Dawwar Għajnejk lil Hinn Minn Dak li Hu Bla Siwi!
Dawwar Għajnejk lil Hinn Minn Dak li Hu Bla Siwi!
“Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi; żommni ħaj fi triqtek.”—SALM 119:37.
1. Kemm hi importanti l-għotja tal-vista?
KEMM hi prezzjuża l-vista tagħna! Permezz tagħha nistgħu nagħrfu mill-ewwel x’hemm madwarna—bid-dettall u bil-kulur. Il-vista tagħna tgħinna naraw ħbieb maħbubin jew perikli mhux mixtiqin. Permezz tagħha naraw is-sbuħija, napprezzaw il-meravilji tal-ħolqien, u naraw evidenza tal-eżistenza u l-glorja t’Alla. (Salm 8:3, 4; 19:1, 2; 104:24; Rum. 1:20) U bħala mezz taʼ komunikazzjoni importanti ħafna għall-moħħ, il-vista għandha rwol kbir f’li niksbu għarfien dwar Ġeħova u f’li nibnu l-fidi fih.—Ġoż. 1:8; Salm 1:2, 3.
2. Għala għandna nkunu konċernati dwar dak li naraw, u x’nistgħu nitgħallmu mit-talba bil-ħrara tas-salmista?
2 Madankollu, dak li nħarsu lejh jistaʼ jkun ukoll taʼ ħsara għalina. Ir-rabta bejn il-vista u l-moħħ tagħna tant hi b’saħħitha li dak li naraw b’għajnejna jistaʼ jagħti bidu għal ambizzjonijiet u xewqat f’qalbna jew jistaʼ jintensifikahom. U peress li ngħixu f’dinja maħkuma minn Satana x-Xitan li hi baxxa moralment u tissodisfa lilha nfisha, aħna niġu bombardjati bi stampi u propaganda li faċilment jistgħu jiżvijawna—anki jekk nagħtuhom biss daqqa t’għajn. (1 Ġw. 5:19) Mela mhux taʼ b’xejn li s-salmista talab bil-ħrara lil Alla: “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi; żommni ħaj fi triqtek.”—Salm 119:37.
Kif Għajnejna Jistgħu Jiżvijawna
3-5. Liema rakkonti Bibliċi juru l-periklu taʼ li nħallu lil għajnejna jħajruna?
3 Ikkunsidra dak li ġara lil Eva, l-ewwel mara. Satana ssuġġerixxa li għajnejha kienu se “jinfetħu” jekk hi tiekol mill-frott tas-“siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin.” Il-ħsieb li ‘jinfetħulha’ għajnejha bilfors li qajmilha l-kurżità lil Eva. L-interess tagħha f’li tiekol il-frott projbit kiber iktar meta “rat li l-frott tas-siġra kien tajjeb għall-ikel u li kien jiġbed l-għajn, iva, il-frott tas-siġra kien taʼ min jixtiequ.” Eva waslet biex tkun diżubbidjenti għall-kmand t’Alla minħabba li ħarset lejn is-siġra b’xenqa. Adam, ir-raġel tagħha, ukoll kien diżubbidjenti, u dan ġab konsegwenzi diżastrużi fuq il-bnedmin kollha.—Ġen. 2:17; 3:2-6; Rum. 5:12; Ġak. 1:14, 15.
4 Fi żmien Noè, xi anġli wkoll ġew influwenzati minn dak li raw. Ġenesi 6:2 jirreferi għalihom billi jgħid: “Ulied l-Alla l-veru bdew jinnotaw li l-bniet tal-bnedmin kienu sbieħ; u ħadu nisa għalihom, jiġifieri, lil dawk kollha li għoġbuhom.” Il-fatt li ħarsu b’xenqa bla rażan lejn il-bniet tal-bnedmin qanqal fl-anġli ribellużi xewqa mhix naturali għal relazzjonijiet sesswali mal-bnedmin, u dawn l-anġli kellhom tfal vjolenti. Il-ħażen tal-bnedmin dak iż-żmien wassal għall-qerda tal-umanità kollha, minbarra Noè u familtu.—Ġen. 6:4-7, 11, 12.
5 Sekli wara, għajnejn l-Israeli Għakan ħajruh biex jisraq xi oġġetti mill-belt maqbuda taʼ Ġeriko. Alla kien ikkmanda li l-affarijiet kollha f’dik il-belt kellhom jiġu meqrudin minbarra ċerti affarijiet li kellhom jingħataw lit-teżor taʼ Ġeħova. L-Israelin ġew imwissijin: “Żommu ’l bogħod mill-ħaġa dedikata għall-qerda, li ma tmurx tiġikom xewqa” u tieħdu xi oġġetti mill-belt. Meta Għakan m’obdiex, il-poplu taʼ Israel sofra telfa fil-belt taʼ Għaj, u għadd minnhom mietu. Għakan m’ammettiex li seraq sakemm inkixef. “Meta rajt” l-oġġetti, qal Għakan, “ridthom, u ħadthom.” Ix-xewqa taʼ għajnejh wasslet għall-qerda tiegħu, flimkien maʼ “kull ħaġa li kienet tiegħu.” (Ġoż. 6:18, 19; 7:1-26) Għakan f’qalbu xxennaq għal dak li kien projbit għalih.
Il-Bżonn li Niddixxiplinaw Lilna Nfusna
6, 7. Liema wieħed mill-“pjanijiet” taʼ Satana spiss jintuża biex idaħħalna f’nassa, u dawk li jirreklamaw kummerċjalment kif jużawh?
6 L-umanità llum tiġi mħajra b’mod li hu simili għal dak li ntuża fil-każ taʼ Eva, l-anġli diżubbidjenti, u Għakan. Mill-“pjanijiet” kollha li juża Satana biex jiżvija lill-umanità, l-appell għax-“xewqa taʼ l-għajnejn” huwa qawwi ħafna. (2 Kor. 2:11; 1 Ġw. 2:16) Dawk li jirreklamaw kummerċjalment fi żmienna jafu sew li n-nies minn dejjem ġew effettwati minn dak li jaraw. “Il-vista hi l-iktar sens seduċenti,” jgħid espert ewlieni fl-irreklamar fl-Ewropa. “Spiss tegħleb lis-sensi l-oħrajn, u għandha l-qawwa li tipperswadina kontra kull loġika.”
7 Mhux taʼ b’xejn li dawk li jirreklamaw jibbombardjawna bi stampi li huma disinjati b’mod għaqli biex jagħmlu l-akbar impatt viżwali u jqanqlu xewqa għall-prodotti jew is-servizzi tagħhom! Riċerkatur fl-Istati Uniti li studja kif l-irreklamar jinfluwenza lin-nies qal li l-irreklamar hu “disinjat mhux biss biex jgħaddi informazzjoni lill-moħħ, imma iktar importanti, biex jipproduċi emozzjonijiet u azzjonijiet partikulari f’dak li jkun.” Stampi sesswali provokattivi huma forma waħda li spiss tintuża. Għalhekk, kemm hu importanti li nikkontrollaw dak li nħarsu lejh u dak li nħallu jidħol fil-moħħ u fil-qalb tagħna!
8. Il-bżonn li ngħassu lil għajnejna kif inhu enfasizzat fil-Bibbja?
8 Il-Kristjani veri wkoll jiġu effettwati mix-xewqat tal-għajnejn u tal-laħam. Għalhekk, il-Kelma t’Alla tinkuraġġina biex neżerċitaw id-dixxiplina fuqna nfusna b’konnessjoni maʼ dak li nħarsu lejh u nixxennqu għalih. (1 Kor. 9:25, 27; aqra l-1 Ġwanni 2:15-17.) Ir-raġel rett Ġob kien wieħed li għaraf ir-rabta soda li hemm bejn li tara u li tixxennaq. Hu qal: “Patt m’għajnejja għamilt. Għalhekk, kif nistaʼ nkun moħħni f’xi verġni?” (Ġob 31:1) Ġob mhux talli rrifjuta li jmiss mara b’mod immorali, imma lanqas biss ħalla lil moħħu jaħseb dwar dan. Ġesù enfasizza li l-moħħ irid jinżamm nadif minn ħsibijiet immorali meta qal: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.”—Mt. 5:28.
Affarijiet Bla Siwi li Għandna Nevitaw
9. (a) Għala għandna noqogħdu b’sebaʼ għajnejn partikolarment meta nużaw l-Internet? (b) X’jistaʼ jirriżulta minn saħansitra ħarsa fuq fuq lejn il-pornografija?
9 Fid-dinja tal-lum, sar iktar u iktar komuni li dak li jkun “jibqaʼ jħares” lejn il-pornografija, partikolarment fuq l-Internet. M’għandniex għalfejn infittxu siti bħal dawn—dawn ifittxu lilna! B’liema mod? Reklam bi stampa li tħajrek jistaʼ jitlaʼ f’daqqa waħda fuq l-iskrin tal-kompjuter taʼ dak li jkun. Jew e-mail li tidher innoċenti, ladarba tiftaħha, tistaʼ f’daqqa waħda tinbidel fi stampa pornografika disinjata b’tali mod li jkun diffiċli tagħlaqha. Anki jekk individwu bilkemm jilħaq jaraha qabel ma jħassarha, l-istampa tkun diġà għamlet impressjoni fuq moħħu. Sempliċi ħarsa fuq fuq lejn il-pornografija jistaʼ jkollha konsegwenzi taʼ niket. Tistaʼ tħalli lil dak li jkun b’kuxjenza ħatja u b’taqbida biex iħassar xeni immorali minn moħħu. Agħar minn hekk, xi ħadd li “jibqaʼ jħares” apposta jkollu bżonn imewwet ix-xewqat illeċiti tiegħu.—Aqra Efesin 5:3, 4, 12; Kol. 3:5, 6.
10. It-tfal għala huma vulnerabbli b’mod speċjali għall-pornografija, u x’riżultati jistaʼ jkun hemm jekk jarawha?
10 It-tfal jistgħu jinġibdu lejn il-pornografija minħabba l-kurżità naturali tagħhom. Jekk dan jiġri, jistaʼ jkollu effetti dejjiema fuq il-ħarsa tagħhom lejn is-sesswalità. Dawn l-effetti, jgħid rapport wieħed, jistgħu jvarjaw minn sens mgħawweġ taʼ dak li hu normali sesswalment għal “diffikultà biex iżommu relazzjoni f’saħħitha u kollha mħabba; ħarsa mhix realistika lejn in-nisa; u possibbilment li jiddependu mill-pornografija, u dan jistaʼ jfixkel ix-xogħol tal-iskola, il-ħbiberiji, u r-relazzjonijiet tal-familja.” Saħansitra iktar devastanti jistgħu jkunu l-effetti li jkun hemm f’relazzjoni taʼ żwieġ iktar tard.
11. Agħti eżempju biex turi l-periklu taʼ li tħares lejn il-pornografija.
11 “Mill-vizzji kollha li kelli qabel ma sirt Xhud, il-pornografija kienet bil-wisq l-iktar wieħed diffiċli biex naqtaʼ,” kiteb ħu Kristjan. “Għadni nara dawn l-istampi f’ħinijiet strambi—provokati minn riħa mhix partikulari, xi mużika, xi ħaġa li nara, jew saħansitra mill-iċken ħsieb li jiġi f’moħħi. Hija taqbida taʼ kuljum u kontinwa.” Meta kien tifel, ħu ieħor kien ħares lejn ir-rivisti pornografiċi taʼ missieru, li ma kienx fil-verità, meta l-ġenituri tiegħu ma kinux id-dar. Hu kiteb: “X’effett orribbli kellhom dawk l-istampi fuq il-moħħ taʼ tifel li kont! Anki issa, 25 sena wara, xi wħud minn dawk l-istampi għadhom imnaqqxin f’moħħi. Niġġieled kemm niġġieled, għadhom hemm. Dan iġegħelni nħossni ħati avolja ma noqgħodx naħseb dwarhom.” Kemm ikun għaqli li tevita li jkollok sentimenti taʼ toqol billi ma tħarisx lejn affarijiet bla siwi bħal dawn! Individwu kif jistaʼ jagħmel dan? Għandu bżonn jistinka ħalli ‘ijassar kull ħsieb biex jagħmlu ubbidjenti lejn il-Kristu.’—2 Kor. 10:5.
12, 13. Il-Kristjani liema affarijiet bla siwi għandhom jevitaw li jaraw, u għala?
12 Xi ħaġa oħra li “m’hi tajba għal xejn,” jew bla siwi, u li għandna nevitawha hi d-divertiment li jippromwovi l-materjaliżmu jew l-okkult jew li jkun fih vjolenza, tixrid taʼ demm, u mewt. (Aqra Salm 101:3.) Il-ġenituri Kristjani għandhom ir-responsabbiltà quddiem Ġeħova biex ikunu selettivi f’dak li huma u wliedhom jistgħu jaraw f’darhom. M’għandniex xi ngħidu, ebda Kristjan veru ma se jinvolvi ruħu apposta fl-ispiritiżmu. Xorta waħda, il-ġenituri jridu jkunu konxji dwar films, serjiet tat-televixin, logħob tal-kompjuter, u saħansitra komiks u kotba tat-tfal li jenfasizzaw prattiki sopranaturali.—Prov. 22:5.
13 Kemm jekk aħna kbar u kemm jekk aħna żgħar, għajnejna m’għandhom isibu ebda gost f’logħob tal-kompjuter li fih il-vjolenza u li jpinġi l-qtil b’mod imdemmi u reali. (Aqra Salm 11:5.) Irridu nirrifjutaw li nħallu lil moħħna jiffoka fuq kwalunkwe attività li Ġeħova jikkundanna. Ftakar, Satana qed jimmira lejn il-ħsibijiet tagħna. (2 Kor. 11:3) Anki jekk inqattgħu ħafna ħin naraw divertiment li forsi jitqies bħala li hu aċċettabbli, dan jistaʼ jisirqilna l-ħin mill-qima tal-familja, il-qari tal-Bibbja kuljum, u l-preparazzjoni tagħna għal-laqgħat.—Flp. 1:9, 10.
Segwi l-Eżempju taʼ Ġesù
14, 15. X’kien hemm taʼ min jinnotah fit-tielet tentazzjoni li Satana għamel lil Kristu, u Ġesù kif setaʼ jirreżistiha?
14 B’dispjaċir, ma nistgħux nevitaw li naraw xi affarijiet bla siwi f’din id-dinja mill-agħar. Anki Ġesù kellu jara affarijiet bħal dawn bla ma ried. Fit-tielet attentat taʼ Satana biex iwaqqaf lil Ġesù milli jagħmel ir-rieda t’Alla, “ix-Xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, u wrieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom.” (Mt. 4:8) Satana għala għamel hekk? Bla dubju, ried jipprofitta ruħu mill-influwenza qawwija tal-għajn. Il-fatt li ra l-ġmiel tas-saltniet kollha tad-dinja setaʼ ħajjar lil Ġesù biex iċedi għal xewqa għall-prominenza dinjija. Ġesù kif irreaġixxa?
15 Ġesù ma ffokax fuq din l-offerta attraenti. Ma ħalliex xewqat ħżiena jidħlu f’qalbu. Hu ma kellux għalfejn joqgħod jaħseb dwar l-offerta tax-Xitan biex jiċħadha. Ġesù rreaġixxa minnufih. “Mur ’l hemm, Satana!” hu kkmanda. (Mt. 4:10) Ġesù baqaʼ ffokat fuq ir-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova u wieġeb fi qbil mal-iskop tiegħu fil-ħajja—dak li jagħmel ir-rieda t’Alla. (Ebr. 10:7) Minħabba f’hekk, Ġesù b’suċċess ġab fix-xejn il-pjan makakk taʼ Satana.
16. Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġesù taʼ li rreżista t-tentazzjonijiet taʼ Satana?
16 Nistgħu nitgħallmu ħafna mill-eżempju taʼ Ġesù. L-ewwel, kulħadd jistaʼ jiġi effettwat mit-tattiki taʼ Satana. (Mt. 24:24) It-tieni, dak li niffokaw għajnejna fuqu jistaʼ jsaħħaħ ix-xewqat taʼ qalbna, għat-tajjeb jew għall-ħażin. It-tielet, Satana se jipprofitta ruħu kemm jistaʼ mix-“xewqa taʼ l-għajnejn” fl-attentati tiegħu biex jiżvijana. (1 Pt. 5:8) U r-rabaʼ, aħna wkoll nistgħu nopponu lil Satana, speċjalment jekk naġixxu bla dewmien.—Ġak. 4:7; 1 Pt. 2:21.
Żomm Għajnek “Sempliċi”
17. Għala mhuwiex għaqli li nistennew sakemm niġu wiċċ imb wiċċ maʼ xi ħaġa bla siwi qabel ma niddeċiedu x’se nagħmlu?
17 Id-dedikazzjoni tagħna lil Ġeħova tinkludi wegħda solenni biex induru lil hinn minn dak li hu bla siwi. Meta nwiegħdu li nagħmlu r-rieda t’Alla, ningħaqdu mas-salmista li qal: “Saqajja żammejthom lura minn kull mogħdija ħażina, bl-iskop li nkun nistaʼ nżomm ma’ kelmtek.” (Salm 119:101) Ma jkunx għaqli li nistennew sakemm niġu wiċċ imb wiċċ ma’ xi ħaġa bla siwi qabel ma niddeċiedu x’se nagħmlu. Kwistjonijiet li l-Iskrittura tikkundanna ntgħamlu ċari għalina. Il-pjanijiet taʼ Satana nafuhom. Ġesù meta ġie ttantat biex ibiddel il-ġebel f’ħobż? Wara li kien sam għal 40 jum u lejl u “qabdu l-ġuħ.” (Mt. 4:1-4) Satana jistaʼ jagħraf meta aħna nkunu dgħajfin u meta jkun hemm probabbiltà akbar li nċedu għat-tentazzjoni. B’hekk, issa hu ż-żmien li nikkunsidraw bir-reqqa dawn il-kwistjonijiet. Titnikkirx! Jekk jum wara jum inżommu f’moħħna l-wegħda tad-dedikazzjoni tagħna lil Ġeħova, se nkunu determinati b’mod sod biex induru lil hinn minn dak li hu bla siwi.—Prov. 1:5; 19:20.
18, 19. (a) Agħmel kuntrast bejn għajn “sempliċi” u għajn li hi “mill-agħar.” (b) Għala huwa importanti li nibqgħu nikkunsidraw dak li hu taʼ valur, u Filippin 4:8 x’parir jagħti f’dan ir-rigward?
18 Kuljum niffaċċjaw varjetà kbira taʼ aljenazzjonijiet li jolqtu l-għajn, u l-għadd tagħhom dejjem jikber. Għalhekk, nistgħu napprezzaw iktar u iktar it-twissija taʼ Ġesù biex inżommu għajn “sempliċi.” (Mt. 6:22, 23) Għajn “sempliċi” hija ffokata għalkollox fuq skop wieħed—dak li tagħmel ir-rieda t’Alla. B’kuntrast, għajn “mill-agħar” hi qarrieqa, għajjura, u tinġibed lejn affarijiet li huma bla siwi.
19 Ftakar, għajnejna jeffettwaw lil moħħna u moħħna jeffettwa lil qalbna. Għalhekk, kemm hu importanti li nibqgħu nikkunsidraw dak li hu taʼ valur. (Aqra Filippin 4:8.) Tabilħaqq, jalla nkomplu nidwu t-talba tas-salmista: “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi.” Imbagħad, hekk kif nistinkaw biex naġixxu fi qbil maʼ din it-talba, nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se ‘jżommna ħajjin fi triqtu.’—Salm 119:37; Ebr. 10:36.
X’Għandna Niftakru Dwar . . .
• il-konnessjoni bejn għajnejna, moħħna, u qalbna?
• il-perikli tal-pornografija?
• l-importanza li nżommu għajn “sempliċi”?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 23]
Il-Kristjani liema affarijiet bla siwi għandhom jevitaw li jaraw?