Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Kooperazzjoni Twassal Għal Progress Spiritwali

Il-Kooperazzjoni Twassal Għal Progress Spiritwali

SPIRTU taʼ kooperazzjoni hu essenzjali għal dawk li jridu jagħmlu progress f’li jrabbu familja li jkun moħħha f’affarijiet spiritwali. Meta Ġeħova ħalaq lill-​ewwel koppja, hu enfasizza kemm hi bżonnjuża l-​kooperazzjoni. Eva kellha taħdem m’Adam bħala l-​“għajnuna” tiegħu. (Ġen. 2:18) Iż-​żwiġijiet għandhom ikunu sħubija, bir-​raġel u l-​mara jappoġġaw lil xulxin. (Ekk. 4:9-12) Sabiex jitwettaq l-​irwol li Ġeħova jagħti lill-​ġenituri u lit-​tfal jeħtieġ ukoll li jkun hemm kooperazzjoni.

Il-​Qima Bħala Familja

Barry u Heidi għandhom ħamest itfal. Huma jsibu li l-​fatt li jaħdmu flimkien biex ikollhom l-​istudju tal-​Bibbja tal-​familja jgħinhom jagħmlu progress. Barry jispjega: “Għall-​istudju tal-​familja, minn żmien għal żmien jien nagħti lit-​tfal inkarigi żgħar. Forsi ngħidilhom jippreparaw kummenti bbażati fuq artikli minn Stenbaħ! Ukoll, ikollna sessjonijiet biex nipprattikaw dak li nkunu se ngħidu fis-​servizz taʼ l-​għalqa sabiex kull wieħed mit-​tfal ikollu preżentazzjoni preparata.” Heidi żżid: “Ilkoll kemm aħna għandna lista taʼ miri spiritwali li rridu nilħqu, u minn żmien għal żmien nirriveduhom matul l-​istudju tal-​familja sabiex naraw xi progress inkunu qed nagħmlu.” Din il-​koppja ssib ukoll li meta f’ċerti ġranet b’mod regulari ma jixegħlux it-​televixin, il-​familja kollha jkollha l-​opportunità biex toqgħod taqra fil-​kwiet.

Il-​Laqgħat tal-​Kongregazzjoni

Mike u Denise rabbew erbat itfal. Il-​familja tagħhom kif ibbenefikat minħabba li ħadmu flimkien? Mike jgħid: “Kultant, anki l-​iktar pjanijiet maħsubin sew ma rnexxewx, imma sibna li l-​kooperazzjoni għenitna biex immorru għal-​laqgħat fil-​ħin.” Denise tispjega: “Meta t-​tfal kienu qed jikbru, kull wieħed minnhom kellu biċċa xogħol x’jagħmel. Kim, it-​tifla tagħna, kienet tgħin fit-​tisjir u tarma l-​mejda.” It-​tifel tagħhom Michael jiftakar: “It-​Tlieta fil-​għaxija kellna laqgħa tal-​kongregazzjoni fid-​dar tagħna. Għalhekk, konna nnaddfu l-​kamra, nikinsu l-​art, u noħorġu s-​siġġijiet.” Matthew, tifel ieħor, iżid: “Missieri kien jagħmel ċert li jiġi mix-​xogħol kmieni meta kien ikollna l-​laqgħat u jgħinna llestu għal-​laqgħa.” X’kienu r-​riżultati?

Kull Sforz Jiswa

Mike jirrakkonta: “Fl-​1987, jien u Denise bdejna naqdu bħala pijunieri. Dak iż-​żmien, tlieta mit-​tfal tagħna kienu għadhom jgħixu d-​dar. Tnejn minnhom saru pijunieri, u l-​oħrajn qdew fi proġetti tal-​bini taʼ Betel. Il-​familja tagħna kellha wkoll il-​ferħ li tgħin lil 40 individwu differenti jiddedikaw lilhom infushom u jitgħammdu. Kellna wkoll il-​privileġġ li naħdmu bħala familja fi proġetti taʼ bini, saħansitra barra l-​pajjiż.”

Tabilħaqq, żgur li kull sforz jiswa meta l-​familja tikkoopera flimkien. Tistgħu ssibu modi oħrajn kif tistgħu tikkooperaw flimkien bħala familja? Tistaʼ tibqaʼ ċert li l-​ispirtu taʼ kooperazzjoni se jgħin lill-​familja tiegħek tagħmel iktar progress spiritwali.

[Stampa f’paġna 28]

Sessjonijiet biex nipprattikaw x’se ngħidu fis-​servizz taʼ l-​għalqa jgħinuna nagħmlu progress