“Żommu l-Paċi mal-Bnedmin Kollha”
“Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.”—RUM. 12:18.
1, 2. (a) Ġesù liema twissija ta lis-segwaċi tiegħu? (b) Fejn nistgħu nsibu parir dwar kif għandna nirreaġixxu għall-oppożizzjoni?
ĠESÙ wissa lis-segwaċi tiegħu li kellhom jiffaċċjaw l-oppożizzjoni mill-ġnus tad-dinja, u fil-lejla taʼ qabel mewtu, hu spjega għala. Hu qal lill-appostli tiegħu: “Kieku kontu parti mid-dinja, id-dinja kienet tkun ferħana b’dak li hu tagħha. Issa għax m’intomx parti mid-dinja, imma għażiltkom mid-dinja, minħabba f’hekk tobgħodkom id-dinja.”—Ġw. 15:19.
2 L-appostlu Pawlu esperjenza kemm kien minnu l-kliem taʼ Ġesù. Fit-tieni ittra tiegħu lil sieħbu żagħżugħ Timotju, Pawlu kiteb: “Int segwejt mill-qrib it-tagħlim tiegħi, il-kondotta tiegħi, l-iskop tiegħi, il-fidi tiegħi, il-paċenzja kollha tiegħi, l-imħabba tiegħi, is-sabar tiegħi, il-persekuzzjonijiet tiegħi, is-sofferenzi tiegħi.” Imbagħad Pawlu żied jgħid: “Fil-fatt, kulmin jixtieq jgħix bid-devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.” (2 Tim. 3:10-12) F’kapitlu 12 tal-ittra tiegħu lill-Kristjani f’Ruma, Pawlu ta parir għaqli dwar kif għandhom jirreaġixxu għall-oppożizzjoni. Kliemu jistaʼ jiggwidana f’dan iż-żmien tat-tmiem.
“Agħmlu t-Tajjeb”
3, 4. Il-parir mogħti f’Rumani 12:17 kif jistaʼ jiġi applikat (a) f’dar maqsuma reliġjożament? (b) għal kif nittrattaw lill-ġirien tagħna?
3 Aqra Rumani 12:17. Pawlu spjega li meta niffaċċjaw l-ostilità, m’għandniex nirritaljaw. Huwa importanti b’mod partikulari li dawk li jgħixu fi djar li huma maqsumin reliġjożament jagħtu kas dan il-parir. Is-sieħeb jew is-sieħba Kristjana tirreżisti t-tentazzjoni li tpatti kelma jew azzjoni ħarxa b’nuqqas taʼ qalb tajba. Ma joħroġ ebda ġid jekk dak li jkun ‘irodd ħsara bi ħsara.’ Għall-kuntrarju, attitudni bħal din tistaʼ biss tagħmel is-sitwazzjoni agħar.
4 Pawlu jissuġġerixxi mod aħjar: “Agħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha.” Fid-dar, mara miżżewġa li turi qalb tajba ġenwina maʼ żewġha wara li jgħid xi ħaġa mhix sabiħa dwar it-twemmin tagħha tistaʼ tevita li s-sitwazzjoni tiżbroffa f’argument. (Prov. 31:12) Carlos, li issa hu membru taʼ familja Betel, jirrakkonta kif ommu għelbet l-oppożizzjoni ħarxa taʼ missieru billi baqgħet turi qalb tajba u tieħu ħsieb id-dar b’mod xieraq. “Hi inkuraġġiet lilna t-tfal biex dejjem nuruh rispett. Kienet tinsisti li nilgħab il-boċċi miegħu avolja ma kinitx il-logħba favorita tiegħi. Imma lilu kienet tagħmillu burdata tajba.” Eventwalment hu beda jistudja l-Bibbja u tgħammed. Rigward li ‘jagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha,’ ix-Xhieda taʼ Ġeħova spiss għelbu l-preġudizzju billi taw għajnuna prattika lill-ġirien tagħhom meta jseħħ xi diżastru.
Indewbu l-Oppożizzjoni b’“Ġamar Jaqbad”
5, 6. (a) F’liema sens “ġamar jaqbad” ikun miġmugħ fuq ras xi għadu? (b) Irrakkonta esperjenza lokali li turi kif l-applikar tal-parir li nsibu f’Rumani 12:20 jistaʼ jkollu riżultati tajbin.
5 Aqra Rumani 12:20. Meta għażel il-kliem imniżżel f’dan il-vers, Pawlu bla dubju kellu f’moħħu dak li naqraw fi Proverbji 25:21, 22: “Jekk min jobogħdok hu bil-ġuħ, agħtih jiekol il-ħobż; u jekk hu bil-għatx, agħtih jixrob l-ilma. Għax tkun qed tiġmaʼ l-ġamar fuq rasu, u Ġeħova jippremjak.” Meta nqisu l-parir tiegħu li nsibu f’Rumani kapitlu 12, Pawlu żgur ma riedx ifisser li l-ġamar fit-tixbiha kellu jweġġaʼ jew iġiegħel lil xi opponent jistħi. Minflok, il-proverbju—kif ukoll il-kliem simili taʼ Pawlu lir-Rumani—donnu jirreferi għal metodu antik li kien jintuża biex idewbu l-minerali għall-metall tagħhom. Charles Bridges, l-istudjuż Ingliż tas-seklu 19, qal: “Dawwar il-metall li mhuwiex faċli jinħadem minn taħt u minn fuq; mhux biss billi titfgħu fuq in-nar, imma billi tiġmaʼ ġamar jaqbad fuqu. Ftit hemm qlub li huma tant ebsin li ma jdubux taħt il-qawwa taʼ mħabba paċenzjuża, mhix egoistika, u b’saħħitha.”
6 Bħal “ġamar jaqbad,” għemejjel taʼ qalb tajba jistgħu jmissu l-qalb t’opponenti u forsi jdewbu l-ostilità tagħhom. Azzjonijiet taʼ qalb tajba jistgħu jinfluwenzaw lin-nies biex ikollhom attitudni iktar favorevoli lejn in-nies taʼ Ġeħova u l-messaġġ Bibliku li jippritkaw. L-appostlu Pietru kiteb: “Żommu kondotta tajba fost il-ġnus, sabiex, f’dak li qed jgħidu kontrikom bħala li intom nies ħżiena, minħabba l-għemejjel tajbin tagħkom li jaraw b’għajnejhom stess jigglorifikaw lil Alla fil-jum taʼ l-ispezzjoni tiegħu.”—1 Pt. 2:12.
“Żommu l-Paċi mal-Bnedmin Kollha”
7. X’inhi l-paċi li Kristu jħalli lid-dixxipli tiegħu, u x’għandha tqanqalna nagħmlu?
7 Aqra Rumani 12:18. Matul l-aħħar lejla li Ġesù qattaʼ mal-appostli tiegħu, qalilhom: “Inħallilkom il-paċi, nagħtikom il-paċi tiegħi.” (Ġw. 14:27) Il-paċi li Kristu jħalli lid-dixxipli tiegħu hija l-kalma ġewwinija li jesperjenzaw meta jħossu li huma maħbubin u approvati minn Alla Ġeħova u Ibnu l-maħbub. Din il-paċi ġewwinija għandha tqanqalna ngħixu m’oħrajn fil-paċi. Kristjani ġenwini jħobbu l-paċi u jagħmlu minn kollox biex iġibu l-paċi.—Mt. 5:9.
8. Kif nistgħu nkunu wħud li jġibu l-paċi fid-dar u fil-kongregazzjoni tagħna?
8 Mod wieħed kif iġġib il-paċi fiċ-ċirku tal-familja hu billi tirranġa kwalunkwe nuqqas taʼ ftehim malajr kemm jistaʼ jkun minflok ma tħalli s-sitwazzjonijiet imorru għall-agħar. (Prov. 15:18; Efes. 4:26) Dan hu minnu wkoll fil-kongregazzjoni Kristjana. L-appostlu Pietru jorbot il-ġiri wara l-paċi mat-trażżin tal-ilsien. (1 Pt. 3:10, 11) Ġakbu wkoll, wara li ta parir sod dwar l-użu xieraq tal-ilsien u l-bżonn li jiġu evitati l-għira u spirtu ġellied, kiteb: “L-għerf li ġej minn fuq hu l-ewwelnett safi, imbagħad iġib il-paċi, hu raġunevoli, lest li jobdi, mimli ħniena u frott tajjeb, ma jagħmilx distinzjonijiet parzjali, mhux ipokrita. Barra minn hekk, il-frott tal-ġustizzja jinżeraʼ f’kundizzjonijiet paċifiċi għal dawk li qegħdin iġibu l-paċi.”—Ġak. 3:17, 18.
9. Filwaqt li nipprovaw ‘inżommu l-paċi mal-bnedmin kollha,’ x’għandna nżommu f’moħħna?
9 Fl-istqarrija tiegħu li nsibu f’Rumani 12:18, Pawlu ma japplikahiex biss għaċ-ċirku tal-familja u għall-kongregazzjoni. Hu jgħid li għandna ‘nżommu l-paċi mal-bnedmin kollha.’ Dan jinkludi l-ġirien, sħabna tax-xogħol u tal-iskola, u n-nies li niltaqgħu magħhom fil-ministeru pubbliku tagħna. Madankollu, l-appostlu qal dan flimkien mal-parir: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom.” Dan ifisser li nagħmlu dak kollu li nistgħu b’mod raġunevoli biex ‘inżommu l-paċi mal-bnedmin kollha,’ imma mhux sal-punt li nagħmlu kompromess fejn jidħlu l-prinċipji ġusti t’Alla.
Il-Vendetta Hi taʼ Ġeħova
10, 11. F’liema sens ‘nagħmlu l-wisaʼ għall-korla,’ u dan għala hu xieraq?
10 Aqra Rumani 12:19. Anki maʼ “dawk li ma jurux attitudni favorevoli” lejn ix-xogħol u l-messaġġ tagħna, inkluż dawk li jopponu b’mod dirett, se nżommu ruħna ‘mrażżnin quddiem il-ħażen’ u naġixxu “bil-ħlewwa.” (2 Tim. 2:23-25) Pawlu jwissi lill-Kristjani biex ma jivvendikawx ruħhom imma biex ‘jagħmlu l-wisaʼ għall-korla.’ Għall-korla taʼ min qed jirreferi Pawlu? Żgur ma riedx ifisser li għandna nħallu l-korla tagħna tiżbroffa. B’mod ċar, aħna nagħmlu l-wisaʼ għall-korla t’Alla. Bħala Kristjani, aħna nafu li l-vendetta mhix f’idejna. Is-salmista kiteb: “Itlaq ir-rabja u ħalli d-dagħdigħa; titbaqbaqx, u b’hekk tagħmel il-ħażen.” (Salm 37:8) U Salamun ta dan il-parir: “Tgħidx: ‘Inpatti l-ħażin!’ Ittama f’Ġeħova, u jsalvak.”—Prov. 20:22.
11 Jekk l-opponenti jagħmlulna l-ħsara, ikun għaqli jekk inħallu f’idejn Ġeħova biex jikkastigahom jekk iħoss li hu xieraq li jagħmel dan. Pawlu wera li kellu l-korla taʼ Ġeħova f’moħħu meta żied jgħid: “Hu miktub: ‘Il-vendetta hi tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’” (Qabbel Dewteronomju 32:35.) Li kieku kellna nivvendikaw ruħna, inkunu qed naġixxu bi prużunzjoni, billi nieħdu f’idejna xi ħaġa li Ġeħova rriserva għalih stess. Iżjed minn hekk, inkunu qed nuru nuqqas taʼ fidi fil-wegħda taʼ Ġeħova: “Jien inħallas.”
12. Il-korla taʼ Ġeħova meta se tiġi rivelata, u kif?
12 Iktar kmieni fl-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu stqarr: “Il-korla t’Alla qed tiġi rivelata mis-sema kontra kull nuqqas taʼ devozzjoni u kull inġustizzja tal-bnedmin li qed joħonqu l-verità b’mod inġust.” (Rum. 1:18) Il-korla taʼ Ġeħova se tiġi rivelata mis-sema permezz t’Ibnu fi żmien it-“tribulazzjoni l-kbira.” (Riv. 7:14) Dan se jkun “prova tal-ġudizzju ġust t’Alla,” bħalma spjega Pawlu f’ittra ispirata oħra tiegħu: “Dan hu fi qbil mal-fatt li hu ġust min-naħa t’Alla li jpatti bi tribulazzjoni lil dawk li jaqilgħulkom it-tribulazzjoni, imma lilkom li ssofru t-tribulazzjoni, serħan flimkien magħna fir-rivelazzjoni tal-Mulej Ġesù mis-sema maʼ l-anġli setgħanin tiegħu f’nar iħeġġeġ, hekk kif iġib vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù.”—2 Tess. 1:5-8.
Nirbħu l-Ħażen bit-Tajjeb
13, 14. (a) Għala ma nissorprendux ruħna meta niġu wiċċ imb wiċċ mal-oppożizzjoni? (b) Kif nistgħu nbierku lil dawk li jippersegwitawna?
13 Aqra Rumani 12:14, 21. Fiduċjużi għall-aħħar li Ġeħova se jwettaq l-iskopijiet tiegħu, aħna nistgħu nikkonċentraw l-isforzi kollha tagħna fuq ix-xogħol li tana biex nagħmlu—li nippritkaw “fl-art abitata kollha” l-“aħbar tajba tas-saltna.” (Mt. 24:14) Aħna nafu li din l-attività Kristjana se tqanqal ir-rabja tal-għedewwa tagħna, għax Ġesù wissiena: “Tkunu mibgħudin mill-ġnus kollha minħabba ismi.” (Mt. 24:9) Għaldaqstant, ma nissorprendux ruħna jew inħossuna skuraġġiti meta niġu wiċċ imb wiċċ mal-oppożizzjoni. L-appostlu Pietru kiteb: “Maħbubin, titħawdux minħabba n-nar li qed jaqbad fostkom u li qed isirilkom bħala prova, bħallikieku qed tiġrilkom xi ħaġa stramba. Għall-kuntrarju, ibqgħu thennew għax qed tieħdu sehem fis-sofferenzi tal-Kristu.”—1 Pt. 4:12, 13.
14 Minflok ma nobogħdu lil dawk li jippersegwitawna, aħna nipprovaw ngħallmuhom, billi nirrikonoxxu li xi wħud minnhom forsi qed jaġixxu hekk minħabba l-injoranza. (2 Kor. 4:4) Aħna nistinkaw biex insegwu l-parir taʼ Pawlu: “Ibqgħu bierku lil dawk li jippersegwitawkom; bierku u tisħtux.” (Rum. 12:14) Mod wieħed kif inbierku lil dawk li jopponu hu billi nitolbu għalihom. Fil-Prietka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil dawk li jobogħdukom, bierku lil dawk li jisħtukom, itolbu għal dawk li qed jinsultawkom.” (Lq. 6:27, 28) L-appostlu Pawlu kien jaf mill-esperjenza tiegħu stess li persekutur jistaʼ jsir dixxiplu leali taʼ Kristu u qaddej żeluż taʼ Ġeħova. (Gal. 1:13-16, 23) F’ittra oħra, Pawlu stqarr: “Meta jgħajruna, inbierku; meta jippersegwitawna, nissaportu; meta jimmalafamawna, nitolbu bil-ħrara.”—1 Kor. 4:12, 13.
15. X’inhu l-aqwa mod biex nirbħu l-ħażen bit-tajjeb?
15 Fi qbil maʼ dan, Kristjan veru jobdi dak li hemm miktub fl-aħħar vers taʼ Rumani kapitlu 12: “Tħallix il-ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.” Is-sors tal-ħażen kollu hu Satana x-Xitan. (Ġw. 8:44; 1 Ġw. 5:19) Fir-rivelazzjoni mogħtija lill-appostlu Ġwanni, Ġesù rrivela li ħutu l-midlukin kienu “rebħulu [lil Satana] minħabba d-demm tal-Ħaruf u minħabba l-kelma li xehdu dwarha.” (Riv. 12:11) Dan juri li l-aqwa mod biex nirbħu lil Satana u l-influwenza mill-agħar li qed jeżerċita fuq is-sistema preżenti hu billi nagħmlu t-tajjeb permezz tax-xogħol tal-ippritkar tagħna, billi nxandru l-aħbar tajba tas-Saltna.
Nifirħu bit-Tama
16, 17. Rumani kapitlu 12 x’għallimna dwar (a) kif għandna nużaw ħajjitna? (b) kif għandna naġixxu fil-kongregazzjoni? (ċ) kif għandna nittrattaw lil dawk li jopponu t-twemmin tagħna?
16 Il-konsiderazzjoni qasira tagħna taʼ kapitlu 12 tal-ittra taʼ Pawlu lill-Kristjani f’Ruma fakkritna f’ħafna affarijiet. Tgħallimna li bħala qaddejja dedikati taʼ Ġeħova, għandna nkunu lesti nagħmlu sagrifiċċji. Imqanqlin mill-ispirtu t’Alla, nistgħu nagħmlu sagrifiċċji minn jeddna għaliex il-qawwa tar-raġuni tagħna kkonvinċietna li din hi r-rieda t’Alla. Aħna mħeġġin bl-ispirtu u nużaw l-għotjiet differenti tagħna biż-żelu. Aħna naqdu bl-umiltà u l-modestja, billi nagħmlu l-almu tagħna biex nippreservaw l-unità Kristjana tagħna. Aħna dejjem nuru l-ospitalità u nuru li ġenwinament inħossu għal xulxin.
17 Rumani kapitlu 12 jagħtina wkoll ħafna pariri dwar kif għandna nirreaġixxu għall-oppożizzjoni. M’għandniex nirritaljaw. Għandna nipprovaw negħlbu l-oppożizzjoni b’għemejjel taʼ qalb tajba. Jekk inhu possibbli, mingħajr ma niksru l-prinċipji Bibliċi, għandna nistinkaw biex ngħixu fil-paċi mal-bnedmin kollha. Dan japplika fiċ-ċirku tal-familja, fil-kongregazzjoni, mal-ġirien, fuq ix-xogħol, fl-iskola, u fil-ministeru pubbliku tagħna. Anki meta niffaċċjaw ostilità diretta, nagħmlu l-almu tagħna biex nirbħu l-ħażen bit-tajjeb, billi niftakru li l-vendetta hi taʼ Ġeħova.
18. Liema tliet pariri jingħataw f’Rumani 12:12?
18 Aqra Rumani 12:12. Minbarra dawn il-pariri għaqlin u prattiċi kollha, Pawlu jagħti tliet twissijiet. Ladarba ma nistgħux nagħmlu dan kollu mingħajr l-għajnuna taʼ Ġeħova, l-appostlu jagħtina l-parir biex ‘nipperseveraw fit-talb.’ Dan se jgħinna biex insegwu parir ieħor li jagħtina, biex ‘nissaportu fit-tribulazzjoni.’ Finalment, irridu nżommu moħħna ffokat fuq il-futur li Ġeħova għandu maħżun għalina u ‘nithennew bit-tama’ taʼ ħajja taʼ dejjem, kemm jekk fis-sema u kemm jekk fuq l-art.
Bħala Reviżjoni
• Kif għandna nirreaġixxu għall-oppożizzjoni?
• F’liema aspetti għandna nipprovaw inġibu l-paċi, u kif?
• Għala m’għandniex infittxu li nivvendikaw ruħna?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 8]
Għajnuna prattika li nagħtu lill-ġirien tagħna tistaʼ tgħin biex jingħeleb xi preġudizzju
[Stampa f’paġna 9]
Tistinka int biex iġġib il-paċi fil-kongregazzjoni?