Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħelsien Meħtieġ!

Ħelsien Meħtieġ!

Ħelsien Meħtieġ!

F’DAQQA waħda minjiera tal-​faħam viċin Pittsburgh, Pennsylvania, l-​Istati Uniti, ġiet mgħarrqa b’miljuni taʼ litri taʼ ilma. Disat irġiel li kienu jaħdmu fil-​minjiera nqabbdu f’post żgħir 73 metru taħt l-​art. Tlett ijiem wara, huma nħarġu ’l barra minn din il-​minjiera qawwijin u sħaħ. Kif inħelsu?

Bl-għajnuna tal-​mapep tal-​minjiera u permezz tal-​Global Positioning System (GPS), il-​ħaddiema tas-​salvataġġ ħaffru ħofra wiesgħa 65 ċentimetru u niżżlu gaġġa twila u dejqa sa fejn kienu miġburin l-​irġiel. Dawn ittellgħu wieħed wieħed f’din il-​gaġġa, ’il barra minn dak li kien se jkun il-​qabar tagħhom. Ilkoll ħadu r-​ruħ u ħassewhom ferħanin u grati talli ġew meħlusin.

Ħafna minna forsi qatt m’hu se nkunu maqbudin taħt l-​art bħal dawk id-​disat irġiel li kienu jaħdmu fil-​minjiera tal-​faħam jew se jkollna niffaċċjaw il-​mewt f’xi diżgrazzja. Madankollu, ilkoll kemm aħna għandna bżonn niġu meħlusin għax ma nistgħux naħarbu l-​konsegwenzi tal-​mard u x-​xjuħija u finalment il-​mewt. “Il-​bniedem imwieled minn mara għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed,” qal il-​patrijarka leali Ġob. “Bħal warda, jiftaħ u mbagħad jidbiel, u jaħrab bħal dell li ma jiqafx.” (Ġob 14:1, 2) Illum, madwar 3,500 sena wara, dan il-​kliem għadu jgħodd, għax min minna jistaʼ jaħrab ir-​riżultat fatali tal-​ħajja—il-​mewt? Minkejja l-​post fejn noqogħdu jew kemm nieħdu ħsieb saħħitna, għandna bżonn niġu meħlusin minn taħt difrejn is-​sofferenza, ix-​xjuħija, u l-​mewt.

Ix-xjenzati u oħrajn jaħdmu iebes biex jipprovaw itawlu l-​ħajja iktar minn dak li llum in-​nies iqisuh bħala t-​tul normali tal-​ħajja. Organizzazzjoni waħda tgħid li l-​missjoni tagħha hi li tegħleb il-​mewt involontarja u li tgħin lill-​membri tagħha jirnexxu f’li jaħdmu biex il-​bniedem ma jmutx. Madankollu, s’issa x-​xjenza avanzata flimkien maʼ determinazzjoni qawwija ma tawlux il-​ħajja umana ħafna iktar mis-​70 jew it-​80 sena li Mosè semma iktar minn 3,500 sena ilu.—Salm 90:10.

Kemm jekk taqbel maʼ dak li kien iħoss Ġob dwar il-​ħajja u l-​mewt u kemm jekk le, ma tistax taħrab il-​fatt li hekk kif jibdew igerbu s-​snin, int ukoll se ‘taħrab bħal dell,’ ’il bogħod minn ħbiebek, familtek, darek, u dak kollu li tkun wettaqt—kollox jispiċċa fil-​mewt. “Il-​ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu,” kiteb l-​għaref Sultan Salamun tal-​qedem. “Iżda l-​mejtin ma jafu xejn; lanqas ħlas ma baqaʼ għalihom għax imqar it-​tifkira tagħhom intesiet.”—Koħèlet 9:5.

Kif turi l-​Bibbja, ir-​realtà taʼ niket hi li l-​mewt “saltnet,” bħal ħakkiem tirann, fuq l-​umanità. Iva, il-​mewt hija l-​aħħar għadu li r-​razza umana għandha bżonn tinħeles minnu. (Rumani 5:14; 1 Korintin 15:26) Il-​ħaddiema tas-​salvataġġ li huma l-​iktar imħarrġin u l-​iktar attrezzati fid-​dinja ma jistgħux jagħtuk ħelsien permanenti. Madankollu, il-​Ħallieq tal-​bniedem, Alla Ġeħova, organizza proprju ħelsien bħal dan.

[Sors tal-istampa f’paġna 3]

Photo by Gene J. Puskar-Pool/Getty Images