Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

100 sena taʼ ħakma tas-Saltna—Kif jeffettwawk?

100 sena taʼ ħakma tas-Saltna—Kif jeffettwawk?

“Kbar u taʼ l-​għaġeb l-​għemejjel tiegħek, Alla Ġeħova, . . . Sultan taʼ l-​eternità.”RIV. 15:3.

1, 2. Is-​Saltna t’Alla x’se twettaq, u għala nistgħu nkunu fiduċjużi li s-​Saltna se tiġi?

 FUQ muntanja qrib Kafarnahum fir-​rebbiegħa tas-​sena 31 EK, Ġesù Kristu għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Ħa tiġi saltnatek.” (Mt. 6:10) Illum, ħafna jiddubitaw jekk is-​Saltna qattx se tiġi. Madankollu, aħna fiduċjużi li t-​talb sinċier tagħna biex tiġi s-​Saltna t’Alla se jitwieġeb.

2 Ġeħova se juża s-​Saltna biex jgħaqqad il-​familja tiegħu fis-​sema u fuq l-​art. Dan l-​iskop divin se jitwettaq. (Is. 55:10, 11) Fil-​fatt, Ġeħova diġà sar Sultan fi żmienna! Il-​ġrajjiet eċċitanti taʼ dawn l-​aħħar 100 sena huma prova taʼ dan. Alla qed iwettaq għemejjel kbar u tal-​għaġeb għal miljuni taʼ sudditi leali. (Żak. 14:9; Riv. 15:3) U madankollu, il-​fatt li Ġeħova jsir Sultan mhuwiex l-​istess bħall-​miġja tas-​Saltna t’Alla li għaliha Ġesù għallimna biex nitolbu. Dawn il-​ġrajjiet kif inhuma differenti, u kif jeffettwawna?

IS-​SULTAN MAĦTUR MINN ĠEĦOVA JAĠIXXI

3. (a) Ġesù meta tqiegħed fuq it-​tron bħala Sultan, u fejn? (b) Kif se turi li s-​Saltna ġiet stabbilita fl-​1914? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

3 Madwar l-​1880, il-​qaddejja t’Alla bdew jifhmu profezija li nkitbet minn Danjel iktar minn 2,500 sena ilu: “Fi żmien dawn is-​slaten, l-​Alla tas-​sema jwaqqaf saltna li qatt ma tinqered.” (Dan. 2:44) Għal għaxriet taʼ snin, l-​Istudenti tal-​Bibbja qalu li s-​sena 1914 kienet se tkun sena sinifikanti. Dak iż-​żmien, ħafna nies kienu ottimisti. Bħalma jistqarr wieħed kittieb: “Id-​dinja fl-​1914 kienet mimlija tama u prospetti sbieħ.” Madankollu, meta iktar tard dik is-​sena faqqgħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija, seħħet il-​profezija Biblika. Il-​ġuħ, it-​terremoti, u l-​mard li jittieħed, kif ukoll it-​twettiq taʼ profeziji oħrajn tal-​Bibbja, urew li fl-​1914, Ġesù Kristu beda jaħkem fis-​sema bħala Sultan tas-​Saltna t’Alla. * Tabilħaqq, billi qiegħed lil Ibnu fuq it-​tron bħala s-​Sultan Messjaniku, Ġeħova kien sar Sultan f’sens ġdid!

4. Is-​Sultan il-​ġdid liema azzjoni ħa mill-​ewwel, u mbagħad lejn min dawwar l-​attenzjoni tiegħu?

4 L-​ewwel ħaġa li għamel is-​Sultan il-​ġdid t’Alla kienet li ggwerra kontra Satana, l-​Avversarju ewlieni taʼ Missieru. Ġesù u l-​anġli tiegħu keċċew lix-​Xitan u d-​demonji tiegħu mis-​sema. Dan ġab ferħ kbir fis-​sema, imma ġab żmien taʼ gwaj li qatt ma kien hawn bħalu fuq l-​art. (Aqra Rivelazzjoni 12:7-​9, 12.) Imbagħad is-​Sultan dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn is-​sudditi tiegħu fuq l-​art biex jirfinahom, jedukahom, u jorganizzahom ħalli jagħmlu r-​rieda t’Alla. Ejja naraw kif l-​ubbidjenza tagħhom għad-​direzzjoni taʼ Ġesù tħallielna eżempju tajjeb illum.

IS-​SULTAN MESSJANIKU JIRFINA LIS-​SUDDITI LEALI TIEGĦU

5. Liema tindif seħħ bejn l-​1914 u l-​parti bikrija tal-​1919?

5 Wara li s-​Sultan imqiegħed fuq it-​tron naddaf is-​smewwiet mill-​influwenza korrotta taʼ Satana u d-​demonji tiegħu, Ġeħova qabbad lil Ġesù biex jeżamina u jirfina l-​qagħda spiritwali tas-​segwaċi tiegħu fuq l-​art. Il-​profeta Malakija dan iddeskrivieh bħala tindif spiritwali. (Mal. 3:1-​3) L-​istorja turi li dan seħħ bejn l-​1914 u l-​parti bikrija tal-​1919. * Biex inkunu parti mill-​familja universali taʼ Ġeħova, irridu nkunu nodfa, jew qaddisin. (1 Pt. 1:15, 16) Irridu nkunu ħelsin minn kwalunkwe tinġis tar-​reliġjon falza jew tal-​politika taʼ din id-​dinja.

6. L-​ikel spiritwali kif jiġi provdut, u għala hu vitali?

6 Ġesù mbagħad uża l-​awtorità tiegħu bħala sultan biex jaħtar “ilsir leali u għaqli.” Dan l-​ilsir kellu jipprovdi provvista regulari taʼ ikel spiritwali bnin lil dawk kollha li jifformaw il-​“merħla waħda” taħt il-​ħarsien taʼ Ġesù. (Mt. 24:45-​47; Ġw. 10:16) Mill-​1919 ’l hawn, grupp żgħir t’aħwa midlukin wettqu lealment ir-​responsabbiltà importanti li jagħtu l-​ikel lill-​‘qaddejja taʼ dar’ Ġesù. L-​ikel spiritwali abbundanti provdut mill-​ilsir leali u għaqli jsostnina sabiex inkunu nistgħu nikbru fil-​fidi. Isaħħaħ id-​determinazzjoni tagħna biex nibqgħu nodfa spiritwalment, moralment, mentalment, u fiżikament. Ukoll, dan l-​ikel spiritwali jedukana u jarmana biex ikollna sehem sħiħ fl-​iktar xogħol importanti li llum qed isir fuq l-​art, l-​ippritkar. Qiegħed int tieħu vantaġġ sħiħ minn dawn il-​provvedimenti?

IS-​SULTAN JEDUKA LIS-​SUDDITI TIEGĦU BIEX JIPPRITKAW MAD-​DINJA KOLLHA

7. Ġesù liema xogħol importanti beda meta kien fuq l-​art, u sa meta għandu jitkompla?

7 Meta beda l-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù ħabbar: “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Lq. 4:43) Għal tliet snin u nofs, dan il-​ministeru kien l-​iktar xogħol importanti fil-​ħajja taʼ Ġesù. Hu istruwixxa lid-​dixxipli tiegħu billi qal: “Intom u sejrin, ippridkaw u għidu, ‘Qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.’” (Mt. 10:7) Wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù bassar li s-​segwaċi tiegħu kellhom ixerrdu dan il-​messaġġ “sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Hu wegħedhom li kien se jkun involut personalment f’dan ix-​xogħol vitali sat-​tmiem taʼ din is-​sistema.—Mt. 28:19, 20.

8. Is-​Sultan kif qanqal lis-​segwaċi tiegħu fuq l-​art biex jippritkaw?

8 Sal-​1919, “l-​aħbar tajba tas-​saltna” inkludiet tifsira ġdida. (Mt. 24:14) Is-​Sultan kien qed jaħkem fis-​sema, u kien ġabar grupp żgħir imnaddaf taʼ sudditi fuq l-​art. Huma wieġbu bil-​ħerqa għall-​kmand ċar taʼ Ġesù: Ippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna stabbilita t’Alla fl-​art kollha! (Atti 10:42) Pereżempju, kważi 20,000 segwaċi tas-​Saltna ltaqgħu f’konvenzjoni internazzjonali f’Cedar Point, Ohio, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, f’Settembru tal-​1922. Immaġina l-​eċċitament tagħhom meta Ħuna Rutherford ta t-​taħdita intitolata “Is-​Saltna” u ddikjara: “Araw, is-​Sultan jirrenja! Intom l-​aġenti pubbliċitarji tiegħu. Għalhekk, irreklamaw, irreklamaw, irreklamaw, lis-​Sultan u s-​saltna tiegħu.” L-​għada, elfejn delegat ħarġu fis-​servizz tal-​għalqa u xi wħud minnhom ivvjaġġaw sa 72 kilometru ’l bogħod mill-​post tal-​konvenzjoni biex jippritkaw. Imqanqal biex jaġixxi, ħu esklama: “Qatt ma se ninsa s-​sejħa biex nirreklamaw is-​Saltna u ż-​żelu tal-​folla miġbura!” Ħafna oħrajn ħassewhom bħalu.

9, 10. (a) Liema arranġamenti saru biex iħarrġu lil proklamaturi tas-​Saltna? (b) Int personalment kif ibbenefikajt minn dan it-​taħriġ?

9 Sal-​1922, iktar minn 17,000 proklamatur tas-​Saltna kienu attivi fi 58 pajjiż madwar id-​dinja. Madankollu, kellhom bżonn it-​taħriġ. Fl-​ewwel seklu, is-​Sultan-​Magħżul ta direzzjonijiet ċari lid-​dixxipli tiegħu dwar x’kellhom jippritkaw, fejn, u kif. (Mt. 10:5-​7; Lq. 9:1-​6; 10:1-​11) Illum, bl-​istess mod Ġesù jara li kull min jieħu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna jirċievi istruzzjonijiet u jkollu l-​għodod li jkollu bżonn biex jipprietka b’mod effettiv. (2 Tim. 3:17) Permezz tal-​kongregazzjoni Kristjana, Ġesù qed iħarreġ lis-​sudditi tiegħu għall-​ministeru. Mod wieħed kif iħarriġhom hu permezz tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, li ssir f’kull waħda mill-​iktar minn 111,000 kongregazzjoni madwar l-​art. Billi jieħdu vantaġġ minn din l-​istruzzjoni, iktar minn sebaʼ miljun predikatur huma issa armati biex jippritkaw u jgħallmu b’tali mod li se jgħin lil “nies taʼ kull xorta.”—Aqra l-1 Korintin 9:20-​23.

10 Minbarra l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, ġew stabbiliti skejjel Bibliċi oħrajn biex iħarrġu lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni, pijunieri, aħwa rġiel mhux miżżewġin, koppji Kristjani, membri tal-​Kumitati tal-​Fergħa u n-​nisa tagħhom, indokraturi li jivvjaġġaw u n-​nisa tagħhom, u missjunarji. * L-​istudenti taʼ klassi waħda tal-​Iskola tal-​Bibbja Għal Koppji Kristjani esprimew l-​apprezzament tagħhom għall-​iskola b’dan il-​mod: “It-​taħriġ speċjalizzat li rċivejna kabbar imħabbitna għal Ġeħova u armana aħjar biex ngħinu lil oħrajn.”

11. Proklamaturi tas-​Saltna kif setgħu jissaportu minkejja l-​oppożizzjoni?

11 L-​għadu Satana qed jara dawn l-​isforzi kbar kollha li qed isiru biex l-​aħbar tajba tiġi pritkata u mgħallma. Hu juża attakki diretti kif ukoll attakki sottili kontra l-​messaġġ tas-​Saltna u kontra dawk li jippritkawh biex jipprova jwaqqaf ix-​xogħol. Imma l-​attakki taʼ Satana mhux se jirnexxu. Ġeħova qiegħed lil Ibnu “ħafna iżjed ’il fuq minn kull gvern u awtorità u qawwa u ħakma.” (Efes. 1:20-​22) Bħala Sultan, Ġesù juża l-​awtorità tiegħu biex jipproteġi u jiggwida lid-​dixxipli tiegħu ħalli jagħmel ċert li ssir ir-​rieda taʼ Missieru. * L-​aħbar tajba qed tiġi pritkata, u miljuni taʼ wħud onesti qed jiġu mgħallmin il-​modi taʼ Ġeħova. Xi privileġġ għandna li jkollna sehem f’dan ix-​xogħol grandjuż!

IS-​SULTAN JORGANIZZA LIS-​SUDDITI TIEGĦU GĦAL ATTIVITÀ AKBAR

12. Iddeskrivi xi rfinar organizzazzjonali li sar mindu ġiet stabbilita s-​Saltna.

12 Mindu ġiet stabbilita s-​Saltna fl-​1914, is-​Sultan irfina l-​mod kif il-​qaddejja t’Alla jiġu organizzati biex jagħmlu r-​rieda taʼ Missieru. (Aqra Isaija 60:17.) Fl-​1919, inħatar direttur tas-​servizz f’kull kongregazzjoni biex jieħu t-​tmexxija fix-​xogħol tal-​ippritkar. Fl-​1927, il-​kongregazzjonijiet bdew jippritkaw regolarment nhar taʼ Ħadd. Fl-​1931, il-​qaddejja taʼ Ġeħova bdew jużaw l-​isem Xhieda taʼ Ġeħova, u dan qanqalhom biex jagħmlu saħansitra iktar fix-​xogħol tas-​Saltna. (Is. 43:10-​12) B’seħħ mill-​1938, dawk li kienu jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni ma baqgħux jiġu eletti permezz taʼ vot. Minflok, biex jinħatru, kellhom jissodisfaw il-​ħtiġijiet Bibliċi. Fl-​1972, ġemgħa tal-​anzjani bdiet tieħu ħsieb l-​indokrar tal-​kongregazzjoni minflok indokratur wieħed. L-​irġiel kwalifikati kollha ġew inkuraġġiti biex jirsistu ħalli jieħdu sehem f’li ‘jirgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħhom.’ (1 Pt. 5:2) Fl-​1976, il-​Ġemgħa li Tiggverna ġiet organizzata f’sitt kumitati biex jindokraw ix-​xogħol tas-​Saltna madwar id-​dinja. B’mod xieraq, is-​Sultan maħtur minn Ġeħova baqaʼ jorganizza lis-​segwaċi tiegħu b’mod progressiv biex jagħmlu l-​affarijiet kif irid Alla.

13. It-​twettiq li sar f’100 sena taʼ ħakma tas-​Saltna, kif effettwalek ħajtek?

13 Ikkunsidra dak li wettaq is-​Sultan Messjaniku matul l-​ewwel 100 sena tar-​renju tiegħu. Naddaf poplu biex jirrappreżenta lil Ġeħova. Organizza l-​ippritkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna f’239 pajjiż u eduka lil miljuni dwar il-​modi taʼ Ġeħova. Għaqqad flimkien lil iktar minn sebaʼ miljun sudditu leali, u dawn kull wieħed minnhom joffri ruħu minn rajh biex jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru. (Salm 110:3) Verament, l-​għemejjel taʼ Ġeħova permezz tas-​Saltna Messjanika huma kbar u tal-​għaġeb. U quddiemna għandna ġrajjiet saħansitra iktar eċċitanti!

BARKIET FUTURI TAS-​SALTNA MESSJANIKA

14. (a) Xi nkunu qed nitolbu lil Alla biex jagħmel meta nitolbu: “Ħa tiġi saltnatek”? (b) X’inhi l-​iskrittura għas-​sena 2014, u għala hi xierqa?

14 Avolja fl-​1914 Ġeħova inkuruna lil Ibnu, Ġesù Kristu, bħala s-​Sultan Messjaniku, dan ma kienx it-​tweġiba kompleta għat-​talba tagħna “ħa tiġi saltnatek.” (Mt. 6:10) Kien imbassar fil-​Bibbja li Ġesù kellu ‘jmur irażżan f’nofs l-​għedewwa tiegħu.’ (Salm 110:2) Il-​gvernijiet umani kontrollati minn Satana għadhom jopponu lis-​Saltna. Meta nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla, inkunu qed nitolbu lil Alla ħalli s-​Sultan Messjaniku u l-​ħakkiema sħabu jiġu sabiex itemmu l-​ħakma umana u jwarrbu min-​nofs lil dawk kollha fuq l-​art li jopponu lis-​Saltna. Din l-​azzjoni se twettaq il-​kliem taʼ Danjel 2:44 li s-​Saltna t’Alla “se tfarrak u ttemm dawn is-​saltniet kollha.” Se telimina lill-​għedewwa politiċi tas-​Saltna. (Riv. 6:1, 2; 13:1-​18; 19:11-​21) Iż-​żmien biex jiġri dan hu qrib ferm. Kemm hu xieraq li l-​iskrittura għas-​sena 2014, is-​sena li fiha s-​Saltna t’Alla tagħlaq 100 sena mindu ġiet stabbilita fis-​sema, hi Mattew 6:10: “Ħa tiġi saltnatek”!

L-​iskrittura għas-​sena 2014: “Ħa tiġi saltnatek.”​—Mattew 6:10

15, 16. (a) Liema ġrajjiet eċċitanti se jseħħu matul ir-​Renju taʼ Elf Sena? (b) X’se jkun l-​att finali taʼ Ġesù bħala Sultan Messjaniku, u dan x’se jkun ifisser rigward l-​iskop taʼ Ġeħova għall-​ħolqien kollu tiegħu?

15 Wara li s-​Sultan Messjaniku jeqred lill-​għedewwa t’Alla, se jixħet lil Satana u lid-​demonji tiegħu f’abbiss għal elf sena. (Riv. 20:1-​3) Mingħajr din l-​influwenza mill-​agħar, is-​Saltna se tkun tistaʼ tapplika l-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa u teqred għalkollox l-​effetti tad-​dnub taʼ Adam. Is-​Sultan se jirxoxta lil miljuni bla għadd li huma reqdin fil-​qabar u se jorganizza programm taʼ edukazzjoni madwar id-​dinja biex jgħallimhom dwar Ġeħova. (Riv. 20:12, 13) L-​art kollha kemm hi se ssir ġenna sewwasew bħall-​ġnien tal-​Għeden. Il-​bnedmin leali kollha se jilħqu l-​perfezzjoni.

16 Sat-​tmiem tar-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu, is-​Saltna Messjanika se tkun wettqet l-​iskop tagħha. Imbagħad Ġesù se jgħaddi s-​Saltna lil Missieru. (Aqra l-1 Korintin 15:24-​28.) Mhux se jkollna bżonn iktar lil xi ħadd li jirrappreżentana quddiem Ġeħova. L-​ulied kollha t’Alla fis-​sema u wliedu kollha fuq l-​art se jkunu magħqudin maʼ Missierhom tas-​sema bħala parti mill-​familja universali tiegħu.

17. X’int determinat li tagħmel rigward is-​Saltna?

17 Il-​ġrajjiet eċċitanti taʼ 100 sena taʼ ħakma tas-​Saltna jassigurawna li Ġeħova qed jikkontrolla u li l-​iskop tiegħu għall-​art se jitwettaq. Jalla nkomplu nkunu s-​sudditi leali tiegħu u nirreklamaw is-​Sultan u s-​Saltna tiegħu. Dan nagħmluh b’fiduċja sħiħa li Ġeħova dalwaqt se jwieġeb it-​talba bil-​ħrara tagħna: “Ħa tiġi saltnatek”!

^ Ara l-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 Settembru 2012, paġni 13-​17, “L-​Iskejjel Teokratiċi—Evidenza tal-​Imħabba taʼ Ġeħova.”

^ Ara l-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Diċembru 1998, paġni 19-​22, għal eżempji taʼ rebħiet legali f’diversi pajjiżi.