Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Insibu Teżori “Moħbijin bil-Għaqal” Fih

Insibu Teżori “Moħbijin bil-Għaqal” Fih

“Fih hemm moħbijin bil-​għaqal it-​teżori kollha taʼ l-​għerf u taʼ l-​għarfien.”—KOL. 2:3.

1, 2. (a) Liema artefatti ġew skoperti fl-​1922, u fejn spiċċaw? (b) Il-​Kelma t’Alla liema stedina tagħmel lil kulħadd?

 SKOPERTI taʼ teżori moħbijin spiss ġew meqjusin bħala aħbarijiet importanti. Per eżempju, fl-​1922, wara għaxriet taʼ snin taʼ ħidma iebsa f’kundizzjonijiet diffiċli, l-​arkeologu Britanniku Howard Carter skopra xi ħaġa impressjonanti. Hu sab il-​qabar irjali kważi mhux mittiefes tal-​Fargħun Tutankamen, li kien fih mal-​5,000 oġġett.

2 Għalkemm l-​iskoperta taʼ Carter kienet spettakolari, ħafna mill-​artefatti li sab spiċċaw f’mużewijiet u f’kollezzjonijiet privati. Veru li forsi għandhom valur storiku jew artistiku, imma ftit li xejn għandhom effett fuq il-​ħajja tagħna taʼ kuljum. Madankollu, il-​Kelma t’Alla tistidinna biex infittxu għal teżori li verament jeffettwawna. L-​istedina hija miftuħa għal kulħadd, u l-​premju jiswa ħafna iktar minn kwalunkwe teżor materjali.—Aqra Proverbji 2:1-6.

3. It-​teżori li Ġeħova jħeġġeġ lill-​aduraturi tiegħu biex ifittxuhom b’liema modi huma taʼ benefiċċju?

3 Ikkunsidra x’valur għandhom it-​teżori li Ġeħova jħeġġeġ lill-​aduraturi tiegħu biex ifittxuhom. Fost dawn it-​teżori hemm “il-​biżaʼ taʼ Ġeħova,” li jistaʼ jipproteġina u jħarisna f’dawn iż-​żminijiet perikolużi. (Salm 19:9) Jekk insibu “l-​għarfien t’Alla” nistgħu niksbu l-​akbar unur li bniedem qatt jistaʼ jkollu—relazzjoni persunali mill-​qrib maʼ l-​Iktar Għoli. U bit-​teżori taʼ l-​għerf, l-​għarfien, u d-​dixxerniment li jagħti Alla, aħna se nkunu nistgħu nittrattaw b’suċċess il-​problemi u l-​kwistjonijiet fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum. (Prov. 9:10, 11) Kif nistgħu nsibu teżori prezzjużi bħal dawn?

Insibu Teżori Spiritwali

4. Kif nistgħu nsibu t-​teżori spiritwali?

4 Kuntrarju għal arkeoloġi u esploraturi oħrajn li spiss ikollhom ifittxu kullimkien għat-​teżori tagħhom, aħna nafu eżattament fejn jistgħu jinstabu t-​teżori spiritwali. Il-​Kelma t’Alla, bħal mappa taʼ teżor, tidderiġina lejn il-​post eżatt fejn nistgħu nsibu t-​teżori li wiegħed Alla. Meta rrefera għall-​Kristu, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Fih hemm moħbijin bil-​għaqal it-​teżori kollha taʼ l-​għerf u taʼ l-​għarfien.” (Kol. 2:3) Hekk kif naqraw dan il-​kliem, għandna mnejn nistaqsu: ‘Għala għandna nfittxu dawn it-​teżori? Kif inhuma “moħbijin” fi Kristu? U kif nistgħu nsibuhom?’ Sabiex nieħdu t-​tweġibiet, ejja neżaminaw iktar mill-​qrib il-​kliem taʼ l-​appostlu.

5. Pawlu għala kien qed jikteb dwar it-​teżori spiritwali?

5 Pawlu kiteb dan il-​kliem lil sħabu l-​Kristjani f’Kolossi. Hu qalilhom li kien qed jissielet għan-​nom tagħhom sabiex “qlubhom jitfarrġu u jingħaqdu flimkien b’mod armonjuż fl-​imħabba.” (Aqra Kolossin 2:1, 2.) Għalfejn kien daqshekk konċernat? Evidentement, Pawlu kien konxju li ħutu hemmhekk setgħu kienu influwenzati minn xi wħud fosthom li kienu qed jippromwovu ċerti filosofiji Griegi jew kienu qed jinkuraġġixxu l-​idea li terġaʼ tiġi osservata l-​Liġi Mosajka. Hu ordna lil ħutu b’mod sod: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-​tradizzjoni tal-​bnedmin, skond l-​affarijiet elementari tad-​dinja u mhux skond Kristu.”—Kol. 2:8.

6. Għala għandna nkunu interessati fil-​parir taʼ Pawlu?

6 Illum, aħna niffaċċjaw influwenzi simili minn Satana u mis-​sistema mill-​agħar tiegħu. Il-​filosofiji tad-​dinja, inkluż l-​attitudni sekulari ċentrata fuq l-​interessi umani u t-​teorija taʼ l-​evoluzzjoni, isawru l-​ħsibijiet, il-​morali, il-​miri, u l-​istili taʼ ħajja tan-​nies. Ir-​reliġjon falza għandha rwol importanti f’ħafna ċelebrazzjonijiet reliġjużi popolari. L-​industrija tad-​divertiment tissodisfa t-​tendenzi baxxi tal-​ġisem midneb, u ħafna mill-​kontenut taʼ l-​Internet joħloq periklu serju kemm għaż-​żgħar u kemm għall-​kbar. Il-​fatt li nkunu esposti l-​ħin kollu għal dawn it-​tendenzi dinjin u oħrajn jistaʼ faċilment jeffettwa l-​emozzjonijiet u l-​attitudnijiet tagħna lejn id-​direzzjoni li jipprovdi Ġeħova, billi jġegħelna nċedu bil-​mod il-​mod il-​qabda soda tagħna mal-​ħajja vera. (Aqra l-1 Timotju 6:17-19.) Jidher ċar li rridu nifhmu sew it-​tifsir taʼ kliem Pawlu lill-​Kolossin u nieħdu bis-​serjetà l-​parir tiegħu jekk ma rridux li naqgħu fin-​nasbiet makakki taʼ Satana.

7. Pawlu liema żewġ affarijiet qal li kienu se jgħinu lill-​Kolossin?

7 Jekk nerġgħu nqisu l-​kliem taʼ Pawlu lill-​Kolossin ninnotaw li wara li semma t-​tħassib tiegħu, hu pponta lejn żewġ affarijiet li kienu se jgħinuhom isibu l-​faraġ u jkunu magħqudin fl-​imħabba. L-​ewwel, hu semma li kellhom “jifhmu b’mod ċar u ċert.” Huma kellhom ikunu konvinti għall-​aħħar li l-​fehma tagħhom taʼ l-​Iskrittura kienet korretta, sabiex il-​fidi tagħhom tkun ibbażata fuq pedament sod. (Ebr. 11:1) Imbagħad, hu semma “għarfien eżatt dwar is-​sigriet sagru t’Alla.” Huma kellhom bżonn iktar minn għarfien bażiku tal-​verità u kellhom jifhmu ċar l-​affarijiet iktar profondi t’Alla. (Ebr. 5:13, 14) Tabilħaqq parir f’loku għall-​Kolossin u għalina llum! Iżda, kif nistgħu nkunu daqshekk ċerti u niksbu għarfien eżatt bħal dan? Pawlu jagħti t-​tweġiba fl-​istqarrija profonda tiegħu dwar Ġesù Kristu: “Fih hemm moħbijin bil-​għaqal it-​teżori kollha taʼ l-​għerf u taʼ l-​għarfien.”

Teżori “Moħbijin” fi Kristu

8. Spjega t-​tifsir tat-​terminu “moħbijin” fi Kristu.

8 Għalkemm jingħad li t-​teżori kollha taʼ l-​għerf u taʼ l-​għarfien huma “moħbijin” fi Kristu ma jfissirx li huma msakkrin jew li ma jistgħu jintlaħqu minn ħadd. Minflok, dan sempliċement ifisser li sabiex insibu t-​teżori rridu nagħmlu sforz kbir u l-​attenzjoni tagħna trid tkun iffokata fuq Ġesù Kristu. Dan hu fi qbil maʼ dak li qal Ġesù dwaru nnifsu: “Jien it-​triq, il-​verità, u l-​ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġw. 14:6) Iva, biex insibu l-​għarfien t’Alla, irridu nieħdu vantaġġ mill-​għajnuna u d-​direzzjoni li jipprovdi Ġesù.

9. Liema rwoli ngħataw lil Ġesù?

9 Minbarra li huwa “t-​triq,” Ġesù qal li hu “l-​verità, u l-​ħajja.” Dan jindika li l-​irwol tiegħu huwa ħafna iktar minn sempliċi mezz li bih navviċinaw lill-​Missier. Ġesù għandu wkoll irwoli li huma vitali biex nifhmu l-​verità tal-​Bibbja u biex niksbu l-​ħajja taʼ dejjem. Tabilħaqq, f’Ġesù hemm moħbijin it-​teżori spiritwali li għandhom valur li ma jitqabbel maʼ xejn u li qed jistennew li jiġu skoperti minn uħud li jistudjaw il-​Bibbja bir-​reqqa. Ejja neżaminaw xi wħud minn dawn it-​teżori li jeffettwaw direttament il-​prospetti tagħna tal-​futur u r-​relazzjoni tagħna m’Alla.

10. X’nistgħu nitgħallmu dwar Ġesù minn Kolossin 1:19 u 2:9?

10 “Fih tgħammar u tidher il-​milja kollha tad-​divinità.” (Kol. 1:19; 2:9) Minħabba li kien maʼ Missieru tas-​sema għal annati sħaħ, Ġesù jaf il-​personalità u r-​rieda t’Alla aħjar minn kwalunkwe persuna oħra. Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù għallem lil oħrajn dak li Missieru kien għallem lilu u rrifletta fl-​azzjonijiet tiegħu l-​kwalitajiet li Missieru kien rawwem fih. Huwa għalhekk li Ġesù setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.” (Ġw. 14:9) L-​għerf u l-​għarfien kollu t’Alla huma moħbijin, jew qegħdin, fi Kristu, u m’hemmx mod aħjar għalina biex nitgħallmu dwar Ġeħova milli nitgħallmu bir-​reqqa dak kollu li nistgħu dwar Ġesù.

11. X’konnessjoni hemm bejn Ġesù u l-​profeziji Bibliċi?

11 “L-​għoti taʼ xiehda dwar Ġesù hu li jnebbaħ l-​ipprofetizzar.” (Riv. 19:10) Dan il-​kliem jindika li Ġesù hu l-​figura ċentrali biex jitwettqu l-​ħafna profeziji li hemm fil-​Bibbja. Mill-​ewwel dikjarazzjoni profetika taʼ Ġeħova, imniżżla f’Ġenesi 3:15, sal-​viżjonijiet glorjużi tal-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, il-​profeziji tal-​Bibbja jistgħu jiġu mifhumin b’mod korrett biss meta nikkunsidraw l-​irwol taʼ Ġesù b’konnessjoni mas-​Saltna Messjanika. Dan jispjega għala ħafna profeziji fl-​Iskrittura Ebrajka jħawdu lil dawk li ma jaċċettawx lil Ġesù bħala l-​Messija mwiegħed. Jispjega wkoll għala Ġesù jidher li hu biss bniedem importanti għal dawk li ma japprezzawx l-​Iskrittura Ebrajka, li fiha ħafna profeziji Messjaniċi. L-​għarfien dwar Ġesù jgħin lin-​nies t’Alla jifhmu t-​tifsir tal-​profeziji Bibliċi li għad iridu jitwettqu.—2 Kor. 1:20.

12, 13. (a) Ġesù kif inhu “d-​dawl tad-​dinja”? (b) Minħabba li ġew meħlusin mid-​dlam reliġjuż, is-​segwaċi taʼ Kristu liema obbligu għandhom?

12 “Jien id-​dawl tad-​dinja.” (Aqra Ġwanni 8:12; 9:5.) Ħafna qabel ma Ġesù twieled fuq l-​art, il-​profeta Isaija bassar: “In-​nies li kienu mexjin fid-​dlam raw dawl kbir. U dawk li jgħammru fl-​art taʼ dell iswed ħafna, idda dawl fuqhom.” (Is. 9:2) L-​appostlu Mattew spjega li Ġesù wettaq din il-​profezija meta Hu beda jippriedka u qal: “Indmu, għax qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.” (Mt. 4:16, 17) Il-​ministeru taʼ Ġesù lin-​nies ġabilhom tidwil spiritwali u ħelsien mill-​jasar tat-​tagħlim reliġjuż falz. “Jien ġejt bħala dawl fid-​dinja,” qal Ġesù, “sabiex kulmin ipoġġi l-​fidi fija ma jibqax fid-​dlam.”—Ġw. 1:3-5; 12:46.

13 Ħafna snin wara, l-​appostlu Pawlu qal lil sħabu l-​Kristjani: “Darba kontu dlam, imma issa sirtu dawl għax intom tal-​Mulej. Ibqgħu mexjin bħala wlied id-​dawl.” (Efes. 5:8) Minħabba li nħelsu mill-​jasar tad-​dlam reliġjuż, il-​Kristjani għandhom l-​obbligu li jimxu bħala wlied id-​dawl. Dan hu fi qbil maʼ dak li qal Ġesù lis-​segwaċi tiegħu fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja: “Hekk għandu jiddi d-​dawl tagħkom quddiem il-​bnedmin, biex jaraw l-​għemejjel tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-​smewwiet.” (Mt. 5:16) Tapprezzahom int it-​teżori spiritwali li sibt f’Ġesù tant li tirrikkmandahom lil oħrajn, kemm bil-​kliem u kemm bil-​kondotta Kristjana tajba tiegħek?

14, 15. (a) In-​nagħaġ u annimali oħrajn kif kienu parti mill-​qima vera fi żminijiet Bibliċi? (b) Ġesù għala huwa teżor li ma jitqabbel maʼ xejn fl-​irwol tiegħu bħala “l-​Ħaruf t’Alla”?

14 Ġesù hu “l-​Ħaruf t’Alla.” (Ġw. 1:29, 36) Fil-​Bibbja, in-​nagħaġ kellhom irwol importanti biex jinħafer id-​dnub u biex in-​nies javviċinaw lil Alla. Per eżempju, wara li Abraham kien wera li kien lest joffri lil ibnu Iżakk intqallu biex ma jagħmilx ħsara lil Iżakk u ġie provdut b’muntun, jew nagħġa raġel, bħala sostitut. (Ġen. 22:12, 13) Meta l-​Israelin inħelsu mill-​Eġittu, in-​nagħaġ reġaʼ kellhom irwol sinifikanti, din id-​darba bħala parti mill-​“Qbiż taʼ Ġeħova.” (Eżo. 12:1-13) Iżjed minn hekk, il-​Liġi Mosajka għamlitha possibbli li jiġu sagrifikati diversi annimali, inkluż in-​nagħaġ u l-​mogħoż.—Eżo. 29:38-42; Lev. 5:6, 7.

15 Ebda wieħed minn dawk is-​sagrifiċċji—fil-​fatt, ebda sagrifiċċju offrut mill-​bniedem—ma setaʼ jġib ħelsien permanenti mid-​dnub u mill-​mewt. (Ebr. 10:1-4) Ġesù, mill-​banda l-​oħra, huwa “l-​Ħaruf t’Alla li jneħħi d-​dnub tad-​dinja.” Dan il-​fatt biss jagħmel lil Ġesù teżor li jisboq kwalunkwe teżor materjali li qatt instab. Għalhekk, nagħmlu tajjeb li nqattgħu l-​ħin nistudjaw is-​suġġett tal-​fidwa bir-​reqqa u neżerċitaw fidi f’dak il-​provvediment meraviljuż. Billi nagħmlu hekk ikollna t-​tama taʼ barka u premju grandjuż—glorja u unur maʼ Kristu fis-​sema għall-​“merħla żgħira” u ħajja taʼ dejjem f’Ġenna taʼ l-​art għan-​“nagħaġ oħrajn.”—Lq. 12:32; Ġw. 6:40, 47; 10:16.

16, 17. Għala hu essenzjali li nifhmu l-​irwol taʼ Ġesù bħala “l-​Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-​fidi tagħna”?

16 Ġesù huwa “l-​Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-​fidi tagħna.” (Aqra Ebrej 12:1, 2.) F’Ebrej kapitlu 11 insibu d-​diskussjoni taʼ Pawlu magħmula bis-​sengħa dwar il-​fidi, li tinkludi definizzjoni konċiża u lista taʼ rġiel u nisa eżemplari taʼ fidi bħal Noè, Abraham, Sara, u Raħab. B’dan kollu f’moħħu, Pawlu ħeġġeġ lil sħabu l-​Kristjani biex ‘iħarsu fiss lejn Ġesù, l-​Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-​fidi tagħna.’ Għala?

17 Għalkemm dawk l-​irġiel u nisa leali li huma mniżżlin f’Ebrej kapitlu 11 kellhom fidi soda fil-​wegħda t’Alla, huma ma kinux jafu d-​dettalji kollha taʼ kif Alla kien se jwettaq il-​wegħda tiegħu permezz tal-​Messija u tas-​Saltna. F’dan is-​sens, il-​fidi tagħhom ma kinitx kompleta. Fil-​fatt, anki dawk li kienu użati minn Ġeħova biex jiktbu l-​ħafna profeziji Messjaniċi ma fehmux għalkollox is-​sinifikat taʼ dak li kitbu. (1 Pt. 1:10-12) Permezz taʼ Ġesù biss tistaʼ l-​fidi tiġi perfezzjonata, jew issir kompleta. Kemm hu essenzjali li nifhmu ċar u nirrikonoxxu l-​irwol taʼ Ġesù bħala “l-​Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-​fidi tagħna”!

Ibqaʼ Fittex

18, 19. (a) Semmi teżori spiritwali oħrajn moħbijin fi Kristu. (b) Għala għandna nkomplu nħarsu lejn Ġesù għal teżori spiritwali?

18 Ikkunsidrajna biss ftit mill-​irwoli prezzjużi taʼ Ġesù fl-​iskop t’Alla għas-​salvazzjoni taʼ l-​umanità. Għad hemm iktar teżori spiritwali li huma moħbijin fi Kristu. Jekk insibuhom se jkollna l-​ferħ u l-​benefiċċji. Per eżempju, l-​appostlu Pietru sejjaħ lil Ġesù l-​“Aġent Ewlieni tal-​ħajja” u “kewkba taʼ fil-​għodu” li titlaʼ. (Atti 3:15; 5:31; 2 Pt. 1:19) U l-​Bibbja applikat it-​terminu “Amen” għal Ġesù. (Riv. 3:14) Tafhom int it-​tifsira u s-​sinifikat taʼ dawn l-​irwoli? Bħalma qal Ġesù, “ibqgħu fittxu, u ssibu.”—Mt. 7:7.

19 M’hemm ħadd fl-​istorja kollha li ħajtu għandha tant tifsir u li hi tant konnessa mill-​qrib mal-​ġid etern tagħna daqs dik taʼ Ġesù. Fih hemm teżori spiritwali li jistgħu jintlaħqu faċilment minn dawk li jfittxuhom b’qalbhom kollha. Jalla jkollok il-​ferħ u l-​barka li ssib it-​teżori “moħbijin bil-​għaqal” fih.

Tiftakar Int?

• Il-​Kristjani liema teżori huma mħeġġin ifittxu?

• Il-​parir taʼ Pawlu lill-​Kolossin għala għadu xieraq għalina llum?

• Semmi u spjega xi wħud mit-​teżori spiritwali “moħbijin” fi Kristu.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 5]

Il-​Bibbja hi bħal mappa taʼ teżor li tiggwidana lejn ir-​rikkezzi li huma “moħbijin bil-​għaqal” fi Kristu