiv fl-​istorja tal-​bniedem. (Apokalissi 12:12; Efesin 6:12) Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies jgħixu fi dlam spiritwali.

2 Xorta waħda, hemm dawl li qed jiddi llum. Jehovah qed ‘jixħet id-​dawl’ fuq il-​qaddejja tiegħu, il-​fdal midluk, li huma r-​rappreżentanti tal-​“mara” ċelestjali tiegħu fuq l-​art. (Isaija 60:​1, NW) Dawn irriflettew il-​glorja t’Alla u ħallew ‘id-​dawl tagħhom jiddi quddiem il-​bnedmin,’ b’mod speċjali mindu nħelsu mill-​jasar Babiloniż fl-​1919. (Mattew 5:16) Mill-​1919 sa l-​1931, id-​dawl tas-​Saltna idda dejjem iktar u iktar hekk kif dawn ħelsu minn kull irbit li kellhom mal-​mod taʼ ħsieb Babiloniż. Huma żdiedu fin-​numru u saru għaxriet taʼ eluf hekk kif Jehovah wettaq il-​wegħda tiegħu: “Niġbor il-​fdal taʼ Iżrael, nqegħedhom flimkien bħal nagħaġ f’maqjel, bħal merħla f’nofs taʼ mergħa, geġwiġija taʼ nies.” (Mikea 2:12) Fl-​1931, il-​glorja taʼ Jehovah fuq in-​nies tiegħu saret saħansitra iktar evidenti meta dawn aċċettaw l-​isem Xhieda taʼ Jehovah.—Isaija 43:​10, 12.

3. Kif sar evidenti li d-​dawl taʼ Jehovah kellu jiddi fuq oħrajn minbarra dawk midlukin?

3 Kien Jehovah se jitfaʼ d-​dawl tiegħu biss fuq il-​fdal tal-​“merħla ċkejkna”? (Luqa 12:32) Le. Il-​ħarġa taʼ The Watch Tower taʼ l-​1 taʼ Settembru, 1931, indikat grupp ieħor. Fi spjegazzjoni mill-​aħjar taʼ Eżekjel 9:​1-11, din uriet li r-​raġel li kellu l-​meħtieġ għall-​kitba li jissemma f’dawk il-​versi jirrappreżenta lill-​fdal midluk. Min huma dawk li jiġu mmarkati fuq ġbinhom minn dak ir-​“raġel”? Dawn huma n-​“nagħaġ oħra,” dawk li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna. (Ġwann 10:16; Salm 37:29) Fl-​1935 sar mifhum li dan il-​grupp taʼ “nagħaġ oħra,” kien il-​“kotra kbira . . . minn kull ġens” li l-​appostlu Ġwanni ra fil-​viżjoni. (Apokalissi 7:​9-14) Mill-​1935 s’issa, l-​attenzjoni kienet iffokata fuq il-​ġbir tal-​kotra l-​kbira.

4. Min huma s-​“slaten” u l-​“ġnus” li jirreferi għalihom Isaija 60:3?

4 Il-profezija taʼ Isaija talludi għal dan ix-​xogħol taʼ ġbir meta tgħid: “Il-​ġnus għad jimxu fid-​dawl tiegħek, u s-​slaten fid-​dija taʼ sbiħek.” (Isaija 60:3) Min huma s-​“slaten” li jirreferi għalihom hawnhekk? Il-​bqija tal-​144,000, li flimkien maʼ Ġesù Kristu, huma werrieta bi sħab tas-​Saltna tas-​sema u huma minn taʼ quddiem fix-​xogħol taʼ għoti taʼ xiehda. (Rumani 8:17; Apokalissi 12:​17, NW; 14:1) Illum, dawk il-​ftit eluf li baqaʼ mill-​fdal midluk huma ftit ferm meta tqabbilhom mal-​“ġnus,” dawk li għandhom tama għall-​art li jiġu għand Jehovah għall-​istruzzjoni u jistiednu lil oħrajn jagħmlu bħalhom.—Isaija 2:3.

Il-​Qaddejja Żelużi taʼ Jehovah

5. (a) Liema fatti juru li ż-​żelu tan-​nies taʼ Jehovah ma naqasx? (b) Liema pajjiżi kellhom żjidiet straordinarji fl-​1999? (Ara t-​tabella f’paġni 17 sa 20.)

5 Kemm urew żelu x-​Xhieda taʼ Jehovah taż-​żmien modern matul is-​seklu 20! U minkejja l-​pressjonijiet li dejjem jiżdiedu, iż-​żelu tagħhom ma naqasx hekk kif qorbot is-​sena 2000. Huma xorta ħaduh b’serjetà kbira l-​kmand taʼ Ġesù: “Agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha.” (Mattew 28:​19, 20) In-​numru taʼ pubblikaturi attivi taʼ l-​aħbar tajba fl-​aħħar sena taʼ servizz tas-​seklu 20 laħaq quċċata ġdida taʼ 5,912,492. Dawn qattgħu total straordinarju taʼ 1,144,566,849 siegħa jitkellmu m’oħrajn dwar Alla u l-​iskopijiet tiegħu. Għamlu 420,047,796 żjara lura għand dawk li wrew interess u kkonduċew 4,433,884 studju tal-​Bibbja bla ħlas. X’rekord taʼ l-​għaġeb taʼ servizz żeluż!

6. Liema arranġament ġdid sar għall-​pijunieri, u x’reazzjoni kien hemm?

6 F’Jannar li għadda, il-​Ġemgħa li Tiggverna ħabbret aġġustament fil-​ħtieġa tas-​sigħat għall-​pijunieri. Ħafna ħadu vantaġġ minn dan biex jidħlu għax-​xogħol taʼ pijunier regulari jew awżiljarju. Per eżempju, matul l-​ewwel erbaʼ xhur tas-​sena 1999, l-​uffiċċju tal-​fergħa fl-​Olanda rċieva erbaʼ darbiet iktar applikazzjonijiet għax-​xogħol taʼ pijunier regulari milli kien irċieva fl-​istess perijodu s-​sena taʼ qabel. Il-​Gana tirrapporta: “Mindu bdiet isseħħ il-​ħtieġa l-​ġdida tas-​sigħat għall-​pijunieri, in-​numru taʼ dawk li daħlu għax-​xogħol taʼ pijunier regulari baqaʼ dejjem jiżdied.” Fis-​sena taʼ servizz 1999, in-​numru taʼ pijunieri madwar id-​dinja laħaq is-​738,343—turija taʼ l-​għaġeb tal-​‘ħeġġa għall-​għemil it-​tajjeb.’—Titu 2:14.

7. Jehovah kif bierek l-​attività żeluża tal-​qaddejja tiegħu?

7 Berikha Jehovah din l-​attività żeluża? Iva. Permezz taʼ Isaija hu jgħid: “Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara: lkoll miġbura ġejjin għandek. Uliedek ġejjin mill-​bogħod, u bnietek iġorruhom fuq id-​dirgħajn.” (Isaija 60:4) ‘Ulied’ u ‘bniet’ midlukin li ġew miġburin għadhom jaqdu lil Alla biż-​żelu. U issa, in-​nagħaġ oħra taʼ Ġesù qed jiġu miġburin fuq in-​naħa taʼ l-​‘ulied’ u l-​‘bniet’ midlukin f’234 pajjiż u gżira.

“Kull Ħidma Tajba”

8. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’liema ‘ħidmiet tajbin’ huma attivi?

8 Il-Kristjani għandhom ir-​responsabbiltà li jxandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna u li jgħinu lil dawk interessati jsiru dixxipli. Imma huma jinsabu ‘mħejjijin għal kull ħidma tajba.’ (2 Timotju 3:17) Għalhekk, huma jieħdu ħsieb il-​familji tagħhom b’għożża kbira, juru ospitalità, u jżuru l-​morda. (1 Timotju 5:8; Lhud 13:16) U xi volontieri huma involuti fi proġetti bħalma hu l-​bini taʼ Swali tas-​Saltna—xogħol li hu xiehda fih innifsu. F’Togo, wara li tlestiet sala minn dawn, dawk responsabbli minn knisja kariżmatika lokali riedu jkunu jafu għala x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu kapaċi jibnu l-​bini tagħhom stess waqt li huma kellhom jikru l-​bennejja biex jibnulhom! Togo jirrapporta li l-​bini taʼ Swali tas-​Saltna taʼ kwalità tajba tant għandu effett pożittiv fl-​inħawi fejn jinbena, li xi nies jipprovaw jikru jew jibnu djarhom fl-​inħawi fejn ikunu se jinbnew dawn is-​swali.

9. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif wieġbu meta seħħew xi diżastri?

9 Xi drabi, ikun hemm bżonn taʼ tip ieħor taʼ ħidma tajba. Matul l-​aħħar sena taʼ servizz, ħafna pajjiżi ntlaqtu minn diżastri, u f’ħafna każi l-​ewwel li waslu fuq il-​post biex jagħtu l-​għajnuna kienu x-​Xhieda taʼ Jehovah. Per eżempju, l-​Uragan Mitch ħarbat il-​biċċa l-​kbira tal-​Ħonduras. F’kemm ili ngħidlek, il-​fergħa fformat kumitati taʼ emerġenza biex jorganizzaw il-​ħidma biex tingħata l-​għajnuna meħtieġa. Ix-​Xhieda fil-​Ħonduras u f’ħafna pajjiżi oħrajn taw ħwejjeġ, ikel, mediċini, u affarijiet bażiċi oħrajn. Il-​Kumitati tal-​Bini Reġjonali wżaw l-​abbiltajiet tagħhom biex jerġgħu jibnu xi djar mill-​ġdid. F’qasir żmien, ħutna li ntlaqtu mid-​diżastru kienu qed jiġu megħjunin biex jerġgħu lura għall-​attivitajiet normali tagħhom. Fl-​Ekwador, ix-​Xhieda taʼ Jehovah marru jgħinu lil ħuthom meta għargħar kbir qered xi djar. Wara li uffiċjal tal-​gvern ra l-​mod effiċjenti li bih trattaw is-​sitwazzjoni, hu qal: “Kieku kelli dan il-​grupp taħt idejja, kont nagħmel l-​għeġubijiet! Nies bħalkom imisshom ikunu f’kull naħa tad-​dinja.” Ħidma tajba bħal din iġġib tifħir lil Alla Jehovah u hija evidenza li aħna għandna “devozzjoni lejn Alla [li] hija taʼ benefiċċju għall-​affarijiet kollha.”—1 Timotju 4:​8, NW.

Jiġu ‘Jittajru bħal Sħab’

10. Minkejja li n-​numru tal-​midlukin qiegħed jonqos bil-​mod il-​mod, l-​isem taʼ Jehovah għala qed jixxandar iktar minn qatt qabel?

10 Jehovah issa jistaqsi: “Min huma dawn li bħal sħab jittajru, bħal ħamiem lejn il-​bejtiet tagħhom? Iva, għalija jinġabru l-​bastimenti tal-​gżejjer, bl-​iġfna taʼ Tarsis quddiemnett, biex iġibu ’l uliedek mill-​bogħod . . . [I]l-barranin jibnulek swarek, u jaqduk is-​slaten tagħhom.” (Isaija 60:​8-10) L-​ewwel li wieġbu meta ‘idda’ Jehovah kienu ‘wliedu,’ il-​Kristjani midlukin. Imbagħad ġew il-​“barranin,” il-​kotra l-​kbira, li jaqdu lealment lil ħuthom midlukin, u jsegwu t-​tmexxija tagħhom f’li jxandru l-​aħbar tajba. B’hekk, għalkemm in-​numru taʼ dawk midlukin qiegħed jonqos bil-​mod il-​mod, l-​isem taʼ Jehovah qed jixxandar madwar il-​globu iktar minn qatt qabel.

11. (a) Liema ħaġa għadha sejra, u liema riżultat kien hemm fl-​1999? (b) Liema pajjiżi kellhom numru li jispikka taʼ dawk li tgħammdu fl-​1999? (Ara t-​tabella f’paġni 17 sa 20.)

11 B’riżultat taʼ dan, miljuni qed jinġabru “bħal ħamiem lejn il-​bejtiet tagħhom,” billi jsibu refuġju ġewwa l-​kongregazzjoni Kristjana. Kull sena qed jiżdiedu mijiet taʼ eluf, u t-​triq għadha miftuħa biex jidħlu iktar nies. Isaija jgħid: “[I]l-bibien tiegħek ikunu miftuħin dejjem, lejl u nhar ma jingħalqux, biex jiġi għandek il-​ġid tal-​ġnus.” (Isaija 60:11) Is-​sena l-​oħra tgħammdu 323,439 b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah, u hu għadu m’għalaqx il-​bibien. Il-​“ġid kollu tal-​popli,” il-​membri tal-​kotra l-​kbira, għadhom qed jiffollaw biex jgħaddu minnhom. (Ħaggaj 2:7) Ħadd minn dawk li jrid jitlaq id-​dlam ma jiġi rifjutat. (Ġwann 12:46) Jalla wħud bħal dawn qatt ma jitilfu l-​apprezzament tagħhom għad-​dawl!

Bla Biżaʼ Minkejja l-​Oppożizzjoni

12. Dawk li jħobbu d-​dlam kif ipprovaw jitfuh id-​dawl?

12 Dawk li jħobbu d-​dlam jobogħduh id-​dawl taʼ Jehovah. (Ġwann 3:19) Xi wħud saħansitra jipprovaw jitfu dak id-​dawl. Dan nistennewh. Saħansitra lil Ġesù, “dak id-​dawl veru, li jdawwal kull bniedem,” irridikolawh, opponewh, u fl-​aħħar in-​nies taʼ pajjiżu stess qatluh. (Ġwann 1:9) Matul is-​seklu 20, ix-​Xhieda taʼ Jehovah wkoll ġew imwaqqgħin għaċ-​ċajt, mitfugħin il-​ħabs, projbiti, u saħansitra maqtulin, hekk kif huma rriflettew fedelment id-​dawl taʼ Jehovah. Fi snin reċenti, l-​avversarji bdew ixerrdu l-​gideb fuq il-​mezzi tax-​xandir dwar dawk li jirriflettu d-​dawl t’Alla. Xi wħud iridu jġagħlu lin-​nies jemmnu li x-​Xhieda taʼ Jehovah huma perikolużi u li għandhom jiġu ristretti jew projbiti. Irnexxew dawn l-​avversarji f’li jagħmlu dan?

13. X’irriżulta meta ġew preżentati l-​fatti dwar ix-​xogħol tagħna b’mod diskret lill-​mezzi tax-​xandir?

13 Le. Fejn kien xieraq, ix-​Xhieda taʼ Jehovah wżaw il-​mezzi tax-​xandir biex jispjegaw il-​fatti. B’riżultat taʼ dan, l-​isem taʼ Jehovah ġie mxandar maʼ kullimkien permezz tal-​gazzetti u r-​rivisti u permezz tar-​radju u t-​televiżjoni. Dan kellu riżultati tajbin fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Per eżempju, fid-​Danimarka kien hemm programm fuq l-​istazzjon nazzjonali tat-​televiżjoni li ttratta s-​suġġett “Għala l-​fidi tad-​Daniżi qed tibred.” Ġew intervistati x-​Xhieda taʼ Jehovah, kif ukoll rappreżentanti taʼ reliġjonijiet oħra. Wara li kienet rat il-​programm, waħda mara kkummentat: “Ma kien hemm ebda dubju min kellu l-​ispirtu t’Alla.” Inbeda studju maʼ din il-​mara.

14. B’diżappunt kbir għalihom, l-​avversarji liema ħaġa dalwaqt se jkollhom bilfors jirrikonoxxu?

14 Ix-Xhieda taʼ Jehovah jafu li ħafna f’din id-​dinja se jopponuhom. (Ġwann 17:14) Xorta waħda, huma jiġu msaħħin mill-​profezija taʼ Isaija: “U jiġu għandek rashom baxxa wlied dawk li ħaqruk, u jinżlu wiċċhom fl-​art quddiemek dawk li żebilħuk, u jsejjħulek: ‘Belt tal-​Mulej,’ ‘Sijon tal-​Qaddis taʼ Iżrael.’” (Isaija 60:14) B’diżappunt kbir għalihom, l-​avversarji dalwaqt se jkollhom jirrikonoxxu li, fil-​fatt, kienu qed jiħduha kontra Alla nnifsu. Min jistaʼ jirbaħ battalja bħal din?

15. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif ‘jerdgħu ħalib il-​ġnus,’ u dan kif kien jidher fix-​xogħol tagħhom taʼ tagħlim u evanġelizzar?

15 Jehovah jkompli jwiegħed: “Nagħmlek kbira għal dejjem . . . Bħal tarbija terdaʼ ħalib il-​ġnus, u titmantna minn sider is-​slaten, biex tagħraf li jien il-​Mulej, is-​Salvatur tiegħek.” (Isaija 60:​15, 16) Iva, Jehovah hu s-​Salvatur tan-​nies tiegħu. Jekk jistrieħu fuqu, huma se jibqgħu għal “dejjem.” U huma se ‘jerdgħu ħalib il-​ġnus,’ billi jużaw ċerti riżorsi li jkunu disponibbli biex javanzaw il-​qima vera. Per eżempju, użu għaqli mill-​kompjuter u mit-​teknoloġija tal-​komunikazzjoni jagħmluha iktar faċli biex It-​Torri taʼ l-​Għassa jiġi pubblikat b’mod simultanju f’121 lingwa u Stenbaħ! fi 62 lingwa. Ġie disinjat programm speċifiku tas-​software tal-​kompjuter ħalli jgħin biex tiġi tradotta n-​New World Translation f’lingwi oħrajn, u din it-​traduzzjoni tant iġġib ferħ. Meta fl-​1999 ġiet pubblikata l-​verżjoni bil-​Kroat taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana, eluf taʼ nies bdew jibku bil-​ferħ. Wieħed ħu taʼ età avanzata qal: “Kemm ili nistennieha din il-​Bibbja! Issa nistaʼ mmut bil-​kwiet!” In-​New World Translation, sħiħa jew parti minnha, għandha ċirkulazzjoni taʼ iktar minn 100 miljun kopja f’34 lingwa.

Livelli Morali Għoljin

16, 17. (a) Għalkemm m’huwiex faċli, għala huwa vitali li nżommu l-​livelli għoljin taʼ Jehovah? (b) Liema esperjenza turi li ż-​żgħażagħ jistgħu jevitaw li jitniġġsu mid-​dinja?

16 Ġesù qal: “Kull min jagħmel il-​ħażen jobgħod id-​dawl.” (Ġwann 3:20) Mill-​banda l-​oħra, dawk li jibqgħu fid-​dawl iħobbu l-​livelli għoljin taʼ Jehovah. Permezz taʼ Isaija, Jehovah jgħid: “Kulħadd ikun ġust fil-​poplu tiegħek.” (Isaija 60:21a) Tistaʼ tkun sfida kbira li wieħed iżomm livelli taʼ tjieba f’dinja mimlija immoralità sesswali, gideb, regħba, u kburija. Per eżempju, f’xi pajjiżi l-​ekonomija sejra tajjeb ferm, u huwa faċli li wieħed jiġi aljenat u jkun moħħu biss f’li jsir sinjur. Madankollu, Pawlu wissa: “Dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-​tiġrib u fix-​xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-​bnedmin fil-​qerda u t-​telfien.” (1 Timotju 6:9) X’ħasra meta xi ħadd tant isir involut f’intrapriżi tan-​negozju li jissagrifika l-​affarijiet li huma verament importanti, bħalma huma s-​sħubija Kristjana, is-​servizz sagru, il-​prinċipji morali, u r-​responsabbiltajiet tal-​familja!

17 Iż-żgħażagħ jistgħu jsibuha diffiċli b’mod speċjali li jżommu l-​livelli taʼ tjieba, peress li ħafna minn dawk taʼ mparhom jabbużaw mid-​drogi u jieħdu sehem fl-​immoralità. F’Surinam, kien hemm tfajla t’erbatax-il sena li mar fuqha ġuvni gustuż fl-​iskola u talabha biex ikollha relazzjonijiet sesswali miegħu. Hi rrifjutat, spjegatlu li l-​Bibbja tipprojbixxi affarijiet bħal dawn barra ż-​żwieġ. It-​tfajliet l-​oħra bdew iwaqqgħuha għaċ-​ċajt u tgħidx kemm bdew jagħmlulha pressjoni biex tbiddel fehmitha, billi qalulha li kulħadd xtaq li kien hu minflokha. Minkejja dan, it-​tfajla baqgħet soda. Ftit tal-​ġimgħat wara, irriżulta li l-​ġuvni kien infettat bl-​HIV, u marad serjament. It-​tfajla tgħidx kemm ħassitha ferħana li kienet obdiet il-​kmand taʼ Jehovah biex ‘titbiegħed miż-​żina.’ (Atti 15:​28, 29, Saydon) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma kburin ferm biż-​żgħażagħ tagħhom li qed iżommu sod għal dak li hu tajjeb. Il-​fidi tagħhom, u dik tal-​ġenituri tagħhom, ‘tfaħħar’—iġġib unur—lill-​isem t’Alla Jehovah.—Isaija 60:21b.

Jehovah Kkaġuna li Jkun Hemm Żjieda

18. (a) Liema ħaġa kbira għamel Jehovah għan-​nies tiegħu? (b) X’evidenza hemm li se jkompli jkun hemm iż-​żjieda, u liema prospetti glorjużi hemm jistennew lil dawk li jżommu maʼ dak id-​dawl?

18 Iva, Jehovah jitfaʼ d-​dawl fuq in-​nies tiegħu, billi jberikhom, jiggwidahom, u jsaħħaħhom. Matul is-​seklu 20, dawn raw it-​twettiq tal-​kliem taʼ Isaija: “L-​iżgħar wieħed isir elf; l-​iċken isir ġens qawwi. Jien il-​Mulej, ngħaġġlu f’waqtu.” (Isaija 60:​22, ) Minn dawk il-​ftit li kont tgħoddhom fuq subgħajk lura fl-​1919, “l-​iżgħar wieħed” sar iktar minn “elf.” U dan it-​tkabbir għadu ma wasalx fi tmiemu! Is-​sena l-​oħra 14,088,751 ruħ attendew għaċ-​ċelebrazzjoni tal-​Mafkar tal-​mewt taʼ Ġesù. Ħafna minnhom ma kinux Xhieda attivi. Aħna ferħanin li dawn attendew għal din l-​osservanza importanti, u nistidnuhom biex jibqgħu mexjin lejn id-​dawl. Jehovah għadu jiddi bil-​qawwi fuq in-​nies tiegħu. Il-​bieb taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu għadu miftuħ. Mela, jalla lkoll kemm aħna nkunu determinati li nżommu maʼ dak id-​dawl taʼ Jehovah. Kemm jirriżulta f’barkiet dan għalina issa! U x’ferħ se jġib dan fil-​futur meta l-​ħolqien kollu se jfaħħar lil Jehovah u jithenna bil-​ġmiel tal-​glorja tiegħu!—Apokalissi 5:​13, 14.

Tistaʼ Tispjega?

Min irrifletta l-​glorja taʼ Jehovah f’dawn l-​aħħar jiem?

Liema ħaġa tindika li ż-​żelu tan-​nies taʼ Jehovah ma naqasx?

Liema huma xi ħidmiet tajbin li x-​Xhieda taʼ Jehovah huma okkupati fihom?

Minkejja oppożizzjoni ħarxa, dwar liema ħaġa ninsabu fiduċjużi?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Tabella f’paġni 17-20]

RAPPORT TAS-​SENA TAʼ SERVIZZ 1999 TAX-​XHIEDA TAʼ JEHOVAH MADWAR ID-​DINJA

(Ara r-​rivista)

[Stampi f’paġna 15]

In-​nies għadhom jinġabru lejn l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah

[Stampa f’paġna 16]

Aħna ninsabu henjin li Jehovah ħalla l-​bieb miftuħ beraħ għal dawk li jħobbu d-​dawl