Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Familji Kristjani—Imxu Wara l-Eżempju taʼ Ġesù!

Familji Kristjani—Imxu Wara l-Eżempju taʼ Ġesù!

“Kristu . . . ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.”—1 PT. 2:21.

1. (a) Bin Alla liema rwol kellu fil-​ħolqien? (b) Ġesù kif iħossu dwar l-​umanità?

 META Alla għamel is-​smewwiet u l-​art, l-​ewwel Iben imwieled tiegħu kien maġenbu “bħala ħaddiem tas-​sengħa.” L-​Iben t’Alla kkoopera wkoll maʼ Missieru meta Ġeħova ddisinja u ħalaq il-​varjetà vasta t’annimali u pjanti hawnhekk fuq l-​art u meta Hu pprepara l-​Ġenna taʼ l-​art li kienet se ssir id-​dar tal-​ħlejjaq li għamel Ġeħova fuq ix-​xbieha u s-​sura tiegħu. Bin Alla, li iktar tard sar magħruf bħala Ġesù, kellu mħabba kbira għall-​umanità. ‘L-​affarijiet li kien jgħożż kienu marbutin maʼ wlied il-​bnedmin.’—Prov. 8:27-31; Ġen. 1:26, 27.

2. (a) Ġeħova kif ipprovda għall-​umanità imperfetta? (b) Il-​Bibbja f’liema qasam wieħed tal-​ħajja tipprovdi direzzjoni?

2 Wara li dinbet l-​ewwel koppja umana, il-​fidwa għall-​umanità midinba saret parti importanti mill-​iskop taʼ Ġeħova. Ġeħova pprovda s-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Kristu sabiex jagħmel din il-​fidwa possibbli. (Rum. 5:8) Barra minn hekk, Ġeħova pprovda l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, li tagħti gwida lill-​bniedem fuq kif ikun jistaʼ jkampa l-​aħjar bl-​imperfezzjoni li wiret. (Salm 119:105) Fil-​Kelma tiegħu, Ġeħova jipprovdi direzzjoni biex jgħin lin-​nies ikollhom familji b’saħħithom u henjin. Rigward iż-​żwieġ, il-​ktieb tal-​Ġenesi jgħid li raġel irid “jingħaqad maʼ martu u huma jsiru ġisem wieħed.”—Ġen. 2:24.

3. (a) Ġesù x’għallem dwar iż-​żwieġ? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù enfasizza li ż-​żwieġ kellu jkun permanenti. Hu għallem prinċipji li meta jiġu applikati, il-​membri tal-​familja kienu se jiġu megħjunin biex jevitaw attitudnijiet u kondotta li jheddu ż-​żwieġ tagħhom jew l-​hena tal-​familja tagħhom. (Mt. 5:27-37; 7:12) Dan l-​artiklu se jiddiskuti kif it-​tagħlim taʼ Ġesù u l-​eżempju li ta waqt li kien fuq l-​art jistgħu jgħinu lill-​irġiel, lin-​nisa, lill-​ġenituri, u lit-​tfal biex ikollhom ħajja hienja u sodisfaċenti.

Kif Raġel Kristjan Jonora lil Martu

4. Liema parallel hemm bejn l-​irwol taʼ Ġesù u dak taʼ l-​irġiel Kristjani miżżewġin?

4 Alla ħatar lir-​raġel bħala l-​kap tal-​familja, sewwasew bħalma Ġesù huwa l-​Kap tal-​kongregazzjoni. L-​appostlu Pawlu qal: “Ir-​raġel hu l-​kap taʼ martu bħalma l-​Kristu wkoll hu l-​kap tal-​kongregazzjoni, billi hu s-​salvatur taʼ dan il-​ġisem. Irġiel, komplu ħobbu lin-​nisa tagħkom, bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efes. 5:23, 25) Tabilħaqq, il-​mod kif Ġesù ttratta lis-​segwaċi tiegħu jpoġġi livell għall-​mod kif l-​irġiel Kristjani għandhom jittrattaw lin-​nisa tagħhom. Ejja nikkunsidraw xi ftit mill-​modi kif Ġesù eżerċita l-​awtorità tiegħu mogħtija minn Alla.

5. Ġesù kif eżerċita l-​awtorità tiegħu fuq id-​dixxipli tiegħu?

5 Ġesù kien ‘ġwejjed u umli f’qalbu.’ (Mt. 11:29) Hu wkoll ħa azzjoni deċiżiva meta kien hemm bżonn. Hu qatt ma ttraskura r-​responsabbiltajiet tiegħu. (Mk. 6:34; Ġw. 2:14-17) B’qalb tajba hu ta pariri lid-​dixxipli tiegħu, saħansitra ripetutament meta kien neċessarju. (Mt. 20:21-28; Mk. 9:33-37; Lq. 22:24-27) Xorta waħda, Ġesù ma kienx iċanfarhom jew jumiljahom, u lanqas ma kien iġegħelhom iħossuhom li m’humiex maħbubin jew li m’humiex kapaċi jwettqu dak li kien qed jgħallimhom jagħmlu. Minflok, hu faħħar u inkuraġġixxa lid-​dixxipli tiegħu. (Lq. 10:17-21) Mhux taʼ b’xejn li Ġesù rebaħ ir-​rispett tad-​dixxipli tiegħu minħabba li ttrattahom bi mħabba u b’mogħdrija!

6. (a) Raġel miżżewweġ x’jistaʼ jitgħallem mill-​mod kif Ġesù ttratta lid-​dixxipli tiegħu? (b) Pietru liema inkuraġġiment jagħtihom lill-​irġiel miżżewġin?

6 L-​eżempju taʼ Ġesù jgħallem lill-​irġiel miżżewġin li l-​istat taʼ kap Kristjan m’huwiex xi pożizzjoni taʼ dominanza ħarxa. Minflok, dan huwa karatterizzat minn rispett u mħabba li tqanqlu biex jagħmel sagrifiċċji. L-​appostlu Pietru inkuraġġixxa lill-​irġiel miżżewġin biex jimitaw il-​modi kollhom imħabba kif kien jaġixxi Ġesù u ‘bl-​istess mod jgħammru’ man-​nisa tagħhom billi ‘jonorawhom.’ (Aqra l-1 Pietru 3:7.) Allura, raġel miżżewweġ kif jistaʼ jeżerċita l-​awtorità tiegħu u fl-​istess ħin jittratta lil martu bħala persuna li jistħoqqilha unur?

7. Raġel kif jistaʼ jonora lil martu? Agħti eżempju.

7 Mod wieħed kif raġel jistaʼ jonora lil martu hu billi jikkunsidra sew l-​opinjoni tagħha u s-​sentimenti tagħha qabel jieħu xi deċiżjoni li teffettwa lill-​familja. Forsi trid tittieħed deċiżjoni dwar fejn se jmorru joqogħdu jew jekk ibiddlux ix-​xogħol jew dwar kwistjonijiet taʼ kuljum, bħal fejn se jmorru għal vaganza jew kif jaġġustaw il-​budget tal-​familja sabiex ikampaw maʼ l-​għoli tal-​ħajja. Minħabba li l-​familja se tiġi effettwata, ikun taʼ benefiċċju u taʼ qalb tajba li r-​raġel jikkunsidra l-​opinjoni taʼ martu, għax b’hekk ikun jistaʼ jieħu deċiżjoni bilanċjata u mimlija konsiderazzjoni, u dan se jagħmilha iktar faċli għaliha biex tappoġġah. (Prov. 15:22) L-​irġiel Kristjani li jonoraw lil marthom mhux biss jiksbu l-​imħabba u r-​rispett tagħha imma, iktar importanti minn hekk, jiksbu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova.—Efes. 5:28, 29.

Kif Mara Turi Rispett Profond Lejn Żewġha

8. L-​eżempju t’Eva għala jrid jiġi evitat?

8 Ġesù huwa eżempju perfett taʼ sottomissjoni lejn l-​awtorità għan-​nisa Kristjani miżżewġin. X’differenza dik bejn il-​mod kif hu jqis l-​awtorità u l-​attitudni li wriet l-​ewwel mara miżżewġa umana! Eva ma kinitx eżempju tajjeb għan-​nisa miżżewġin li kellhom jiġu warajha. Hi kellha kap inkarigat minn Alla li permezz tiegħu Ġeħova kien jagħtiha l-​istruzzjonijiet. Madankollu, Eva ma rrispettatx dan l-​arranġament. Hi naqset li taċċetta l-​istruzzjoni li taha Adam. (Ġen. 2:16, 17; 3:3; 1 Kor. 11:3) Veru, Eva ġiet imqarrqa; madankollu hi suppost li kellha tikkonsulta maʼ żewġha dwar jekk temminx il-​leħen li sostna li qed jgħidilha dak li “Alla jaf.” Minflok, b’mod prużuntuż hi mexxiet lil żewġha.—Ġen. 3:5, 6; 1 Tim. 2:14.

9. Ġesù liema eżempju taʼ sottomissjoni tana?

9 B’kuntrast, Ġesù pprovda l-​eżempju perfett taʼ sottomissjoni lejn il-​Kap tiegħu. L-​attitudni tiegħu u l-​mod kif għex ħajtu juru li “ma qagħadx jaħseb li għandu jaħtaf, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla.” Għall-​kuntrarju, hu “xejjen lilu nnifsu u ħa s-​sura taʼ lsir.” (Flp. 2:5-7) Illum, bħala s-​Sultan renjanti, Ġesù jżomm l-​istess attitudni. Hu b’umiltà jissottometti ruħu lejn Missieru f’kollox u jappoġġa l-​istat taʼ kap Tiegħu.—Mt. 20:23; Ġw. 5:30; 1 Kor. 15:28.

10. Mara kif tistaʼ tappoġġa l-​istat taʼ kap taʼ żewġha?

10 Mara Kristjana tagħmel tajjeb jekk timita lil Ġesù billi tappoġġa lil żewġha bħala l-​kap tagħha. (Aqra l-1 Pietru 2:21; 3:1, 2.) Ikkunsidra sitwazzjoni li fiha għandha opportunità tagħmel dan. It-​tifel għandu bżonn permess biex jieħu sehem f’xi attività li teħtieġ il-​permess tal-​ġenituri. Minħabba li l-​kwistjoni ma tkunx ġiet diskussa minn qabel mill-​ġenituri, ikun xieraq li l-​omm tistaqsi, “Staqsejtu lil missierek?” Jekk le, hi għandha tiddiskuti l-​kwistjoni mar-​raġel tagħha qabel ma tiddeċiedi xi ħaġa. Iktar minn hekk, mara Kristjana żgur li m’għandhiex tikkontradixxi lil żewġha jew tisfida l-​opinjoni tiegħu quddiem it-​tfal. Jekk ma taqbilx maʼ żewġha fuq xi ħaġa, hi għandha titkellem miegħu fil-​privat.—Efes. 6:4.

L-​Eżempju taʼ Ġesù għall-​Ġenituri

11. Ġesù liema eżempju tahom lill-​ġenituri?

11 Għalkemm Ġesù ma żżewwiġx u ma kellux tfal, hu eżempju eċċellenti għall-​ġenituri Kristjani. Kif? Hu bi mħabba u paċenzja għallem lid-​dixxipli tiegħu bil-​kliem u bl-​eżempju. Hu wriehom kif kellhom iwettqu l-​inkarigu li tahom. (Lq. 8:1) Id-​dispożizzjoni u l-​kondotta taʼ Ġesù lejn id-​dixxipli tiegħu għallmithom kif kellhom jittrattaw lil xulxin.—Aqra Ġwanni 13:14-17.

12, 13. X’inhu meħtieġ mill-​ġenituri jekk iridu li jrabbu tfal li jibżgħu minn Alla?

12 It-​tfal għandhom it-​tendenza li jimitaw lill-​ġenituri tagħhom, kemm fit-​tajjeb u kemm fil-​ħażin. Għalhekk, ġenituri, staqsu lilkom infuskom: ‘Liema messaġġ qed ngħaddu lit-​tfal tagħna meta niġu għall-​ammont taʼ ħin li niddedikaw għat-​televixin u d-​divertiment u għall-​ammont taʼ ħin li niddedikaw għall-​istudju tal-​Bibbja u l-​parteċipazzjoni fil-​laqgħa tas-​servizz? X’inhuma tassew il-​prijoritajiet tal-​familja tagħna? Qed nagħtu aħna eżempju tajjeb billi niċċentraw ħajjitna u d-​deċiżjonijiet tagħna fuq il-​qima vera?’ Il-​liġi t’Alla l-​ewwel trid tkun f’qalb il-​ġenituri stess jekk iridu li jrabbu tfal li jibżgħu minn Alla.—Dt. 6:6.

13 Jekk il-​ġenituri jistinkaw biex japplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja fl-​affarijiet taʼ kuljum, it-​tfal żgur li se jinnotaw dan. Il-​kliem u t-​tagħlim tal-​ġenituri se jinfluwenzaw lit-​tfal tagħhom. Madankollu, jekk it-​tfal jindunaw li hemm livell doppju, huma għandhom mnejn jaslu għall-​konklużjoni li l-​prinċipji Bibliċi m’humiex daqshekk importanti jew prattiċi. Minħabba f’hekk, it-​tfal jistgħu jkunu iktar inklinati li jċedu meta jiffaċċjaw il-​pressjonijiet tad-​dinja.

14, 15. Il-​ġenituri liema valuri għandhom jikkultivaw f’uliedhom, u liema hu mod wieħed kif jistgħu jagħmlu dan?

14 Il-​ġenituri Kristjani jirrealizzaw li t-​trobbija tat-​tfal tirrikjedi iktar milli jipprovdulhom il-​bżonnijiet materjali tagħhom. Għalhekk, tassew ma jkunx għaqli li tgħallem lit-​tfal ifittxu miri li jservu biss għall-​vantaġġ materjali tagħhom. (Ekk. 7:12) Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-​valuri u l-​miri spiritwali l-​prijorità tagħhom. (Mt. 6:33) Għalhekk, sabiex jimitaw lil Ġesù, il-​ġenituri Kristjani għandhom ukoll jistinkaw biex jikkultivaw fit-​tfal tagħhom xewqa li jfittxu miri spiritwali.

15 Mod wieħed kif il-​ġenituri jistgħu jagħmlu dan hu billi jieħdu vantaġġ mill-​opportunitajiet li t-​tfal tagħhom jistaʼ jkollhom biex jassoċjaw maʼ dawk li jaqdu fis-​servizz full-time. Ikkunsidra kemm jistaʼ jkun inkuraġġanti għaż-​żgħażagħ biex isiru jafu lill-​pijunieri jew lill-​indokratur tas-​circuit u l-​mara tiegħu. Missjunarji, Beteliti, u wħud li jaħdmu fil-​kostruzzjoni taʼ bini internazzjonali li jkunu qed iżuru l-​kongregazzjoni jistgħu jitkellmu b’entużjażmu dwar il-​ferħ taʼ li taqdi lil Ġeħova. Żgur li viżitaturi bħal dawn se jkollhom esperjenzi interessanti x’jirrakkontaw. L-​eżempju tagħhom f’li kienu lesti jissagrifikaw lilhom infushom fis-​servizz jistaʼ jgħin ħafna lit-​tfal tiegħek biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin, jagħmlu miri taʼ min ifaħħarhom, u jieħdu edukazzjoni xierqa biex ikunu jistgħu jmantnu lilhom infushom fis-​servizz full-time.

Tfal—X’Se Jgħinkom Timxu Wara l-​Eżempju taʼ Ġesù?

16. Ġesù kif onora lill-​ġenituri tiegħu fuq l-​art u lil Missieru tas-​sema?

16 Tfal, Ġesù jipprovdi eżempju eċċellenti għalikom ukoll. Ġesù ngħata lil Ġużeppi u Marija biex jieħdu ħsiebu, u hu obdiehom. (Aqra Luqa 2:51.) Hu rrikonoxxa li, minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħhom, huma ġew fdati bir-​responsabbiltà mogħtija minn Alla biex jieħdu ħsiebu. Minħabba f’hekk, kellhom jiġu onorati. (Dt. 5:16; Mt. 15:4) Meta kiber, Ġesù dejjem għamel l-​affarijiet li jogħġbu lil Missieru tas-​sema. Dan kien ifisser li jirreżisti t-​tentazzjoni. (Mt. 4:1-10) Intom iż-​żgħażagħ kultant tistgħu tiġu ttantati biex ma tobdux lill-​ġenituri tagħkom. Għalhekk, x’jistaʼ jgħinkom timxu wara l-​eżempju taʼ Ġesù?

17, 18. (a) X’tip taʼ pressjoni jiffaċċjaw iż-​żgħażagħ fl-​iskola? (b) Iż-​żgħażagħ iridu jiftakru liema ħaġa li tistaʼ tgħinhom jirreżistu l-​provi?

17 Wisq probabbli, ħafna minn sħabek tal-​klassi ftit li xejn għandhom rispett għal-​livelli tal-​Bibbja. Huma għandhom mnejn jipprovaw iġegħluk tieħu sehem f’attivitajiet dubjużi u jwaqqgħuk għaċ-​ċajt meta tirrifjuta. Ġieli jgħajruk sħabek taʼ l-​iskola minħabba li tirrifjuta li tieħu sehem magħhom f’ċerti attivitajiet? Jekk inhu hekk, kif tirreaġixxi? Int taf li jekk tħalli lilek innifsek tiġi intimidat u tagħmel bħalhom se tiddiżappunta lill-​ġenituri tiegħek u lil Ġeħova. Kif se tispiċċa jekk tagħmel bħal sħabek taʼ l-​iskola? Forsi int għamilt xi miri għalik innifsek, bħal li ssir pijunier regulari jew qaddej ministerjali, li taqdi f’territorju fejn il-​bżonn għall-​proklamaturi tas-​Saltna hu akbar, jew li ssir Betelit. Se tiġi megħjun tilħaq dawn il-​miri jekk tagħmilha maʼ sħabek taʼ l-​iskola?

18 Intom iż-​żgħażagħ fil-​kongregazzjoni Kristjana, qatt issibu lilkom infuskom f’sitwazzjonijiet meta l-​fidi tagħkom tiġi mġarrba? Kif twieġbu? Aħsbu fix-​xempju tagħkom, Ġesù. Hu rrifjuta li jċedi għat-​tentazzjoni u żamm sod maʼ dak li kien jaf li hu tajjeb. Jekk iżżommu dan f’moħħkom se tiġu msaħħin biex tgħidu lil sħabkom taʼ l-​iskola b’mod ċar li intom ma tridux tissieħbu magħhom f’xi ħaġa li tafu li hi ħażina. Bħal Ġesù, ibqgħu ffokati fuq il-​prospetti taʼ ħajja f’servizz hieni u ubbidjenza lejn Ġeħova.—Ebr. 12:2.

Il-​Fattur Prinċipali Meħtieġ Għal Ħajja tal-​Familja Hienja

19. Liema tip taʼ ħajja jġib hena veru?

19 Alla Ġeħova u Ġesù Kristu jridu l-​aħjar għall-​umanità. Anki fl-​istat imperfett tagħna, huwa possibbli għalina li ngawdu ammont t’hena. (Is. 48:17, 18; Mt. 5:3) Ġesù għallem il-​veritajiet reliġjużi li jipprovdu bażi għall-​hena taʼ l-​umanità, imma mhux dan biss għallem lid-​dixxipli tiegħu. Ġesù għallem ukoll l-​aqwa mod taʼ ħajja. Iktar minn hekk, hu ħalla eżempju prattiku taʼ ħajja u attitudni bilanċjata. Ilkoll kemm aħna, hu x’inhu l-​irwol tagħna fil-​familja, nistgħu nibbenefikaw jekk nimxu wara l-​eżempju tiegħu. Għalhekk, irġiel, nisa, ġenituri, u tfal, imxu wara l-​eżempju taʼ Ġesù! Jekk inħaddnu t-​tagħlim taʼ Ġesù u nimitaw l-​eżempju tiegħu żgur li se ngawdu ħajja tal-​familja sodisfaċenti u hienja.

Int Kif Twieġeb?

• L-​irġiel miżżewġin kif jistgħu jeżerċitaw l-​awtorità tagħhom mogħtija minn Alla?

• Mara miżżewġa kif tistaʼ timita l-​eżempju taʼ Ġesù?

• Il-​ġenituri x’jistgħu jitgħallmu mill-​mod kif Ġesù ttratta lid-​dixxipli tiegħu?

• Iż-​żgħażagħ x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġesù?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 8]

Qabel ma jieħu deċiżjoni li teffettwa lill-​familja, x’jagħmel raġel li jħobb?

[Stampa f’paġna 9]

Liema sitwazzjoni tipprovdi opportunità lil mara biex tappoġġa l-​istat taʼ kap taʼ żewġha?

[Stampa f’paġna 10]

It-​tfal jimitaw id-​drawwiet tajbin tal-​ġenituri tagħhom