Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 Mill-arkivji tagħna

Film li jsaħħaħ il-fidi jagħlaq 100 sena

Film li jsaħħaħ il-fidi jagħlaq 100 sena

“Kemm jidher reali Ħuna Russell! Qisu qiegħed hawnhekk quddiemna!”—Xi ħadd li ra l-“Photo-Drama” fl-1914.

DIN is-sena, il-preżentazzjoni viżwali impressjonanti tal-“Photo-Drama of Creation” tagħlaq 100 sena mindu ntweriet għall-ewwel darba. Din tħejjiet bl-għan li tibni l-fidi fil-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla. F’dak iż-żmien, il-fidi taʼ ħafna wħud kienet iddgħajfet minħabba t-twemmin fl-evoluzzjoni, il-kritika tal-Bibbja, u x-xettiċiżmu. Minkejja dan, il-“Photo-Drama” enfasizzat il-fatt li Ġeħova hu l-Ħallieq.

Charles T. Russell, li kien qed jieħu t-tmexxija fost l-Istudenti tal-Bibbja, dejjem kien ifittex għall-mezzi l-iktar effettivi biex jaqsam il-verità tal-Bibbja malajr kemm jistaʼ jkun. L-Istudenti tal-Bibbja diġà kienu ilhom iktar minn 30 sena jużaw il-pubblikazzjonijiet stampati. Issa l-potenzjal taʼ xi ħaġ’oħra ġibdilhom l-attenzjoni—l-istampi li jiċċaqalqu, jew, il-films.

IXERRDU L-MESSAĠĠ TAL-BIBBJA PERMEZZ TAL-ISTAMPI LI JIĊĊAQALQU

Fis-snin 90 tas-seklu 19, bdew jintwerew films bla kliem lill-pubbliku. Saħansitra mill-1903, film reliġjuż intwera fi knisja fil-belt taʼ New York. Għalhekk, għalkemm l-industrija tal-films kienet għadha fil-bidu tagħha fl-1912, Russell ma żammx lura milli jibda jipprepara l-“Photo-Drama.” Hu rrealizza li dan il-mezz taʼ komunikazzjoni setaʼ jwassal il-verità tal-Bibbja b’mod li ma setgħux il-pubblikazzjonijiet stampati.

Il-preżentazzjoni tal-“Photo-Drama,” li kienet twila tmien sigħat u li s-soltu kienet tinqasam f’erbaʼ partijiet, kien fiha 96 taħdita qasira dwar il-Bibbja. Dawn kien jaqrahom narratur magħruf sew li kellu leħen tajjeb ħafna għar-rekording. F’ħafna mix-xeni kienet tindaqq mużika klassika. Ħaddiema tas-sengħa daqqew ir-rekordings tal-ilħna u tal-mużika fuq il-fonografi, u ssinkronizzaw is-sawnd mas-slajds bil-kuluri u maʼ filmati li fihom ġew reċtati stejjer tal-Bibbja famużi.

“Inkludiet dak kollu li ġara u għad irid jiġri mill-ħolqien tal-istilel sat-tmiem meraviljuż tar-Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu.” —F. Stuart Barnes, li kellu 14-il sena fl-1914

Ħafna mill-filmati u mis-slajds tal-ħġieġ inkisbu minn studjows kummerċjali. Artisti professjonali f’Philadelphia, New York, Pariġi, u Londra pittru s-slajds tal-ħġieġ u l-films, stampa wara stampa. Timijiet taʼ ħaddiema fil-Kamra tal-Arti ġo Betel ukoll pittru ħafna, u spiss għamlu slajds ġodda flok dawk li tkissru. Minbarra l-filmati li nxtraw, membri  tal-familja Betel ġew iffilmjati f’Yonkers, New York, hekk kif irreċtaw il-parti t’Abraham, Iżakk, u l-anġlu li waqqaf lil Abraham milli jissagrifika lil ibnu.—Ġen. 22:9-12.

Sieħeb Ħuna Russell qal lil tal-gazzetti li dan il-mezz taʼ komunikazzjoni kien “se jinteressa lil eluf bla għadd taʼ nies fl-Iskrittura, iktar minn kwalunkwe ħaġ’oħra li [kienet] saret fil-passat għall-avvanz reliġjuż.” Kien il-kleru se jfaħħar sforz oriġinali bħal dan biex jiġi sodisfat l-għatx spiritwali li kellhom in-nies inġenerali? Għall-kuntrarju, il-ministri tal-Kristjaneżmu bħala grupp maqdru l-“Photo-Drama.” Xi wħud minnhom saħansitra użaw tattiki minn taħt jew bil-miftuħ biex iwaqqfu lill-pubbliku milli jaraw din il-preżentazzjoni. F’post minnhom, unjoni tal-ministri waslet biex taqtaʼ d-dawl.

Minkejja dan, it-teatri xorta mtlew daqs bajda minn udjenzi li riedu jaraw il-“Photo-Drama” bla ħlas. Fl-Istati Uniti, kull jum kienet tintwera l-“Photo-Drama” f’diversi bliet, ġieli anke sa 80 belt. Ħafna nies ġabu għajnejhom wara widnejhom għax kienu qed jaraw għall-ewwel darba ‘film bil-kliem.’ Permezz taʼ serje taʼ ritratti li kienu jintwerew wieħed wara l-ieħor b’rata mgħaġġla, l-udjenza setgħet tara fellus joħroġ minn ġol-qoxra tiegħu u fjura tinfetaħ bil-mod. L-informazzjoni xjentifika taʼ dak iż-żmien enfasizzat l-għerf meraviljuż taʼ Ġeħova. Kif issemma fil-bidu tal-artiklu, meta ċertu individwu ra lil Ħuna Russell fuq l-iskrin jintroduċi l-“Photo-Drama,” hu saħansitra ħaseb li Russell kien jidher tant reali li kien qisu qiegħed quddiemu!

PASS SINIFIKANTI FL-EDUKAZZJONI TAL-BIBBJA

Tim Dirks, awtur u storjografu tal-films, iddeskriva l-“Photo-Drama” bħala ‘l-ewwel film magħruf li uża f’daqqa s-sawnd sinkronizzat (diskors rekordjat), il-filmati, u s-slajds bil-kuluri.’ Il-films li ġew qabel il-“Photo-Drama” kienu użaw xi ftit minn dawn it-tekniki imma mhux kollha kemm huma fl-istess preżentazzjoni, speċjalment waħda b’tema Biblika. U l-ebda film ma kien għad kellu udjenza akbar. Biss biss, matul l-ewwel sena, il-“Photo-Drama” marru jarawha total taʼ xi disaʼ miljuni fl-Amerika taʼ Fuq, l-Ewropa, l-Awstralja, u n-New Zealand!

Il-“Photo-Drama” ntweriet għall-ewwel darba fil-11 taʼ Jannar, 1914, fil-belt taʼ New York. Sebaʼ xhur wara beda d-diżastru li iktar tard issejjaħ l-Ewwel Gwerra Dinjija. Imma folol madwar id-dinja baqgħu jinġabru flimkien ħalli jaraw il-“Photo-Drama,” u b’hekk kisbu l-faraġ mix-xeni realistiċi tal-barkiet tas-Saltna li għad iridu jiġu. Għas-sena 1914, tqabbilha maʼ xiex tqabbilha, il-“Photo-Drama” tassew kienet preżentazzjoni rimarkevoli.