Niftakru fil-Ħallieq Tagħna miż-Żgħożija ’l Quddiem
Bijografija
KIF RAKKONTAT MINN DAVID Z. HIBSHMAN
“Jekk wasalt fit-tmiem taʼ ħajti, tassew nittama li kont leali lejn Jehovah. Jien nitolbu biex jieħu ħsieb lil David tiegħi. Nirringrazzjak li tajtni lilu, Jehovah, u għaż-żwieġ tagħna. Tassew meraviljuż, tassew hieni!”
Immaġina x’ħassejt meta wara li dfinna lil marti f’Marzu taʼ l-1992, sibt din l-aħħar nota fid-djarju tagħha. Eżatt ħames xhur qabel, konna għadna kemm iċċelebrajna s-60 anniversarju taʼ Helen fil-ministeru full-time.
Għadni niftakar daqshekk ċar dakinhar fl-1931, meta jien u Helen poġġejna bil-qegħda fejn xulxin fil-konvenzjoni f’Columbus, Ohio, fl-Istati Uniti taʼ l-Amerka. Helen kienet għadha lanqas biss għalqet l-14-il sena, imma hi apprezzat is-sinjifikat taʼ dik il-ġrajja saħansitra ħafna iktar minni. L-entużjażmu taʼ Helen għall-ministeru ntwera ftit wara meta hi u ommha, li kienet armla, saru pijunieri, kif jissejħu l-evanġelizzaturi full-time fost ix-Xhieda taʼ Jehovah. Huma ħallew id-dar komda tagħhom sabiex imorru jippridkaw fi nħawi rurali fin-nofsinhar taʼ l-Istati Uniti.
Il-Wirt Kristjan Tiegħi
Fl-1910, il-ġenituri tiegħi flimkien maż-żewġ uliedhom żgħar telqu mil-lvant taʼ Pennsylvania u marru joqogħdu Grove City, fil-parti tal-punent taʼ l-istat. Hemmhekk għamlu depożitu fuq dar modesta u saru membri attivi tal-Knisja Riformata. Ftit taż-żmien wara, mar iżurhom William Evans, Student tal-Bibbja, kif kienu jissejħu x-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien. Missieri, li kellu biss madwar 25 sena, u ommi, li kienet ħames snin iżgħar minnu, qagħdu jisimgħu lil dan ir-raġel mill-aħjar minn Wales u stidnuh għall-ikel. Huma ma damux ma ħaddnu l-veritajiet tal-Bibbja li kienu qed jitgħallmu.
Biex ikun eqreb tal-kongregazzjoni, missieri ħa lill-familja toqgħod madwar 40 kilometru ’l bogħod fil-belt taʼ Sharon. Ftit xhur wara, fl-1911
jew fl-1912, missieri u ommi tgħammdu. Charles Taze Russell, l-ewwel president tal-Watch Tower Society, ta t-taħdita tal-magħmudija. Jien twelidt fl-4 taʼ Diċembru, 1916, meta l-ġenituri tiegħi diġà kellhom erbat itfal oħra. Mat-twelid tiegħi, ġie mħabbar: “Għandna ħu ieħor x’inħobbu.” Għaldaqstant semmewni David, li jfisser “Maħbub.”Meta kelli erbaʼ ġimgħat, ħaduni għall-ewwel konvenzjoni tiegħi. F’dawk iż-żminijiet bikrin, missieri u ħuti s-subien il-kbar kienu jimxu diversi kilometri għal-laqgħat tal-kongregazzjoni, waqt li ommi kienet tieħu lili u lil oħti u taqbad it-tramm. Il-laqgħat kienu jikkonsistu f’sessjonijiet taʼ fil-għodu u taʼ wara nofs in-nhar. Id-dar, il-konversazzjonijiet tagħna taʼ spiss kienu jiċċentraw fuq artikli taʼ It-Torri taʼ l-Għassa u The Golden Age, kif kien magħruf qabel Stenbaħ!
Nibbenefikaw minn Eżempji mill-Aħjar
Ħafna pellegrini, kif kienu jissejħu dak iż-żmien il-kelliema li jivvjaġġaw, żaru l-kongregazzjoni tagħna. Normalment kienu jqattgħu ġurnata jew tnejn magħna. Kelliemi minnhom li baqaʼ ċar f’moħħi kien Walter J. Thorn, li kien ftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħu ‘f’jiem żgħożitu.’ (Koħèlet 12:1) Meta kont għadni tifel, kont nakkumpanja lil missieri biex juri l-“Photo-Drama of Creation,” preżentazzjoni viżiva u rekordjata f’erbaʼ partijiet fuq l-istorja taʼ l-umanità.
Għalkemm Ħuna Evans u martu, Miriam, ma kellhomx tfal, huma saru l-ġenituri u n-nanniet spiritwali għall-familja tagħna. William dejjem indirizza lil missieri bħala “Ibni,” u hu u Miriam daħħlu l-ispirtu taʼ l-evanġelizzar fil-familja tagħna. Kmieni fil-bidu tas-seklu 20, Ħuna Evans kien għamel vjaġġi lura lejn Wales sabiex iwassal il-verità tal-Bibbja fl-inħawi madwar Swansea. Hemmhekk kien magħruf bħala l-predikatur mill-Amerka.
Fl-1928, Ħuna Evans telaq xogħlu u beda jippriedka fl-għoljiet taʼ West Virginia. Iż-żewġ ħuti subien il-kbar, Clarence taʼ 21 sena u Carl taʼ 19-il sena, marru miegħu. L-erbaʼ subien li aħna lkoll qattajna ħafna snin fil-ministeru full-time. Fil-fatt, kollha kemm aħna qdejna bħala indokraturi taʼ l-ivvjaġġar tax-Xhieda taʼ Jehovah f’żgħożitna. M’ilux ħafna, Mary, oħt ommi ż-żgħira, li issa għandha ’l fuq minn 90 sena, kitbitli: “Kemm aħna lkoll grati li Ħuna Evans kellu ż-żelu għall-ministeru u ġie jżur Grove City!” Iz-zija Mary hija persuna oħra li ilha tiftakar fil-Ħallieq tagħha minn mindu kienet żagħżugħa.
Nattendu għall-Konvenzjonijiet
Missieri u Clarence biss setgħu jattendu għall-konvenzjoni storika f’Cedar Point, Ohio, fl-1922. Madankollu, sa l-1924 kellna karozza, u l-familja kollha tagħna setgħet tmur għall-konvenzjoni f’Columbus, Ohio. Aħna t-tfal konna mistennijin li nużaw il-flus li faddalna biex inħallsu għall-ikliet tagħna matul it-tmint ijiem tal-konvenzjoni. Il-ħarsa tal-ġenituri tiegħi kienet li l-membri kollha tal-familja għandhom jitgħallmu kif imantnu lilhom infushom. Għalhekk konna nrabbu t-tiġieġ, il-fniek u anki n-naħal, u aħna s-subien kollha konna naqilgħu xi ħaġa tal-flus billi nqassmu l-gazzetti.
Meta wasal iż-żmien għall-konvenzjoni f’Toronto, il-Kanada, fl-1927, kellna ħu ieħor taʼ sitt xhur jismu Paul. Jien ġejt inkarigat li nibqaʼ d-dar u nieħu ħsieb Paul bl-għajnuna taʼ ziti Mary li kienet iżżewġet, waqt li l-ġenituri tiegħi marru Toronto bit-tfal l-oħra. Bħala rigal ngħatajt għaxar dollari, li wżajthom biex nixtri libsa ġdida għalija. Aħna dejjem ġejna mħarrġin biex nilbsu sew
għal-laqgħat u biex nieħdu ħsieb ħwejjiġna.Sakemm wasal iż-żmien għall-konvenzjoni memorabbli fl-1931, f’Columbus, Ohio, Clarence u Carl kienu żżewġu u kienu qed jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier man-nisa tagħhom. Kienu jgħixu għalihom f’dar li setgħet tinġarr minn post għall-ieħor u li kienu għamluha huma stess. Carl kien iżżewweġ lil Claire Houston minn Wheeling, West Virginia, u kien għalhekk li jien kont bil-qegħda ħdejn l-oħt iż-żgħira taʼ Claire, Helen, fil-konvenzjoni taʼ Columbus.
Il-Ministeru Full-Time
Jien iggradwajt mill-iskola sekondarja fl-1932 meta kelli 15-il sena, u s-sena taʼ wara ħadt karozza wżata għand ħija Clarence, li kien qed jagħmel ix-xogħol taʼ pijunier fis-South Carolina. Applikajt għas-servizz taʼ pijunier u bdejt naħdem flimkien maʼ Clarence u martu. Helen sadanittant kienet qed tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier f’Hopkinsville, Kentucky, u ktibtilha għall-ewwel darba. Fit-tweġiba tagħha, hi staqsietni: “Int pijunier?”
Fl-ittra tiegħi—li Helen żammitha sa mewtha kważi 60 sena wara—weġibtha: “Iva, u nittama li nkun nistaʼ nibqaʼ għal dejjem.” F’dik l-ittra, jien għedt lil Helen li kont qed inqassam il-ktejjeb The Kingdom, the Hope of the World lill-membri tal-kleru u lill-imħallfin fl-inkarigu tiegħi taʼ l-ippridkar.
Fl-1933, missieri għamilli tinda fuq ir-roti—karavan twil 2.4 metri u wiesgħa 2 metri, bil-ħitan tal-kanvas miġbudin madwar travi weqfin dojoq u b’tieqa quddiem u oħra wara. Dak kien il-post umli tiegħi għall-erbaʼ snin taʼ wara bħala pijunier.
F’Marzu taʼ l-1934, jien, Clarence u Carl, in-nisa tagħhom, Helen u ommha, u oħt il-mara taʼ Clarence—tmienja b’kollox—tlaqna lejn il-punent sabiex nattendu għall-konvenzjoni ġewwa Los Angeles, California. Xi wħud minnhom rikbu u raqdu fil-karavan tiegħi. Jien kont norqod fil-karozza, waqt li l-oħrajn krew xi kmamar. Peress li kellna xi problemi fil-karozza, wasalna Los Angeles fit-tieni ġurnata mis-sitt ijiem tal-konvenzjoni. Hemmhekk, fis-26 taʼ Marzu, jien u Helen fl-aħħar stajna nissimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħna lil Jehovah permezz tal-magħmudija taʼ l-ilma.
Fil-konvenzjoni, Joseph F. Rutherford, li dik il-ħabta kien il-president tal-Watch Tower Society, iltaqaʼ personalment mal-pijunieri kollha. Hu inkuraġġiena, billi qalilna li konna ġellieda qalbiena tal-verità tal-Bibbja. F’dik l-okkażjoni kien sar provvediment biex tingħata għajnuna finanzjarja lill-pijunieri sabiex ikunu jistgħu jkomplu fil-ministeru tagħhom.
Edukazzjoni għal Ħajjitna Kollha
Meta rritornajna mill-konvenzjoni taʼ Los Angeles, aħna lkoll xandarna l-messaġġ tas-Saltna lil nies f’kontej sħaħ tas-South Carolina, Virginia, West Virginia, u Kentucky. Snin wara, Helen kitbet dwar dak iż-żmien: “Ma kien hemm l-ebda kongregazzjoni li stajna nistrieħu fuqha, u l-ebda ħbieb li setgħu jgħinuna, għax konna tabilħaqq stranġieri f’art stramba. Imma issa naf li kont qed nieħu edukazzjoni. Kont qed insir sinjura.”
Hi staqsiet: “X’tistaʼ tagħmel waħda żagħżugħa bil-ħin tagħha meta tkun ’il bogħod minn ħbiebha u minn darha? Insomma ma kienx daqshekk taʼ dwejjaq. Lanqas biss niftakar li xi darba kont imdejqa. Kont naqra ħafna. Qatt ma nqasna li nżommu mal-qari u l-istudju tagħna tal-letteratura bbażata fuq il-Bibbja. Bqajt qrib t’ommi, waqt li tgħallimt kif inħaddem il-flus li kellna, nixtri, nibdel ir-roti tal-karozza, insajjar, inħit, u nippriedka. M’għandi l-ebda ndiema u lesta li nerġaʼ nagħmel kollox mill-ġdid.”
Helen u ommha kienu ferħanin li jgħixu f’karavan żgħir f’dawk is-snin, għalkemm ommha kellha dar sabiħa. Wara l-konvenzjoni f’Columbus, Ohio, fl-1937, is-saħħa t’omm Helen marret għall-agħar, u kellha tidħol l-isptar. Hi mietet fl-inkarigu tagħha ġewwa Philippi, West Virginia, f’Novembru taʼ l-1937.
Niżżewġu u Nkomplu bis-Servizz
Fl-10 taʼ Ġunju, 1938, jien u Helen iżżewwiġna f’ċerimonja sempliċi fid-dar fejn kienet twieldet hi f’Elm Grove, ħdejn Wheeling, West Virginia. L-għażiż Ħuna Evans, li kien introduċa l-verità lill-familja tiegħi snin qabel ma twelidt jien, għamlilna t-taħdita taż-żwieġ. Wara t-tieġ, jien u Helen ippjanajna li nirritornaw għax-xogħol taʼ pijunier fil-lvant taʼ Kentucky, imma b’sorpriża kbira, ġejna mistidnin li nagħmlu x-xogħol taż-żona. Dan ix-xogħol kien jinvolvi li nżuru gruppi tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-punent taʼ Kentucky u f’partijiet taʼ Tennessee sabiex ngħinuhom fil-ministeru tagħhom. B’kollox, fil-postijiet kollha li żorna kien hemm biss madwar 75 proklamatur tas-Saltna.
F’dak il-perijodu, in-nazzjonaliżmu kien ħassar il-mentalità taʼ ħafna wħud, u jien kont qed nistenna li niġi arrestat minħabba n-newtralità Kristjana tiegħi. (Isaija 2:4) Madankollu, grazzi għar-rekord tiegħi taʼ l-attività taʼ l-ippridkar, irċivejt klassifikazzjoni mill-kumitat li kien jibgħat lin-nies għall-militar li ppermettietli nkompli fil-ministeru full-time.
Meta bdejna l-ministeru taʼ l-ivvjaġġar, kważi kulħadd ikkummenta dwar iż-żgħożija tagħna. F’Hopkinsville, Kentucky, oħt Kristjana laqgħet lil Helen b’tgħanniqa kbira u staqsietha: “Tiftakarni?” Fl-1933, Helen kienet tatha xiehda fil-ħanut li kellu r-raġel tagħha fir-raħal. Hi kienet tgħallem id-duttrina fl-iskola taʼ kull nhar taʼ Ħadd, imma wara li qrat il-ktieb li kienet ħallitilha Helen, qamet bil-wieqfa quddiem il-klassi tagħha u talbet skuża għall-fatt li kienet għallmithom twemmin mhux Bibliku. Wara li rriżenjat mill-knisja, hi bdiet tipproklama l-veritajiet tal-Bibbja fil-komunità tagħha. Jien u Helen qdejna fil-punent taʼ Kentucky għal tliet snin, u kemm-il darba qgħadna għand dik l-oħt u r-raġel tagħha.
F’dak iż-żmien kellna assembleat lokali żgħar, u A. H. Macmillan ġie jaqdi f’waħda minnhom. Hu kien qagħad fid-dar tal-ġenituri taʼ Helen meta kienet għadha żgħira, u għalhekk, matul il-konvenzjoni hu għażel li joqgħod magħna fil-karavan tagħna taʼ 5 metri tul, fejn kellna sodda żejda. Hu wkoll kien ftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħu f’jiem żgħożitu, billi kien iddedika ħajtu lil Jehovah fl-1900, meta kellu 23 sena.
F’Novembru taʼ l-1941, ix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar ġie sospiż għal ftit, u jien ġejt inkarigat bħala pijunier f’Hazard, Kentucky. Għal darb’oħra, ħdimna maʼ ħija Carl u martu, Claire. Hawnhekk, Joseph Houston, in-neputi taʼ Helen, ngħaqad magħna u beda x-xogħol taʼ pijunier. Hu kompla fil-ministeru full-time għal kważi 50 sena, sakemm miet għal għarrieda b’attakk tal-qalb fl-1992, waqt li kien qed jaqdi lealment fil-kwartieri dinjin tax-Xhieda taʼ Jehovah ġewwa Brooklyn, New York.
Fl-1943 intbgħatna lejn Rockville, Connecticut. Hawn kien qisu dinja oħra għalija u għal Helen għax konna drajna nippridkaw fin-naħa tan-nofsinhar. F’Rockville, Helen kienet tikkonduċi regolarment iktar minn 20 studju tal-Bibbja fid-djar kull ġimgħa. Eventwalment, krejna kamra modesta bħala Sala tas-Saltna, u ġie organizzat in-nukleu taʼ kongregazzjoni żgħira.
Waqt li konna qed naqdu f’Rockville, ġejna mistidnin biex nattendu l-ħames klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) f’South Lansing, New York. B’ferħ, skoprejna li Aubrey u Bertha Bivens, li konna għamilna ħbieb magħhom meta konna pijunieri f’Kentucky, kienu se jkunu studenti magħna fil-klassi.
L-Iskola u l-Inkarigu Ġdid Tagħna
Għalkemm konna għadna żgħar, il-biċċa l-kbira taʼ l-istudenti fil-klassi magħna kienu ferm iżgħar. Iva, huma kienu qed jiftakru fil-Ħallieq Grandjuż tagħhom f’żgħożithom. Il-gradwazzjoni tagħna kienet f’Lulju taʼ l-1945, eżattament meta t-Tieni Gwerra Dinjija kienet waslet fi tmiemha. Waqt li konna qed nistennew għall-inkarigi missjunarji tagħna, ħdimna mal-Kongregazzjoni taʼ Flatbush ġewwa Brooklyn, New York. Fl-aħħar, fil-21 t’Ottubru, 1946, flimkien maʼ sitt studenti oħra
tal-klassi tagħna, inkluż il-koppja Bivens, sifirna lejn id-dar ġdida tagħna fil-Belt taʼ Gwatemala, il-Gwatemala. F’dak il-perijodu, kien hemm inqas minn 50 Xhud taʼ Jehovah f’dak il-pajjiż kollu taʼ l-Amerka Ċentrali.F’April taʼ l-1949, ftit minna l-missjunarji ntbgħatna lejn Quetzaltenango, it-tieni belt fil-qjies u l-importanza fil-pajjiż. Din il-belt tinsab iktar minn 2,300 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar, u l-arja muntanjuża hi friska u ċara. Helen fissret fil-qosor l-attività tagħna hawnhekk, billi kitbet: “Kien il-privileġġ tagħna li nippridkaw f’diversi bliet u villaġġi. Konna nqumu madwar l-erbgħa taʼ fil-għodu u naqbdu tal-linja (li taʼ spiss kien ikollha bħal purtieri tal-kanvas li tistaʼ ttellagħhom u tniżżilhom minflok twieqi) lejn belt ’il bogħod. Hemmhekk konna nippridkaw għal madwar tmien sigħat qabel nirritornaw fil-għaxija.” Illum hemm diversi kongregazzjonijiet f’ħafna minn dawn il-postijiet, inkluż sitta fi Quetzaltenango.
Ma damx ma kien hemm sejħa għal missjunarji biex jaqdu f’Puerto Barrios fuq il-Kosta tal-Karibew, it-tielet mill-akbar bliet fil-Gwatemala. Il-koppja Bivens, li tant konna nħobbu u li konna qdejna magħhom għal ħames snin fil-Gwatemala, kienu fost dawk li marru f’dan l-inkarigu ġdid. Il-firda kienet waħda taʼ niket u ħalliet ċertu vojt f’ħajjitna. Billi bqajna jien u Helen biss fid-dar missjunarja, morna noqogħdu f’appartament żgħir. Fl-1955, jien u Helen aċċettajna inkarigu ġdid fil-belt taʼ Mazatenango, li kienet iktar tropikali. Ħija ż-żgħir Paul, u martu Dolores, li ggradwaw mill-Iskola taʼ Gilgħad fl-1953, kienu qdew hemmhekk ftit qabel ma morna aħna.
Sa l-1958 kellna ’l fuq minn 700 Xhud, 20 kongregazzjoni, u tliet circuits fil-Gwatemala. Jien u Helen erġajna ħadna sehem fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar, billi konna nżuru gruppi żgħar taʼ Xhieda u diversi kongregazzjonijiet, inkluż dik fi Quetzaltenango. Imbagħad, f’Awissu taʼ l-1959, ġejna mistidnin biex nirritornaw lejn il-Belt taʼ Gwatemala, fejn konna ngħixu fl-uffiċċju tal-fergħa. Jien ġejt inkarigat li naħdem fil-fergħa, waqt li Helen baqgħet fis-servizz missjunarju għal 16-il sena oħra. Imbagħad, hi wkoll bdiet taħdem fl-uffiċċju tal-fergħa.
Iżjed Barkiet
Snin ilu kien qisu li kont dejjem jien l-iżgħar wieħed fost dawk li jaqdu lil Jehovah. Issa taʼ spiss inkun l-ixjeħ, kif kien fil-każ meta attendejt l-iskola tal-fergħa f’Patterson, New York, fl-1996. Sewwa sew bħalma rċivejt tant għajnuna f’żgħożiti minn uħud akbar, kien il-privileġġ tiegħi f’dawn l-aħħar għaxriet taʼ snin li ngħin ħafna żgħażagħ li jixtiequ jiftakru fil-Ħallieq tagħhom f’żgħożithom.
Jehovah jkompli jitfaʼ xita taʼ barkiet fuq il-poplu tiegħu hawnhekk fil-Gwatemala. Fl-1999 kien hemm iktar minn 60 kongregazzjoni fil-Belt taʼ Gwatemala. U fit-tramuntana, fin-nofsinhar, fil-lvant, u fil-punent, hemm ferm iktar kongregazzjonijiet u eluf taʼ proklamaturi taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Dawk li kienu inqas minn 50 proklamatur tas-Saltna meta konna wasalna aħna madwar 53 sena ilu, issa żdiedu għal iktar minn 19,000!
Grat għal Ħafna Affarijiet
Ħadd ma jgħix ħajja mingħajr problemi, imma dejjem nistgħu nitfgħu ‘t-tagħbija tagħna fuq il-Mulej.’ (Salmi 55:22, KŻ) Hu taʼ spiss isostnina permezz taʼ l-appoġġ taʼ mseħbin kollhom imħabba. Per eżempju, ftit snin qabel ma mietet, Helen tatni bħala rigal plakka ġo gwarniċ żgħir li fuqha kellha mnaqqax it-test Bibliku taʼ Lhud 6:10: “Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin.”
Parti min-nota mwaħħla tagħha taqra: “Għażiż tiegħi, m’hemm kważi xejn li nistaʼ nagħtik, ħlief IMĦABBTI KOLLHA . . . Din l-iskrittura tassew hija xierqa għalik, u nitolbok biex tqegħedha fuq l-iskrivanija tiegħek, mhux għax tajthielek jien, imma għax tapplika għalik fis-snin twal tiegħek taʼ servizz.” Sal-lum, din il-plakka għadha fuq l-iskrivanija fl-uffiċċju tiegħi fil-fergħa tal-Gwatemala.
Jien ilni naqdi lil Jehovah minn żgħożiti, u issa fis-snin avanzati tiegħi, nirringrazzja lil Jehovah għas-saħħa tajba li għandi li tippermettili nżomm id-dmirijiet li jien inkarigat li nagħmel. Hekk kif nagħmel il-qari regulari tal-Bibbja, taʼ spiss niltaqaʼ maʼ xi skritturi illi naħseb li kieku l-maħbuba tiegħi Helen kienet timmarkahom fil-Bibbja tagħha. Dan ġie f’moħħi meta erġajt qrajt Salm 48:15 [48:14, NW]: “Dan hu Alla! Alla tagħna għal dejjem taʼ dejjem. Hu jmexxina [“sakemm immutu,” NW]!”
Huwa l-pjaċir tiegħi li naqsam m’oħrajn il-viżjoni tal-jum taʼ l-irxoxt meta n-nies mill-ġnus kollha taʼ żmien l-imgħoddi se jkunu qed jilqgħu lill-maħbubin tagħhom lura mill-mewt f’dinja ġdida. Xi prospett hu dan! Kemm se jixxerred dmugħ taʼ ferħ hekk kif niftakru li Jehovah hu tabilħaqq dak Alla “li jfarraġ lill-umli”!—2 Korintin 7:6.
[Stampa f’paġna 25]
Min-naħa taʼ fuq tax-xellug skond l-arloġġ: Ommi, missieri, iz-zija Eva, u ħuti Carl u Clarence, fl-1910
[Stampi f’paġna 26]
Maʼ Helen fl-1947 u fl-1992