Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Timxi Int fit-“Triq li Tisboqhom Ilkoll” taʼ l-Imħabba?

Timxi Int fit-“Triq li Tisboqhom Ilkoll” taʼ l-Imħabba?

“ALLA hu mħabba.” Dan il-​kliem taʼ l-​appostlu Ġwanni jidentifika l-​iktar kwalità dominanti li għandu Alla. (1 Ġw. 4:8) Hija l-​imħabba li għandu Alla għall-​umanità li tagħmilha possibbli għalina li nersqu qrib lejh u li jkollna relazzjoni persunali miegħu. B’liema mod ieħor teffettwana l-​imħabba t’Alla? Intqal: “Aħna magħġunin u msawrin minn dak li nħobbu.” Dan hu minnu. Madankollu, hu minnu wkoll li aħna magħġunin u msawrin minn min inħobbu u minn min iħobbna. Minħabba li maħluqin fix-​xbieha t’Alla, aħna għandna l-​abbiltà li nirriflettu l-​imħabba t’Alla f’ħajjitna. (Ġen. 1:27) Għalhekk, l-​appostlu Ġwanni kiteb li aħna nħobbu lil Alla “għax hu ħabbna l-​ewwel.”—1 Ġw. 4:19.

Erbaʼ Kelmiet li Jiddeskrivu l-​Imħabba

L-​appostlu Pawlu sejjaħ l-​imħabba t-​“triq li tisboqhom ilkoll.” (1 Kor. 12:31) Għala ddeskriva l-​imħabba b’dan il-​mod? Pawlu għal liema tip taʼ mħabba kien qed jirreferi? Sabiex insiru nafu, ejja neżaminaw mill-​qrib it-​tifsira tal-​kelma “mħabba.”

Il-Griegi tal-​qedem kellhom erbaʼ kelmiet bażiċi, użati f’diversi forom, biex jiddeskrivu l-​imħabba: storge, eros, filja, u agape. Minn dawn, it-​terminu agape huwa użat biex jiddeskrivi l-​Alla li “hu mħabba.” a Dwar din l-​imħabba, il-​Professur William Barclay fin-​New Testament Words tiegħu jgħid: “Agape għandha x’taqsam mal-​moħħ: m’hijiex sempliċement xi emozzjoni li titqanqal spontanjament fi qlubna; hija prinċipju li ngħixu bih deliberatament. Agape għandha x’taqsam b’mod suprem mar-​rieda.” F’dan il-​kuntest, agape hija mħabba li hija gvernata, jew gwidata, minn prinċipju, imma spiss tkun akkumpanjata minn emozzjonijiet qawwijin. Minħabba li hemm prinċipji tajbin u ħżiena, huwa evidenti li l-​Kristjani għandhom jiġu gwidati minn prinċipji tajbin, li huma stabbiliti fil-​Bibbja minn Alla Ġeħova nnifsu. Meta nqabblu d-​deskrizzjonijiet Bibliċi t’agape maʼ termini oħrajn użati fil-​Bibbja biex jiddeskrivu l-​imħabba, se nifhmu aħjar l-​imħabba li għandna nuru.

L-​Imħabba fil-​Familja

Kemm hu sabiħ li tkun parti minn familja kollha mħabba u magħquda! Storge kienet il-​kelma Griega li spiss intużat biex tirreferi għall-​affezzjoni naturali li teżisti bejn il-​membri taʼ l-​istess familja. Il-​Kristjani jistinkaw biex juru mħabba lejn il-​membri tal-​familja tagħhom. Pawlu pprofetizza li fl-​aħħar jiem, in-​nies in ġenerali kienu se jkunu “mingħajr imħabba naturali.” b2 Tim. 3:1, 3.

L-imħabba naturali li għandha teżisti bejn il-​membri tal-​familja b’dispjaċir hija nieqsa fid-​dinja taʼ llum. Ħafna ommijiet li qed jistennew tarbija għala jagħmlu abort? Ħafna familji għala ma jurux interess fil-​ġenituri tagħhom imdaħħlin fiż-​żmien? Ir-​rata tad-​divorzju għala tkompli tiżdied b’mod allarmanti? It-​tweġiba fil-​fatt hi, Nuqqas taʼ mħabba naturali.

Barra minn hekk, il-​Bibbja tgħallem li “l-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra.” (Ġer. 17:9) L-​imħabba fil-​familja tinvolvi lil qalbna u s-​sentimenti tagħna. Iżda huwa interessanti li Pawlu uża agape biex jiddeskrivi l-​imħabba li raġel għandu juri lejn martu. Pawlu qabbel din l-​imħabba maʼ l-​imħabba li juri Kristu lejn il-​kongregazzjoni. (Efes. 5:28, 29) Din l-​imħabba hi bbażata fuq prinċipji stabbiliti minn Ġeħova, l-​Oriġinatur taʼ l-​arranġament tal-​familja.

L-imħabba ġenwina għall-​membri tal-​familja tqanqalna biex nuru interess fil-​ġenituri tagħna mdaħħlin fiż-​żmien jew timmotivana biex inkunu responsabbli taʼ wliedna. Tqanqal ukoll lill-​ġenituri biex juru dixxiplina bl-​imħabba maʼ wliedhom meta jkun hemm bżonn u żżomm lura lill-​ġenituri milli jaġixxu biss fuq is-​sentimenti, li spiss jirriżultaw f’attitudni permissiva żżejjed lejn it-​tfal.—Efes. 6:1-4.

L-​Imħabba Romantika u l-​Prinċipji Bibliċi

L-​imħabba fiżika bejn raġel u mara fl-​arranġament taż-​żwieġ hi verament rigal mingħand Alla. (Prov. 5:15-17) Madankollu, il-​kelma eros, li tirreferi għall-​imħabba romantika, ma tintużax mill-​kittieba ispirati tal-​Bibbja. Għala le? Xi snin ilu, It-​Torri taʼ l-​Għassa għamel dan il-​kumment: “Illum id-​dinja kollha tidher li qed tagħmel l-​istess żball li għamlu l-​Griegi tal-​qedem. Huma kienu jqimu lil Eros bħala alla, mielu quddiem l-​artal tiegħu u offrewlu sagrifiċċji. . . . Imma l-​istorja turi li qima bħal din lejn l-​imħabba sesswali ġabet biss degradazzjoni, tbaħrid u qerda. Forsi hu għalhekk li l-​kittieba tal-​Bibbja m’użawx din il-​kelma.” Sabiex nevitaw li ninvolvu ruħna f’relazzjonijiet ibbażati purament fuq attrazzjoni fiżika, is-​sentimenti romantiċi jridu jkunu moderati, jew kontrollati, mill-​prinċipji Bibliċi. Għalhekk, staqsi lilek innifsek, ‘Huma s-​sentimenti romantiċi tiegħi bilanċjati bl-​imħabba vera għall-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ?’

Matul “il-​fjur taż-​żgħożija” meta l-​impulsi sesswali jkunu ġeneralment qawwijin ħafna, iż-​żgħażagħ li jżommu l-​prinċipji Bibliċi jibqgħu moralment nodfa. (1 Kor. 7:36; Kol. 3:5) Aħna nqisu ż-​żwieġ bħala rigal sagru mingħand Ġeħova. Ġesù qal dwar koppji miżżewġin: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mt. 19:6) Minflok ma nibqgħu flimkien dment li hemm attrazzjoni min-​naħa tat-​tnejn, aħna nqisu ż-​żwieġ bħala impenn serju. Meta jqumu l-​problemi fiż-​żwieġ, ma nfittxux l-​iktar triq faċli biex noħorġu minnu, imma nistinkaw bil-​ħeġġa kollha biex nuru kwalitajiet divini sabiex nagħmlu l-​ħajja tal-​familja tagħna hienja. Sforzi bħal dawn se jġibu hena dejjiemi.—Efes. 5:33; Ebr. 13:4.

L-​Imħabba Bejn il-​Ħbieb

Il-​ħajja tkun monotona mingħajr ħbieb! Proverbju Bibliku jgħid: “Hemm ħabib li jintrabat miegħek iktar minn ħuk.” (Prov. 18:24) Ġeħova jrid li jkollna ħbieb ġenwini. Ir-​rabta mill-​qrib tal-​ħbiberija mill-​qalb taʼ bejn David u Ġonatan hija magħrufa sew. (1 Sam. 18:1) U l-​Bibbja tgħid li Ġesù “kellu affezzjoni” lejn l-​appostlu Ġwanni. (Ġw. 20:2) Il-​kelma Griega għal “affezzjoni” jew “ħbiberija” hija filja. M’hemm xejn ħażin li jkollok ħabib tal-​qalb fil-​kongregazzjoni. Madankollu, fit-​2 Pietru 1:7, aħna inkuraġġiti biex inżidu l-​imħabba (agape) maʼ “l-​affezzjoni lejn l-​aħwa” (filadelfja, kelma komposta minn filos, il-​kelma Griega għal “ħabib,” u adelfos, il-​kelma Griega għal “ħu”). Sabiex ingawdu ħbiberiji li jibqgħu, irridu napplikaw dan il-​parir. Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Huma s-​sentimenti tiegħi taʼ ħbiberija bilanċjati bil-​prinċipji tal-​Bibbja?’

Il-Kelma t’Alla tgħinna nevitaw il-​parzjalità fil-​mod kif nittrattaw lil ħbiebna. Aħna ma nimxux b’livell doppju: livell relattivament iktar permissiv għal ħbiebna u livell differenti u iktar strett għal dawk li m’humiex ħbiebna. Barra minn hekk, aħna ma noqogħdux infaħħru lil oħrajn sabiex nagħmlu ħbieb magħhom. Fuq kollox, jekk napplikaw prinċipji Bibliċi se jkollna d-​dixxerniment meħtieġ biex inkunu selettivi meta nagħżlu l-​ħbieb u biex nevitaw ‘kumpanija ħażina li tħassar id-​drawwiet siewja.’—1 Kor. 15:33.

Rabta Unika taʼ Mħabba!

Ir-​rabta li tgħaqqad lill-​Kristjani hija verament unika! L-​appostlu Pawlu kiteb: “Ħa tkun imħabbitkom mingħajr ipokrisija. . . . Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-​aħwa.” (Rum. 12:9, 10) Tabilħaqq, il-​Kristjani jgawdu ‘mħabba (agape) mingħajr ipokrisija.’ Din l-​imħabba m’hijiex limitata għal xi emozzjoni li tfur fi qlubna. Minflok, għandha għeruq fondi fil-​prinċipji Bibliċi. Madankollu, Pawlu jitkellem ukoll dwar “imħabba lejn l-​aħwa” (filadelfja) u “affezzjoni tenera” (filostorgos, kelma komposta minn filos u storge). Skond wieħed studjuż, l-​“imħabba lejn l-​aħwa” hija “mħabba mimlija affezzjoni, turi qalb tajba, simpatija, toffri għajnuna.” Flimkien maʼ l-​agape, tħeġġeġ sħubija fost l-​aduraturi taʼ Ġeħova. (1 Tess. 4:9, 10) L-​espressjoni l-​oħra, tradotta “affezzjoni tenera,” tidher darba biss fil-​Bibbja u tirreferi għal li wieħed ikun f’intimità kollha mħabba, bħal ġo familja. c

Ir-rabta li tgħaqqad il-​veri Kristjani hi taħlita taʼ mħabba fil-​familja u affezzjoni għall-​ħbieb veri, u r-​relazzjonijiet kollha huma gvernati mill-​imħabba bbażata fuq prinċipji Bibliċi. Il-​kongregazzjoni Kristjana m’hijiex xi klabb soċjali jew organizzazzjoni sekulari, imma familja magħquda fil-​qima lejn Alla Ġeħova. Aħna nsejħu lil sħabna fit-​twemmin bħala ħutna, u nqisuhom b’dak il-​mod. Huma parti mill-​familja spiritwali tagħna, inħobbuhom bħala ħbieb, u dejjem naġixxu magħhom fi qbil mal-​prinċipji Bibliċi. Jalla lkoll kemm aħna nkomplu nikkontribwixxu għar-​rabta taʼ mħabba li tgħaqqadna u tidentifikana bħala l-​kongregazzjoni Kristjana vera.—Ġw. 13:35.

[Noti taʼ taħt]

a Agape hija wkoll użata f’kuntesti negattivi.—Ġw 3:19; 12:43; 2 Tim. 4:10; 1 Ġw. 2:15-17.

b L-espressjoni “mingħajr imħabba naturali” hija traduzzjoni tal-​forma storge bil-​prefiss negattiv a, li jfisser “mingħajr.”—Ara wkoll Rumani 1:31.

c Fit-Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida, kliem Grieg ieħor jiġi tradott ukoll bħala “affezzjoni tenera.” Għalhekk, f’din il-​verżjoni, “affezzjoni tenera” ma tidhirx biss f’Rumani 12:10 imma wkoll f’Filippin 1:8 u fl-​1 Tessalonikin 2:8.

[Kumment f’paġna 12]

Int kif tikkontribwixxi għar-​rabta taʼ mħabba li tgħaqqadna?