Dmugħ fi Flixkun tal-Ġild
IŻ-ŻAGĦŻUGĦ kien qed jaħrab. Maħkum mill-biżaʼ u mnikket, u b’għajnejh ileqqu bid-dmugħ, hu talab għall-qalb tajba u l-mogħdrija t’Alla, Ġeħova, billi bil-ħrara qallu: “Poġġi fi flixkun tal-ġild id-dmugħ tiegħi.” (Salm 56:8) Dan ir-raġel kien David, li iktar tard kellu jsir sultan taʼ Israel. Imma x’kien il-flixkun tal-ġild li rrefera għalih, u kif jistaʼ Alla jpoġġi d-dmugħ tagħna fih?
David kien jaf tajjeb x’inhu flixkun tal-ġild. Dan kien reċipjent li jintuża biex jinżamm fih l-ilma, iż-żejt, l-inbid, jew saħansitra l-butir. In-nomadi tas-Saħara, bħat-Tuareg, għadhom jużaw il-fliexken tal-ġild, li huma magħmulin mill-ġilda tal-mogħża jew tan-nagħġa kollha kemm hi. Fliexken bħal dawn jistgħu jżommu kwantitajiet kbar taʼ ilma, jiddependi mill-kobor taʼ l-annimal. Il-fliexken tal-ġild huma magħrufin li jżommu l-ilma frisk, saħansitra fis-sħana qawwija tax-xemx fid-deżert. Fil-passat, ġeneralment dawn kienu jiġu trasportati mill-ħmir jew mill-iġmla. Illum, int tistaʼ anki tara wieħed minn dawn il-fliexken imdendel maʼ quddiem tal-vetturi li jinsaqu fuq kull tip t’art.
Il-kliem taʼ David li jmiss il-qalb dwar il-flixkun tal-ġild jistaʼ jkollu tifsir għalina wkoll. Kif? Tajjeb, il-Bibbja tispjega li Satana qed jikkontrolla din id-dinja u li għandu “rabja kbira” fi żmienna. B’riżultat taʼ dan, l-art qed tesperjenza niket kbir. (Rivelazzjoni 12:12) Għal din ir-raġuni, bħal David, hemm ħafna li qed jiffaċċjaw tbatija emozzjonali, mentali, jew fiżika—speċjalment dawk li qed jipprovaw jogħġbu lil Alla. Qiegħed dan jiddeskrivi lilek? Bil-kuraġġ, “saħansitra bil-biki,” nies leali bħal dawn qatt ma jieqfu jipprovaw jgħixu ħajja taʼ integrità. (Salm 126:6) Jistgħu jkunu ċerti li Missierhom tas-sema mhux biss jara l-provi li jiffaċċjaw imma wkoll il-mod kif iħossuhom minħabba fihom. Hu jifhem verament l-uġigħ li qed inikket lill-qaddejja tiegħu u b’mogħdrija jiftakar id-dmugħ u n-niket tagħhom, billi b’mod figurattiv jerfagħhom fil-flixkun tiegħu tal-ġild.