Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ilna Ħbieb 60 Sena u Għadu Biss il-Bidu

Ilna Ħbieb 60 Sena u Għadu Biss il-Bidu

Bijografija

Lejla waħda, fis-​sajf tal-​1951, erbaʼ ġuvintur taʼ ftit iktar minn 20 sena kienu qed iċemplu minn erbaʼ telefowns pubbliċi ħdejn xulxin f’Ithaca, New York, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. It-​telefonati kienu lejn postijiet ’il bogħod—Michigan, Iowa, u Kalifornja. Kienu eċċitati għax kellhom aħbar tajba x’jaqsmu maʼ ħaddieħor!

FI FRAR taʼ dik is-​sena, 122 pijunier waslu fʼSouth Lansing, New York, biex jattendu s-​17-​il klassi tal-​Iskola taʼ Gilegħad. Fost il-​missjunarji prospettivi kien hemm Lowell Turner, William (Bill) Kasten, Richard Kelsey, u Ramon Templeton. Lowell u Bill kienu minn Michigan, Richard minn Iowa, u Ramon minn Kalifornja. Ma damux ma saru ħbieb tal-​qalb.

Madwar ħames xhur wara, kulħadd kien eċċitat ferm meta tħabbar li Ħuna Nathan Knorr mill-​kwartieri ġenerali kien ġej biex ikellem lill-​istudenti. L-​erbaʼ aħwa rġiel kienu wrew ix-​xewqa tagħhom li jaqdu flimkien fl-​istess pajjiż—jekk possibbli. Issa kien se jkollhom iktar informazzjoni dwar l-​inkarigi tagħhom bħala missjunarji f’pajjiż ieħor.

Waqt li Ħuna Knorr kien qed ikellem lill-​klassi kollha, l-​antiċipazzjoni żdiedet xħin beda jħabbar l-​inkarigi tagħhom f’pajjiżi barranin. L-​ewwel uħud li ssejħu biex jitilgħu fuq il-​platform kienu dawn l-​erbaʼ żgħażagħ li kienu fuq ix-​xwiek imma li kellhom moħħhom mistrieħ għax fl-​aħħar saru jafu li setgħu jibqgħu flimkien! Imma fejn kienu sejrin? Sħabhom tal-​klassi baqgħu b’ħalqhom miftuħ u bdew iċapċpu bla heda meta ġie mħabbar li kienu se jintbagħtu l-​Ġermanja.

Kullimkien, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu baqgħu mistagħġbin bil-​lealtà li wrew ix-​Xhieda fil-​Ġermanja mill-​1933 ’il quddiem taħt ir-​reġim taʼ Hitler. Ħafna studenti kienu għadhom jiftakru t-​tħejjija tal-​ħwejjeġ u tal-​pakketti tal-​CARE li kienu jintbagħtu lil ħuthom fl-​Ewropa wara t-​Tieni Gwerra Dinjija. In-​nies t’Alla fil-​Ġermanja kienu eżempji li jispikkaw taʼ fidi, determinazzjoni, kuraġġ, u fiduċja f’Ġeħova. Lowell jiftakar f’meta bejnu u bejn ruħu qal, ‘Issa se nsiru nafu proprju lil dawn l-​aħwa għeżież personalment.’ Mhux taʼ b’xejn kulħadd kien eċċitat u saru dawk it-​telefonati dakinhar filgħaxija!

FI TRIQITHOM LEJN IL-​ĠERMANJA

Fis-​27 taʼ Lulju tal-​1951, il-​vapur Homeland li jaħdem bl-​istim ħareġ mill-​baċir tiegħu f’East River, fi New York, u l-​erbat iħbieb irħewlha fuq vjaġġ taʼ 11-​il ġurnata lejn il-​Ġermanja. Ħuna Albert Schroeder, wieħed mill-​għalliema tagħhom taʼ Gilegħad li mbagħad sar membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, kien għallimhom l-​ewwel sentenzi bil-​Ġermaniż. Issa li kien hemm diversi passiġġieri Ġermaniżi abbord, forsi setgħu jitgħallmu iktar. Imma mid-​dehra, il-​passiġġieri kienu jitkellmu bi djaletti differenti tal-​Ġermaniż. Kien hemm Babilonja sħiħa!

It-​Tlieta filgħodu, fis-​7 t’Awwissu, wara li kienu sofrew minn taqlib tal-​istonku minħabba l-​baħar, l-​aħwa finalment rifsu l-​art Ġermaniża f’Hamburg. Kull fejn dawru wiċċhom raw il-​ħerba li ħalliet warajha l-​gwerra li kienet ilha sitt snin biss li spiċċat. Qalbhom sewda b’dak li raw, irħewlha fuq vjaġġ bil-​ferrovija bil-​lejl lejn Wiesbaden, fejn dak iż-​żmien kien hemm l-​uffiċċju tal-​fergħa.

Kmieni l-​Erbgħa filgħodu ltaqgħu proprju mal-​ewwel Xhud fil-​Ġermanja b’isem tipikament Ġermaniż! Hans wassalhom bil-​karozza mill-​istazzjon tal-​ferrovija sal-​Betel, fejn ħalliehom f’idejn oħt imdaħħla fiż-​żmien li ma kinitx titkellem bl-​Ingliż. Madankollu, mid-​dehra din kienet tal-​fehma li l-​ostakli minħabba l-​lingwa setgħu jingħelbu sempliċement billi wieħed jgħajjat iktar. Imma minkejja li l-​volum taʼ leħinha baqaʼ dejjem jogħla, kemm hi u kemm l-​erbaʼ aħwa bdew iħossuhom iktar u iktar frustrati. Fl-​aħħar feġġ Ħuna Erich Frost, il-​qaddej tal-​fergħa, li laqagħhom mill-​qalb u kellimhom bl-​Ingliż. L-​affarijiet kienu sejrin għall-​aħjar.

Lejn l-​aħħar t’Awwissu, l-​erbaʼ aħwa attendew l-​ewwel konvenzjoni tagħhom bil-​Ġermaniż, l-​Assemblea “Qima Nadifa” fi Frankfurt am Main. L-​attendenza laħqet quċċata taʼ 47,432 ruħ u l-​fatt li tgħammdu 2,373 ruħ ġedded iż-​żelu taż-​żgħażagħ bħala missjunarji u reġaʼ kebbsilhom ix-​xewqa li jippritkaw. Imma ftit ġranet wara, Ħuna Knorr qalilhom li kellhom jibqgħu f’Betel u jiġu inkarigati biex jaħdmu hemmhekk.

Peress li fil-​fond taʼ qalbu kellu x-​xewqa li jkun fix-​xogħol missjunarju, Ramon darba minnhom irrifjuta l-​opportunità li jmur jaqdi f’Betel tal-​Istati Uniti. La Richard u lanqas Bill ma kienu xeħtu ħsibijiethom fuq is-​servizz f’Betel. Iżda l-​ferħ li esperjenzaw fl-​inkarigu tagħhom ikkonvinċiehom bis-​sħiħ li Ġeħova dejjem ikun jaf x’inhu l-​aħjar. Mela kemm ikun għaqli li nistrieħu fuq id-​direzzjoni tiegħu minflok fuq ix-​xewqat personali tagħna! Kull min tgħallem din il-​lezzjoni jkun ferħan jaqdi lil Ġeħova fi kwalunkwe post u fi kwalunkwe inkarigu li jingħata.

VERBOTEN!

Ħafna wħud fil-​familja Betel tal-​Ġermanja kienu ferħanin li fosthom kellhom l-​Amerikani maʼ min setgħu jipprattikaw l-​Ingliż. Imma din kienet ferħa bla temma minħabba dak li ġara darba minnhom fil-​kamra tal-​ikel. Ħuna Frost, li kien bniedem entużjast di natura, beda jitkellem bil-​Ġermaniż dwar xi ħaġa li milli jidher kienet pjuttost serja. Ħafna mill-​membri tal-​familja baqgħu ssummati u b’għajnejhom imsammrin fuq il-​platt tagħhom. Għalkemm l-​erbaʼ żgħażagħ ma setgħux jifhmu x’kien qed jingħad, ftit ftit bdew jirrealizzaw li din il-​kwistjoni kienet tikkonċerna lilhom. Għalhekk, meta b’leħen jidwi Ħuna Frost qal, “VERBOTEN!” (“Projbit!”) u rripeta l-​kelma b’iktar volum biex jagħmel enfasi, bdew iħossuhom skomdi. X’kienu għamlu biex jikkaġunaw din l-​għagħa kollha?

Wara l-​ikel, kulħadd dabbar rasu u daħal f’kamartu. Imbagħad kien hemm ħu li spjegalna: “Jekk tridu tgħinuna, jeħtieġ tkunu tafu titkellmu bil-​Ġermaniż. Huwa għalhekk li Ħuna Frost qal li sakemm tkunu tgħallimtu l-​lingwa, huwa VERBOTEN li nitkellmu magħkom bl-​Ingliż.”

Il-​membri tal-​familja Betel obdew fil-​pront. Permezz taʼ dan, l-​erbaʼ żgħażagħ mhux biss tgħallmu l-​Ġermaniż iżda tgħallmu wkoll li parir li jingħata bi mħabba minn xi ħu, anke jekk għall-​ewwel ikun iebes biex napplikawh, spiss ikun għall-​ġid tagħna stess. Il-​parir taʼ Ħuna Frost irrifletta kemm kellu għal qalbu l-​interessi tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova u kemm kellu mħabba għal ħutu. a Mhux taʼ b’xejn li l-​erbgħa li huma saru jħobbuh!

NITGĦALLMU MINN ĦBIEBNA

Minn ħbieb li jkollhom il-​biżaʼ t’Alla nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet taʼ valur li jgħinuna nsiru ħbieb aħjar taʼ Ġeħova. Minn aħwa Ġermaniżi leali—li tant hemm li ma tistax issemmihom b’isimhom—l-​erbaʼ żgħażagħ tgħallmu ħafna. Iżda tgħallmu wkoll minn xulxin. Richard jispjega: “Lowell kien iġaħġaħ xi ħaġa bil-​Ġermaniż u kien tajjeb fih, imma aħna konna nbatu bil-​lingwa. Peress li hu kien ukoll l-​ikbar wieħed mill-​grupp tagħna, awtomatikament sar il-​wieħed lejn min konna nduru fejn tidħol il-​lingwa u f’li jieħu t-​tmexxija.” Ramon jiftakar u jgħid: “Kont se ntir bil-​ferħ meta ħu Svizzeru offrielna li nużaw id-​dar tiegħu fil-​muntanji tal-​Isvizzera biex fiha nqattgħu l-​ewwel btala tagħna wara li konna ilna sena l-​Ġermanja! Ġimagħtejn waħedna mingħajr ma nissieltu biex nitkellmu bil-​Ġermaniż! Imma ma qgħadtx inqis x’kien se jagħmel Lowell. Hu insista li naqraw u niddiskutu l-​iskrittura tal-​jum kull filgħodu—bil-​Ġermaniż! Sfortunatament, għaddiet tiegħu. Iżda tgħallimna lezzjoni siewja. Ismaʼ minn dawk li jixtiqulek il-​ġid minn qalbhom, anki meta kultant ma tkunx taqbel. Mal-​medda tas-​snin, din l-​attitudni switilna taʼ ġid u għamlithielna faċli biex nissottomettu ruħna lejn id-​direzzjoni teokratika.”

L-​erbat iħbieb tgħallmu wkoll japprezzaw il-​kwalitajiet sbieħ taʼ xulxin, bħalma jgħid Filippin 2:3: “B’umiltà [qisu] lill-​oħrajn superjuri għalikom.” Għalhekk, l-​oħrajn spiss kienu jitolbu lil Bill jagħmel xi biċċa xogħol li t-​tlieta li huma jkunu jaqblu li hu kien kapaċi iktar minnhom biex jagħmilha. Lowell jiftakar u jgħid: “Meta kien ikun hemm bżonn li jittieħdu xi passi importanti jew mhux daqshekk pjaċevoli biex jitranġaw xi kwistjonijiet diffiċli, konna nduru lejn Bill. Hu kien kapaċi jieħu ħsieb sitwazzjonijiet xejn pjaċevoli kif ilkoll kemm aħna nkunu qbilna li għandna nieħdu ħsiebhom iżda li b’xi mod ma kellniex il-​kuraġġ jew il-​ħila li nagħmlu dan.”

ŻWIĠIJIET HENJIN

Wieħed wieħed, l-​erbgħa li huma ddeċidew li jiżżewġu. Il-​ħbiberija tagħhom kienet ibbażata fuq l-​imħabba li lkoll kellhom għal Ġeħova u għall-​ministeru full-​time, u għalhekk kull wieħed minnhom kien determinat li jsib sieħba li tkun lesta li tagħti l-​ogħla prijorità lil Ġeħova. Is-​servizz full-​time kien għallimhom li huwa iktar premjanti li tagħti milli li tirċievi u li jkun xieraq li x-​xewqat personali jingħataw inqas prijorità mill-​interessi tas-​Saltna. Kien għalhekk li għażlu aħwa nisa li minn jeddhom kienu diġà bdew jaqdu fis-​servizz full-​time. Dan wassal għal erbaʼ żwiġijiet henjin u b’saħħithom.

Sabiex ħbiberija jew żwieġ ikun verament dejjiemi, irid ikun hemm Ġeħova fir-​relazzjoni. (Ekk. 4:12) Għalkemm Bill u Ramon tilfu lil marthom fil-​mewt, it-​tnejn li huma kienu esperjenzaw il-​ferħ u l-​appoġġ li mara leali tistaʼ tagħti. Lowell u Richard għadhom igawdu dan l-​appoġġ, u Bill, li mbagħad reġaʼ żżewweġ, għażel sieħba b’mod għaqli ħalli jkun jistaʼ jibqaʼ fis-​servizz full-​time.

Fis-​snin taʼ wara, l-​inkarigi tagħhom ħaduhom f’postijiet differenti—prinċipalment fil-​Ġermanja, fl-​Awstrija, fil-​Lussemburgu, fil-​Kanada, u fl-​Istati Uniti. Minħabba f’hekk, l-​erbat iħbieb ma setgħux ikomplu jqattgħu ħin flimkien daqskemm xtaqu. Imma għalkemm kien hemm id-​distanza tifridhom, huma dejjem żammew kuntatt—jifirħu flimkien fi żminijiet sbieħ u jibku flimkien fi żminijiet taʼ niket. (Rum. 12:15) Ħbieb bħal dawn huma imprezzabbli u għandna napprezzawhom ferm. Huma għotjiet prezzjużi mingħand Ġeħova. (Prov. 17:17) Kemm hu rari li ssib ħbieb veri fid-​dinja tal-​lum! Iżda kull Kristjan veru jistaʼ jkollu ħbieb bl-​abbundanza. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna ngawdu ħbiberiji maʼ sħabna fit-​twemmin mad-​dinja kollha u, fuq kollox, m’Alla Ġeħova u maʼ Ġesù Kristu.

Dawn l-​erbat iħbieb iffaċċjaw xi problemi f’ħajjithom, sewwasew bħalma niffaċċjaw ilkoll kemm aħna—pereżempju, l-​uġigħ taʼ qalb b’kaġun tal-​mewt tas-​sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ, l-​istress taʼ li titqabad maʼ mard serju, ir-​responsabbiltà li tieħu ħsieb il-​ġenituri mdaħħlin fiż-​żmien, id-​diffikultajiet biex trabbi l-​ulied waqt li tkun fis-​servizz full-​time, il-​biżaʼ li tħoss meta taċċetta inkarigi teokratiċi ġodda, u issa iktar u iktar il-​problemi tax-​xjuħija. Iżda jafu wkoll mill-​esperjenza li l-​ħbieb—kemm dawk li jinsabu qrib u kemm dawk li jinsabu ’l bogħod—jgħinu lil dawk li jħobbu lil Ġeħova biex jirnexxilhom ikampaw maʼ kull sfida fil-​ħajja.

ĦBIBERIJA GĦALL-​ETERNITÀ

Kemm kienet ħaġa sabiħa li Lowell, Ramon, Bill, u Richard iddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova meta kellhom 18, 12, 11, u 10 snin rispettivament, u li lkoll bdew jaqdu fis-​servizz full-​time meta kellhom bejn is-​17 u l-​21 sena. Huma għamlu bħalma ħeġġiġhom biex jagħmlu Ekkleżjasti 12:1: “Ftakar fil-​Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem żgħożitek.”

Jekk int żagħżugħ Kristjan, u jekk inhu possibbli, aċċetta l-​istedina taʼ Ġeħova biex tidħol fis-​servizz full-​time. Imbagħad, grazzi għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu, tistaʼ tesperjenza l-​ferħ—bħalma esperjenzaw dawn l-​erbat iħbieb—li taqdi fix-​xogħol tas-​circuit, tad-​distrett, jew taż-​żona; li taqdi f’Betel, inkluż fil-​Kumitati tal-​Fergħa; li tgħallem fl-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna u fl-​Iskola tas-​Servizz taʼ Pijunier; u li tagħti taħditiet f’konvenzjonijiet kbar jew żgħar. Kemm ferħu dawn l-​erbat iħbieb għax raw li għaxriet t’eluf taʼ nies ibbenefikaw mix-​xogħol li wettqu! Dan kollu kien possibbli sempliċement għax bħala żgħażagħ aċċettaw l-​istedina li għamlilhom Ġeħova bi mħabba biex jaqduh b’ruħhom kollha.—Kol. 3:23.

Illum il-​ġurnata, Lowell, Richard, u Ramon għal darb’oħra qed jaqdu flimkien fl-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Ġermanja, li issa jinsab f’Selters. B’sogħba, Bill miet fl-​2010 waqt li kien qed jaqdi bħala pijunier speċjali fl-​Istati Uniti. Ħbiberija speċjali ferm bejn erbgħa min-​nies, li damet kważi 60 sena, tkissret minħabba l-​mewt! Iżda Alla tagħna, Ġeħova, qatt ma jinsiehom lill-​ħbieb tiegħu. Nistgħu nibqgħu ċerti li taħt il-​ħakma tas-​Saltna tiegħu, kull ħbiberija Kristjana li għalissa titkisser minħabba l-​mewt, se tiġġedded.

Ftit qabel ma miet, Bill kiteb: “Matul dawn is-​60 sena li ilna ħbieb, ma nistax niftakar f’xi mument ikrah. Ir-​relazzjoni tagħna dejjem kienet xi ħaġa speċjali ħafna għalija.” Biex ikomplu miegħu, bil-​ħbiberija tagħhom ċara quddiem għajnejhom fid-​dinja l-​ġdida, it-​tlett iħbieb tiegħu fil-​pront iżidu jgħidu, “U dan għadu biss il-​bidu.”

[Nota ta’ taħt]

a Il-​bijografija eċċitanti taʼ Ħuna Frost ġiet pubblikata fit-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​15 t’April, 1961, paġni 244-​249.

[Kummment f’paġna 18]

Il-​ferħ li ġabilhom l-​inkarigu tagħhom ikkonvinċiehom bis-​sħiħ li Ġeħova dejjem ikun jaf x’inhu l-​aħjar

[Kumment f’paġna 21]

“Matul dawn is-​60 sena li ilna ħbieb, ma nistax niftakar f’xi mument ikrah”

[Stampa f’paġna 17]

Mix-​xellug għal-​lemin: Richard, Lowell, Ramon, u Bill saru ħbieb f’Gilegħad

[Stampi f’paġna 18]

Fuq: Ramon qed jgħallem fi klassi tal-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna; lemin: Richard qed jaħdem fuq magna għall-​istampar tal-​indirizzi f’Betel f’Wiesbaden

[Stampi f’paġna 19]

Fuq: Ħuna Frost (lemin) u xi oħrajn matul żjara maʼ Ħuna Knorr (xellug); lemin: F’vaganza ġol-​Isvizzera fl-​1952

[Stampa f’paġna 20]

Mix-​xellug għal-​lemin: Richard, Bill, Lowell, u Ramon jiltaqgħu f’Selters għad-​dedikazzjoni tal-​bini l-​ġdid tal-​fergħa fl-​1984

[Stampa f’paġna 21]

Mix-​xellug għal-​lemin: Ramon, Richard, u Lowell