Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif il-Mewt taʼ Ġesù Tistaʼ Ssalvak

Kif il-Mewt taʼ Ġesù Tistaʼ Ssalvak

Kif il-​Mewt taʼ Ġesù Tistaʼ Ssalvak

KWAŻI 2,000 sena ilu, fil-​Qbiż Lhudi tas-​sena 33 E.K., raġel innoċenti miet sabiex oħrajn ikunu jistgħu jgħixu. Min kien dan ir-​raġel? Kien Ġesù taʼ Nazaret. U min jistaʼ jibbenefika minn dan l-​att nobbli? Ir-​razza umana kollha. Vers magħruf fil-​Bibbja jiġbor fil-​qosor dan is-​sagrifiċċju li jsalva l-​ħajjiet: “Għax Alla hekk ħabb lid-​dinja li ta lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 3:16, Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija.

Għalkemm ħafna huma familjari maʼ din l-​iskrittura, ftit jifhmu verament it-​tifsir tagħha. Huma jistaqsu: ‘Għala għandna bżonn is-​sagrifiċċju taʼ Kristu? Kif tistaʼ l-​mewt taʼ raġel wieħed teħles lill-​umanità mill-​mewt dejjiema?’ Il-​Bibbja tipprovdi tweġibiet ċari u sodisfaċenti għal dawn il-​mistoqsijiet.

Kif il-​Mewt Bdiet Taħkem fuq ir-​Razza Umana

Xi wħud jemmnu li l-​bnedmin kienu maħluqin biex jgħixu għal ftit żmien fuq l-​art, jgħaddu minn provi, igawdu ftit hena, u mbagħad imutu u jmorru f’post aħjar. Skond dan l-​irraġunar, il-​mewt hija parti mill-​iskop t’Alla għall-​umanità. Madankollu, il-​Bibbja turi li l-​mewt tifni lill-​umanità għal raġuni differenti. Tgħid: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Dan il-​vers juri li n-​nies imutu minħabba d-​dnub. Imma, min hu l-​“bniedem wieħed” li minħabba fih ir-​razza umana ġiet infettata mill-​effetti fatali tad-​dnub?

The World Book Encyclopedia josserva li ħafna mix-​xjenzati jemmnu li l-​bnedmin kollha ġew mill-​istess sors, u l-​Bibbja tidentifika b’mod ċar dan is-​sors wieħed—il-​“bniedem wieħed.” F’Ġenesi 1:27 naqraw: “Alla ħalaq il-​bniedem fuq xbihietu fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom.” Għalhekk, il-​Bibbja tgħid li l-​ewwel koppja umana kienet l-​aqwa fost il-​ħolqien taʼ l-​Alla li Jistaʼ Kollox.

Ir-rakkont tal-​Ġenesi jagħtina iktar dettalji dwar il-​ħajja umana wara li Alla Ġeħova ħalaq l-​ewwel bniedem. Taʼ min jinnota li, fir-​rakkont kollu, Alla ma semmiex il-​mewt ħlief biex juri li din kienet il-​konsegwenza tad-​diżubbidjenza. (Ġenesi 2:16, 17) Hu ried li l-​bnedmin jgħixu f’ġenna sabiħa fuq l-​art, henjin u f’saħħithom għal dejjem. Hu ma ridhomx ibatu l-​effetti tax-​xjuħija u eventwalment il-​mewt. Mela, il-​mewt kif bdiet taħkem fuq l-​umanità kollha?

F’Ġenesi kapitlu 3 nsibu mniżżel kif l-​ewwel koppja umana ddeċidiet minn jeddha li ma tobdix lid-​Donatur tal-​ħajja tagħha, Alla Ġeħova. Minħabba f’hekk, Alla esegwixxa s-​sentenza li hu kien avżahom dwarha minn qabel. Hu qal lir-​raġel: “Trab int, u fit-​trab terġaʼ tmur.” (Ġenesi 3:19) Fi qbil maʼ dak li kien qal Alla, iż-​żewġ bnedmin diżubbidjenti eventwalment mietu.

Madankollu, il-​ħsara ma batithiex biss l-​ewwel koppja umana. Id-​diżubbidjenza tagħhom irrovinat il-​prospett għal ħajja perfetta li setgħu jgawdu d-​dixxendenti tagħhom. Ġeħova kien inkluda fl-​iskop tiegħu lill-​bnedmin li kienu għadhom ma twildux meta qal lil Adam u ’l Eva: “Nisslu u oktru, u imlew l-​art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-​ħut tal-​baħar u t-​tajr taʼ l-​ajru u l-​ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-​art.” (Ġenesi 1:28) Maż-​żmien, il-​familja umana kienet se timla l-​art u tgawdi ħajja verament hienja mingħajr ma tmut. Imma missierhom Adam—il-​“bniedem wieħed”—biegħhom bħala lsiera tad-​dnub, u l-​mewt kienet id-​destin li ma setgħux jaħarbu minnu. L-​appostlu Pawlu, dixxendent taʼ l-​ewwel bniedem, kiteb: “Jien tal-​laħam, mibjugħ lid-​dnub.”—Rumani 7:14.

Sewwasew bħalma l-​vandali rrovinaw xogħlijiet taʼ l-​arti imprezzabbli fi żminijiet reċenti, Adam, minħabba li dineb, irrovina bil-​kbir il-​ħolqien meraviljuż t’Alla—l-​umanità. It-​tfal taʼ Adam kellhom it-​tfal, imbagħad ġew it-​tfal tat-​tfal, eċċetra. Kull ġenerazzjoni li ġiet wara twieldet, kibret, kellha t-​tfal, u mbagħad mietet. Dawn kollha għala mietu? Minħabba li kollha huma dixxendenti taʼ Adam. Il-​Bibbja tgħid: “Bin-​nuqqas taʼ bniedem wieħed mietu ħafna.” (Rumani 5:15) Il-​mard, ix-​xjuħija, it-​tendenza li nagħmlu affarijiet ħżiena, u l-​mewt infisha huma l-​konsegwenzi taʼ niket minħabba t-​tradiment taʼ Adam fuq il-​familja tiegħu. Din il-​familja tinkludi lil kull wieħed u waħda minna.

Fl-ittra tiegħu lill-​Kristjani f’Ruma, l-​appostlu Pawlu kiteb dwar il-​qagħda msejkna tal-​bnedmin imperfetti, inkluż tiegħu, u l-​ġlieda frustranti kontra l-​effetti tad-​dnub. Hu esklama: “Bniedem miżerabbli li jien! Min jeħlisni mill-​ġisem li qed iġarrab din il-​mewt?” Mistoqsija tajba hux tassew? Min kien se jeħles lil Pawlu—u lil dawk kollha li jixxennqu għall-​ħelsien—mill-​jasar tad-​dnub u l-​mewt? Pawlu nnifsu ta t-​tweġiba: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-​Mulej tagħna!” (Rumani 7:14-25) Iva, il-​Ħallieq tagħna għamel provvediment biex jeħlisna permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu.

L-​Irwol taʼ Ġesù fl-​Arranġament t’Alla biex Jeħles lill-​Umanità

Ġesù ddeskriva x’kellu jkun l-​irwol tiegħu f’li jeħles lill-​umanità mill-​jasar qerriedi tad-​dnub. Hu qal: ‘Bin il-​bniedem ġie . . . biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-​kotra.’ (Mattew 20:28, Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija) Il-​ħajja taʼ Ġesù kif isservi bħala fidwa? Il-​mewt tiegħu kif tistaʼ tkun taʼ benefiċċju għalina?

Il-Bibbja tiddeskrivi lil Ġesù bħala li huwa “mingħajr dnub” u li huwa “mifrud mill-​midinbin.” Matul il-​ħajja tiegħu, Ġesù obda perfettament il-​Liġi t’Alla. (Ebrej 4:15; 7:26) Għalhekk, il-​mewt taʼ Ġesù ma kinitx konsegwenza tad-​dnub u d-​diżubbidjenza bħalma kien fil-​każ taʼ Adam. (Eżekjel 18:4) Minflok, Ġesù aċċetta mewta li hu ma kienx jistħoqqlu sabiex ikun jistaʼ jwettaq ir-​rieda taʼ Missieru li jeħles lill-​umanità mid-​dnub u l-​mewt. Bħalma rajna qabel, Ġesù ġie minn rajh “biex jagħti ħajtu b’fidwa.” Bi mħabba li qatt ma kien hawn bħalha fl-​istorja, Ġesù ‘daq il-​mewt għal kull bniedem’ minn rajh.—Ebrej 2:9.

Il-ħajja li ssagrifika Ġesù kienet tiswa eżatt daqs il-​ħajja li tilef Adam meta dineb. X’kien ir-​riżultat tal-​mewt taʼ Ġesù? Ġeħova aċċetta dak is-​sagrifiċċju bħala ‘fidwa ekwivalenti għal kulħadd.’ (1 Timotju 2:6) Fil-​fatt, Alla uża l-​valur tal-​ħajja taʼ Ġesù sabiex jixtri lura, jew jifdi, ir-​razza umana mill-​jasar tad-​dnub.

Il-Bibbja ssemmi dan l-​att hekk kbir taʼ mħabba li sar mill-​Ħallieq tal-​bniedem għal darba wara l-​oħra. Pawlu fakkar lill-​Kristjani li huma kienu “mixtrijin bi prezz.” (1 Korintin 6:20; 7:23) Pietru kiteb li Alla uża d-​demm taʼ Ibnu u mhux id-​deheb jew il-​fidda biex jeħles lill-​Kristjani minn ħajja li twassal għall-​mewt. (1 Pietru 1:18, 19) Permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, Ġeħova għamel arranġament biex ikun jistaʼ jeħles lill-​umanità mid-​destin taʼ mewt dejjiema.

Se Tibbenefika Int mill-​Fidwa taʼ Kristu?

Dwar il-​benefiċċji kollha li tkopri l-​fidwa taʼ Kristu, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “[Ġesù Kristu] hu wkoll sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna, iżda mhux għal dnubietna biss imma wkoll għad-​dnubiet tad-​dinja kollha.” (1 Ġwanni 2:2) Iva, il-​fidwa taʼ Kristu hija disponibbli għall-​umanità kollha. Ifisser dan li awtomatikament kulħadd se jibbenefika minn dan il-​provvediment imprezzabbli? Le. Ftakar fil-​ħelsien li ssemma fl-​artiklu taʼ qabel. Dawk li pprovaw isalvaw lil dawk l-​irġiel li kienu maqbudin fil-​minjiera niżżlulhom gaġġa taʼ salvataġġ, imma kull wieħed minn dawn l-​irġiel kellu jidħol fiha. B’mod simili, dawk li jixtiequ jibbenefikaw mis-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Kristu ma jistgħux sempliċement joqogħdu jistennew il-​barka t’Alla. Huma jridu jieħdu azzjoni.

Liema azzjoni jeħtieġ Alla? Ġwanni 3:36 jgħidilna: “Min jeżerċita l-​fidi fl-​Iben għandu l-​ħajja taʼ dejjem; min ma jobdix lill-​Iben ma jarax il-​ħajja, imma l-​korla t’Alla tibqaʼ fuqu.” Alla jeħtieġ li jkollna fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu. U hemm bżonn iktar minn hekk. “B’dan għandna l-​għarfien li sirna [nafu lil Ġesù], jiġifieri, jekk inkomplu nosservaw il-​kmandamenti tiegħu.” (1 Ġwanni 2:3) Mela, jidher ċar li l-​iktar fatturi importanti biex ninħelsu mid-​dnub u l-​mewt huma li jkollna fidi fil-​fidwa taʼ Kristu u li nobdu l-​kmandi taʼ Kristu.

Mod importanti wieħed kif nistgħu nesprimu l-​fidi fil-​fidwa taʼ Ġesù hu billi nuru apprezzament għall-​mewt tiegħu billi nikkommemorawha, bħalma kkmandana hu. Qabel ma miet, Ġesù kiel ikla simbolika maʼ l-​appostli leali tiegħu, u qalilhom: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova verament jgħożżu l-​ħbiberija tagħhom maʼ l-​Iben t’Alla, u huma jobdu dan il-​kmand. Din is-​sena, it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù Kristu se tiġi osservata s-​Sibt, 22 taʼ Marzu, wara nżul ix-​xemx. Aħna nistidnuk mill-​qalb biex tattendi din il-​laqgħa speċjali bħala turija taʼ l-​ubbidjenza għall-​kmand taʼ Ġesù. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​inħawi taʼ fejn toqgħod int jistgħu jgħidulek x’ħin u fejn se ssir din l-​okkażjoni. Fit-​Tifkira, int se titgħallem iktar dwar dak li hemm bżonn tagħmel sabiex il-​fidwa taʼ Kristu teħilsek mill-​effetti qerrieda tad-​dnub taʼ Adam.

Illum, ftit huma n-​nies li japprezzaw verament is-​sagrifiċċju kbir li għamlu l-​Ħallieq tagħhom u Ibnu sabiex jeħilsuhom mill-​qerda. Dawk li jeżerċitaw fidi fih igawdu minn sors speċjali taʼ hena. L-​appostlu Pietru kiteb dwar sħabu l-​Kristjani: “Qed teżerċitaw il-​fidi fih [f’Ġesù] u qed tithennew bil-​kbir b’ferħ glorifikat li ma jitlissinx, waqt li tirċievu r-​riżultat aħħari tal-​fidi tagħkom, is-​salvazzjoni taʼ ruħkom.” (1 Pietru 1:8, 9) Billi tiżviluppa mħabba għal Ġesù Kristu u fidi fis-​sagrifiċċju tiegħu bħala fidwa, int tistaʼ timla ħajtek b’ferħ issa u tħares ’il quddiem lejn li tkun salvat mid-​dnub u l-​mewt.

[Stampa f’paġna 6]

Ġesù ta ħajtu sabiex ipatti għal dak li tilef Adam

[Stampa f’paġna 7]

It-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù Kristu se tiġi osservata s-​Sibt, 22 taʼ Marzu, 2008, wara nżul ix-​xemx