Offrew Lilhom Infushom Minn Rajhom fil-Brażil
FTIT tas-snin ilu, Rúbia (1), oħt li issa għandha 30 sena, ivvjaġġat biex iżżur lil Sandra (2), pijuniera li kienet taqdi f’kongregazzjoni żgħira fin-Nofsinhar tal-Brażil. Matul iż-żjara ġrat xi ħaġa li tant impressjonat lil Rúbia li biddlitilha ħajjitha mil-lejl għan-nhar. X’kienet? Ejja nsiru nafu minn Rúbia nfisha.
“ĠIBT GĦAJNEJJA WARA WIDNEJJA”
“Sandra ħaditni magħha għand mara li kienet tistudja l-Bibbja magħha. Matul l-istudju, il-mara qaltilha: ‘Sandra, fejn naħdem jien hemm tliet tfajliet li jridu jistudjaw il-Bibbja, imma għedtilhom li jkollhom jistennew wara min imisshom. Naf li din is-sena int diġà bbukkjata b’ħafna studji.’ Ġibt għajnejja wara widnejja. In-nies li riedu jsiru jafu lil Ġeħova kellhom jistennew wara min imisshom!
Fil-kongregazzjoni tiegħi, kont insibha diffiċli biex insib imqar studju wieħed. Proprju dak il-ħin, xħin kont fid-dar taʼ din l-istudenta tal-Bibbja, ħassejt xewqa qawwija li ngħin lin-nies tal-belt żgħira fejn kienet toqgħod hi. Ma domtx ma tlaqt mill-belt kbira fejn kont ngħix u mort noqgħod fil-belt fejn Sandra kienet taqdi bħala pijuniera.”Rúbia x’riżultati kellha? Hi tirrakkonta u tgħid: “Fl-ewwel xahrejn li kont ilni hemmhekk, kont qed nikkonduċi 15-il studju tal-Bibbja u—ħaġa tal-iskantament—bħal Sandra, malajr kelli lista taʼ nies jistennew għal studju tal-Bibbja!”
IMQANQAL JERĠAʼ JEŻAMINA L-MINISTERU TIEGĦU
Diego (3), ħu li issa għandu ftit iktar minn 20 sena, żar lil ftit pijunieri li kienu qed jaqdu fi Prudentópolis, belt żgħira fin-Nofsinhar tal-Brażil. Iż-żjara ħalliet effett profond fuqu; tant hu hekk li ħassu mqanqal jerġaʼ jeżamina l-ministeru tiegħu stess. Hu jispjega u jgħid: “Fil-kongregazzjoni tiegħi kont qed niħodha bil-lajma għax kont qed inqattaʼ ftit sigħat biss kull xahar fil-ministeru. Imma meta żort lil dawn il-pijunieri u smajt l-esperjenzi li rrakkontaw, ma stajtx ma nqabbilx il-ferħ tagħhom mal-attitudni tiegħi taʼ apatija lejn il-ministeru. Meta rajt kemm kienu ferħanin u eċċitati, xtaqt li ħajti jkollha skop, proprju bħalma kellha ħajjithom.” Wara din iż-żjara, Diego beda jaqdi bħala pijunier.
Bħal Diego, int Xhud żagħżugħ li tieħu sehem fix-xogħol tal-ippritkar u tattendi l-laqgħat Kristjani imma fl-istess ħin tħoss li l-ministeru sar donnu rutina, bla eċċitament taʼ xejn? Jekk iva, tistaʼ int tagħmel xi bidliet f’ħajtek li jippermettulek idduq il-ferħ li jiġi meta taqdi fejn ikun hemm bżonn ikbar għal pubblikaturi tas-Saltna? M’għandniex xi ngħidu, l-idea li tħalli warajk stil taʼ ħajja komda tistaʼ tbeżżgħek. Xorta waħda, ħafna żgħażagħ għażlu li jagħmlu proprju hekk. Huma kellhom il-kuraġġ jaġġustaw il-miri u x-xewqat personali tagħhom sabiex jaqdu lil Ġeħova iktar bis-sħiħ. Ejja nikkunsidraw eżempju ieħor, dak taʼ Bruno.
MAESTRO JEW MINISTRU?
Ftit tas-snin ilu, Bruno (4), li issa għandu 28 sena, studja fi skola famuża tal-mużika, u l-mira tiegħu kienet
li jilħaq surmast tal-orkestra. Fil-fatt, hu tant ibbrilla fl-istudji tiegħu li ġie mistieden diversi drabi biex jikkonduċi orkestra sinfonika. Quddiemu kellu karriera promettenti. Bruno jirrakkonta u jgħid: “Xorta kont inħoss li kien hemm xi ħaġa nieqsa f’ħajti. Kont iddedikajt lili nnifsi lil Ġeħova, iżda kont naf li m’iniex nagħtih l-aqwa tiegħi, u dan il-ħsieb kien iniggiżli l-kuxjenza. Tlabt lil Ġeħova u għedtlu kif kont qed inħossni, u tkellimt maʼ aħwa tal-esperjenza fil-kongregazzjoni. Wara li kkunsidrajt il-kwistjoni bis-serjetà, iddeċidejt li npoġġi l-ministeru qabel il-mużika, tlaqt mill-iskola tal-mużika, u mort ngħix f’post fejn kien hemm bżonn kbir għal predikaturi tas-Saltna.” X’riżultati kellu minħabba li ħa din id-deċiżjoni?Bruno mar jgħix fil-belt taʼ Guapiara (b’popolazzjoni taʼ madwar 7,000 ruħ), xi 260 kilometru ’l bogħod mill-belt taʼ São Paulo. Kienet bidla kbira. Hu jirrakkonta u jgħid: “Mort noqgħod f’dar żgħira mingħajr friġġ, televixin, jew Internet. Iżda d-dar kien fiha affarijiet li qatt ma kelli qabel—ġardina fejn niżraʼ l-ħxejjex u ġnien bis-siġar tal-frott!” Meta kien jaqdi hemmhekk f’kongregazzjoni żgħira, darba f’ġimgħa Bruno kien jippakkja l-ikel, l-ilma, u l-letteratura f’basket u jerħilha għal għonq it-triq bil-mutur tiegħu biex jipprietka fi nħawi rurali. Bosta nies f’dawn l-inħawi qatt ma kienu semgħu bl-aħbar tajba qabel. “Ikkonduċejt saħansitra 18-il studju tal-Bibbja,” jgħid hu. “Meta kont nara kif dawn l-istudenti għamlu bidliet f’ħajjithom kont inħossni se ntir bil-ferħ!” Hu jkompli jgħid: “Kien proprju f’dak il-mument li rrealizzajt li kont sibt dik il-ħaġa li kienet nieqsa f’ħajti—is-sens taʼ sodisfazzjon kbir li jiġi meta tpoġġi s-servizz taʼ Ġeħova l-ewwel. Qatt ma kont ingawdih dan is-sodisfazzjon li kieku qgħadt insus wara miri materjalistiċi.” Bruno kif kien imantni lilu nnifsu fi Guapiara? Bi tbissima, hu jgħid: “Billi nagħti lezzjonijiet tal-kitarra.” B’xi mod jew ieħor, hu kien għadu maestro.
“MA STAJTX MA NIBQAX”
Mariana (5), li issa għandha qrib it-30 sena, sabet ruħha f’sitwazzjoni simili għal dik taʼ Bruno. Hi kienet taħdem bħala avukata, imma minkejja li l-professjoni tagħha kienet trendi ħafna flus, ma ħassithiex verament sodisfatta. Hi tgħid: “Kont inħossni qisni qed ‘niġri wara r-riħ.’” (Ekk. 1:17) Diversi aħwa inkuraġġewha biex tikkunsidra x-xogħol taʼ pijunier. Wara li rriflettiet bis-serjetà dwar is-sitwazzjoni tagħha, Mariana, flimkien maʼ sħabha Bianca (6), Caroline (7), u Juliana (8), iddeċidew li jagħtu daqqa t’id lil kongregazzjoni f’Barra do Bugres, belt iżolata qrib il-Bolivja, eluf taʼ kilometri ’l bogħod minn darhom. Imbagħad x’ġara?
Mariana tgħid: “Kont beħsiebni nagħmel tliet xhur hemmhekk. Imma meta għalaqli ż-żmien, kont qed nikkonduċi 15-il studju tal-Bibbja! M’għandniex xi ngħidu, dawn l-istudenti kellhom bżonn ħafna iktar għajnuna biex jagħmlu progress fil-verità. Għalhekk, sempliċement ma kellix il-ħila ngħidilhom li kont se nitlaq. Ma stajtx ma nibqax.” U l-erbaʼ aħwa nisa għamlu proprju hekk. Mela, wasslet il-karriera l-ġdida taʼ Mariana għal ħajja b’iktar skop? Hi tgħid: “Peress li Ġeħova qed jużani biex ngħin lin-nies jagħmlu bidliet għall-aħjar f’ħajjithom, inħossni tajba ferm dwari nnifsi. Il-fatt li naf li issa qed nuża l-ħin u l-enerġija tiegħi biex nagħmel xi ħaġa verament taʼ siwi nqisu bħala barka.” Caroline tispjega kif iħossuhom l-erbaʼ aħwa: “Billejl, meta mmidd rasi fuq l-imħadda, inħoss sens taʼ sodisfazzjon kbir għax qed nuża ħajti biex nagħmel l-aħjar tiegħi fis-servizz taʼ Ġeħova. Ħajti hi ffokata fuq kif ngħin lill-istudenti tiegħi tal-Bibbja. Nitpaxxa narahom mexjin ’il quddiem. Issa qed nara kemm hu minnu l-kliem: ‘Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb.’”—Salm 34:8.
Min jaf kemm jithenna Ġeħova meta jara numru li dejjem jiżdied taʼ aħwa żgħażagħ madwar id-dinja kollha li “joffru lilhom infushom minn rajhom” biex jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna tiegħu fi nħawi iżolati! (Salm 110:3; Prov. 27:11) Minħabba f’hekk, dawn il-ħaddiema li jaħdmu minn rajhom jesperjenzaw xita taʼ barkiet mingħand Ġeħova.—Prov. 10:22.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]
“Qatt Ma Naqasna Xejn”
Meta João Paulo u martu, Noemi, esprimew ix-xewqa tagħhom li jaqdu fejn il-bżonn kien akbar, xi wħud fil-kongregazzjoni għaddewlhom xi kummenti skuraġġanti. Kienu jgħidulhom: “Tkunu qed tieħdu riskju ekonomiku jekk tmorru toqogħdu f’belt żgħira.” “Għala se titilqu? Għad hawn ħafna xogħol xi jsir fil-kongregazzjoni tagħna stess.” João Paulo jgħid: “Kienet iebsa biex ma nħallux dawn il-pariri skuraġġanti jaqtgħulna qalbna, għalkemm kienu jsiru b’intenzjoni tajba.” Madankollu, illum li ilhom snin sħaħ jaqdu f’post fejn hemm bżonn ikbar għal pubblikaturi, João Paulo u Noemi huma ferħanin li żammew mad-deċiżjoni li ħadu biex ikabbru l-ministeru tagħhom. João Paulo jispjega u jgħid: “Kemm domna hawnhekk, jien u marti qatt ma naqasna xejn. U rigward l-affarijiet li huma tassew importanti, għandna ħafna iktar milli kellna qabel.” Noemi żżid tgħid: “Dan l-isforz kien taʼ min jagħmlu.”
Huwa taʼ sfida li taqlaʼ l-għajxien f’belt żgħira. Dawk li marru jgħixu fi nħawi iżolati, kif jirnexxilhom imantnu lilhom infushom? Billi jkunu kreattivi. Xi wħud jgħallmu l-Ingliż jew xi lingwa oħra, jgħinu lit-tfal fl-istudji tal-iskola, joffru servizz taʼ ħjata jew taʼ tibjid fid-djar, jew kwalunkwe ħaġ’oħra li jkunu kapaċi jagħmlu bħala xogħol part-time. U dawk li jaqdu fejn il-bżonn ikun akbar, kif iħossuhom dwar l-istil taʼ ħajja li jgħixu? Il-barkiet huma ħafna akbar mill-isfidi!
[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]
Jistaʼ Jkun Diffiċli Tgħix ’il Bogħod mid-Dar
Tiago jgħid: “Ftit wara li wasalt fil-kongregazzjoni l-ġdida bdejt insewwed qalbi. Il-pubblikaturi fil-belt kienu verament ftit u bilkemm kien hemm attivitajiet li stajt nagħmel fil-ħin liberu tiegħi. Bdejt nimmissja kulma kont ħallejt warajja. Kont naf li kelli nagħmel xi ħaġa biex inħossni aħjar. Għalhekk, bdejt nagħmel sforz biex insir naf aħjar lill-aħwa tal-kongregazzjoni—u rnexxieli! Għamilt ħbieb ġodda, u ma domtx ma ħassejtni ferħan ħafna u bdejt inħossni komdu.”
[Stampa f’paġna 3]
Noemi u João Paulo fʼAscurra, Santa Catarina