Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Noè kemm daħħal bhejjem nodfa fl-​arka​—sebgħa minn kull bhima nadifa jew sebaʼ pari minn kull waħda?

Wara li Noè lesta l-​bini taʼ l-​arka, Ġeħova qallu: “Idħlu fl-​arka, int u n-​nies kollha taʼ darek, għax quddiemi lilek biss rajt ġust fost din il-​ġenerazzjoni. Minn kull bhima nadifa tieħu għalik sebgħa sebgħa, ir-​raġel u l-​mara tiegħu; u minn kull bhima mhix nadifa tnejn biss, ir-​raġel u l-​mara tiegħu.” (Ġenesi 7:​1, 2, NW) Xi traduzzjonijiet, bħalma huma l-​Għaqda Biblika Maltija u Karm Żammit, jittraduċu l-​Ebrajk oriġinali bħala “sebaʼ pari.”

Bil-lingwa oriġinali, l-​espressjoni letteralment tinqara “sebgħa sebgħa.” (Ġenesi 7:​2, NW) Madankollu, ir-​ripetizzjoni taʼ numru bil-​lingwa Ebrajka ma tfissirx neċessarjament li n-​numri għandhom jingħaddu flimkien. Per eżempju, it-​2 Samwel 21:20 jiddeskrivi “raġel twil” ħafna li kellu “sitt iswabaʼ f’kull id u f’kull sieq.” Bl-​Ebrajk, in-​numru ‘sitta’ huwa ripetut. Però, dan ma jfissirx li l-​ġgant kellu sitt pari swabaʼ (jew, 12) f’kull id u sitt pari swabaʼ f’kull sieq. Ir-​ripetizzjoni qiegħda biex twassal il-​ħsieb li kellu sitt swabaʼ f’kull id u sitt swabaʼ f’kull sieq.

Ir-regoli tal-​grammatika bil-​lingwa Ebrajka kif jispjegaw l-​użu tar-​ripetizzjoni tan-​numri? Rigward Ġenesi 7:​2, 9, l-​Introductory Hebrew Method and Manual taʼ William R. Harper jgħid: “Il-​kliem spiss jiġi ripetut sabiex jesprimi r-​relazzjoni distributtiva.” Il-​Hebrew Grammar (Second English Edition) taʼ Gesenius jgħid: “Id-​distributtivi huma espressi . . . b’ripetizzjoni tan-​numru kardinali.” Bħala eżempji jsemmi Ġenesi 7:​9, 15 u t-​2 Samwel 21:​20, fejn in-​numri ripetuti huma “tnejn” u ‘sitta’ rispettivament.

Għalhekk, il-​frażi “sebgħa sebgħa” f’Ġenesi 7:2 ma tfissirx sebaʼ pari, jew 14, sewwasew bħalma f’Ġenesi 7:​9, 15 il-​fatt li n-​numru “tnejn” jiġi ripetut ma jfissirx żewġ pari jew erbgħa. Ir-​ripetizzjoni taʼ numru f’kull vers sempliċement tfisser tqassim​—mhux in-​numri magħdudin flimkien. Għaldaqstant, filwaqt li l-​annimali nodfa ttieħdu fl-​arka “sebgħa sebgħa,” minn dawk li ma kinux nodfa ttieħdu “tnejn biss.”

Xi ngħidu għall-​espressjoni “r-​raġel u l-​mara tiegħu” eżattament wara l-​frażi “sebgħa sebgħa” f’Ġenesi 7:2? Dan wassal biex xi wħud jaħsbu li Noè kien ngħata kmand biex jieħu sebaʼ pari minn kull razza taʼ l-​annimali nodfa. Però, il-​bhejjem nodfa kienu preservati mhux biss għall-​prokreazzjoni. Ġenesi 8:​20 jgħidilna li wara li ħarġu mill-​arka, “Noè bena artal lill-​Mulej, u ħa minn kull annimal safi u mit-​tajr safi, u offra sagrifiċċju tal-​ħruq fuq l-​artal.” Peress li kellu disponibbli s-​sebaʼ annimal minn kull razza nadifa, Noè setaʼ joffri annimal għas-​sagrifiċċju, waqt li ħalla tliet pari biex inissel minnhom skond ir-​razza tagħhom fuq l-​art.