Ġrajjiet Imbassrin Għal Żmienna
IL-BIBBJA tbassar li s-Saltna t’Alla se ġġib paċi dejjiema u hena fuq l-art. (Danjel 2:44) Fit-Talba tal-Missierna, Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:10) Fil-profezija sinifikanti u magħrufa li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, hu bassar ġrajjiet u kundizzjonijiet speċifiċi li kellhom jiġu immedjatament qabel il-miġja taʼ dik is-Saltna. Flimkien, dawn il-fatturi jifformaw sinjal li se jkun evidentement ċar għall-osservaturi kollha taʼ qalb onesta. Kemm mill-aspetti li ġejjin taʼ dak is-sinjal rajt int personalment?
Gwerer Internazzjonali. Ġesù bassar: “Ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna.” (Mattew 24:7) Qabel l-ewwel gwerra dinjija fl-1914, il-gwerer ma kinux daqshekk mifruxin. L-ewwel gwerra dinjija mhux biss kopriet partijiet kbar mill-globu imma wkoll għaġġlet l-iżvilupp t’armi iktar terribbli minn kwalunkwe arma li l-umanità kienet taf biha. Per eżempju, l-ajruplan li kien għadu kif ġie vvintat ġie użat biex jitfaʼ l-bombi fuq nies innoċenti. Produzzjoni t’armi bil-massa żiedet l-għadd taʼ dawk maqtulin fil-gwerra sa livelli li qabel ma kontx timmaġinahom, hekk kif nofs il-65 miljun suldat li ġġieldu fil-gwerra ġew maqtulin jew midrubin. Madankollu, hekk kif is-seklu 20 mexa ’l quddiem, il-qtil żdied. Studjuż taʼ l-istorja qal li aħna qatt ma nistgħu nkunu nafu eżatt kemm suldati u nies innoċenti mietu minħabba t-tieni gwerra dinjija. U l-gwerer ikomplu saħansitra issa.
Ġuħ Mifrux maʼ Kullimkien. “Ikun hemm nuqqas taʼ ikel,” bassar Ġesù. (Mattew 24:7) Fl-2005, ir-rivista Science qalet: “Hemm 854 miljun ruħ fid-dinja (madwar 14 fil-mija mill-popolazzjoni tagħna) li huma malnutriti kronikament jew serjament għal żmien qasir.” Fl-2007, sors tal-Ġnus Magħquda rrapporta li 33 pajjiż m’għandhomx ikel biżżejjed biex jitimgħu n-nies tagħhom. Kif jistaʼ jkun dan, meta l-produzzjoni tal-qamħ tad-dinja qed tiżdied? Raġuni waħda hi li r-rabaʼ u l-qamħ li jistgħu jintużaw biex jitimgħu n-nies minflok qed jintużaw biex jipproduċu fuel għall-vetturi. “L-ammont taʼ qamħ meħtieġ biex vettura kbira li tingrana fuq erbaʼ roti (SUV) timtelaʼ darba biss bil-fuel jistaʼ jitmaʼ bniedem għal sena sħiħa,” tirrapporta l-gazzetta The Witness taʼ l-Afrika t’Isfel. Ukoll f’pajjiżi żviluppati, iż-żjieda fil-prezzijiet taʼ l-ikel iġġiegħel lil ħafna jagħżlu bejn li jkollhom l-ikla prinċipali jew li jħallsu għal neċessitajiet oħrajn, bħalma huma l-mediċini jew is-sistemi tas-sħana.
Terremoti Kbar. Ġesù qal: “Ikun hemm terremoti kbar.” (Luqa 21:11) Jekk jidhirlek li llum iktar nies minn qatt qabel qed jiġu effettwati mit-terremoti, għandek raġun. “F’daqqa waħda, qed naraw żjieda fl-attività sismika globalment,” osserva s-sismologu Indjan R. K. Chadha fl-2007. “Ħadd ma jaf għala.” Iktar minn hekk, tkabbir mgħaġġel tal-popolazzjoni fi nħawi suġġetti għat-terremoti żied l-imwiet minħabba dawn id-diżastri. It-terremot li laqat l-Oċean Indjan fl-2004 u t-tsunami li segwih għamlu dik is-sena l-“iktar waħda li rat imwiet permezz taʼ terremoti fi kważi 500 sena” u “t-tieni l-iktar fatali fl-istorja rekordjata,” skond l-Istħarriġ Ġeoloġiku taʼ l-Istati Uniti.
Mard li Ma Jistax Jiġi Kontrollat. “Ikun hemm . . . mard li jittieħed,” bassar Ġesù. (Luqa 21:11) Madwar il-globu, mard li ilu u mard ġdid qed imarrdu saħansitra iktar nies, u hu diffiċli biex issib kura għalihom. Per eżempju, il-progress tal-miri internazzjonali biex il-malarja tinqered għalkollox kellu jnaqqas il-pass ripetutament hekk kif il-marda għadha ma tistax tiġi kontrollata mill-bniedem. Barra minn hekk, miljuni jiġu maqtulin minn mard li ilu, inkluż it-tuberkulosi (TB) li issa qed tinfirex daqs l-AIDS u mard ġdid ieħor. “Terz mill-popolazzjoni tad-dinja bħalissa hija infettata bil-baċillu tat-TB,” tirrapporta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. L-organizzazzjoni tirrapporta wkoll li l-HIV qed tikkontribwixxi għall-epidemiji tat-TB f’ħafna pajjiżi. Kull sekonda, persuna oħra qed tiġi infettata bit-TB, u t-TB qed tiżviluppa iktar reżistenza għall-kura bil-mediċina. Fl-2007, pazjent fl-Ewropa nstab li kellu t-TB li kienet “reżistenti għal kull mediċina li għandna,” tirrapporta r-rivista New Scientist.
Kollass Morali u Soċjali. “Minħabba li jiżdied il-ħażen tibred l-imħabba tal-biċċa l-kbira min-nies,” qal Ġesù. (Mattew 24:12) Minbarra dak li bassar Ġesù, l-appostlu Pawlu rrefera bil-quddiem għal kollass fil-valuri soċjali u morali. Hu ddeskriva “l-aħħar jiem” diffiċli li kellhom jiġu eżatt qabel ma s-Saltna t’Alla teqred din is-sistema dinjija. “In-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija, diżubbidjenti lejn il-ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla, ikollhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-fatti l-qawwa tagħha.” (2 Timotju 3:1-5) Ma taħsibx li n-nies qed juru dawn il-karatteristiki ħżiena iktar minn qabel?
Ġesù u Pawlu ma kitbux il-fatturi storiċi, soċjali, u politiċi kollha li jaħtu għal dawn il-kundizzjonijiet tad-dinja. Minkejja dan, il-profeziji tagħhom bassru b’mod preċiż il-ġrajjiet u l-attitudnijiet li qed naraw illum. Xi ngħidu għall-futur? Il-profezija taʼ Isaija bassret il-miġja tal-Messija b’mod li tistaʼ tafdah u ddeskriviet il-bidliet taʼ benefiċċju li s-Saltna t’Alla se ġġib fuq l-art. Ejja nikkunsidraw dawn fl-artiklu li jmiss.
[Stampa f’paġna 6]
“Ġens iqum kontra ġens”
[Stampa f’paġna 7]
“Ikun hemm . . . mard li jittieħed”
[Sors]
© WHO/P. Virot