Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

Għala n-​nies jgħidu “ammen” meta jispiċċaw talba?

Il-​kelma “ammen,” kemm bl-​Ingliż u kemm bil-​Grieg, hija traduzzjoni letterali taʼ amen bl-​Ebrajk. L-​espressjoni, li s-​soltu tintqal f’unità minn semmiegħa wara xi talba, ħalfa, barka, jew saħta, bażikament tfisser “hekk ikun,” jew “dażgur.” Min jgħidha juri li hu fi qbil mas-​sentimenti li jkunu għadhom kif tlissnu. Skont xogħol taʼ referenza, “il-​kelma timplika ċertezza, verità, fedeltà, u nuqqas taʼ kull dubju.” Fi żminijiet Bibliċi, il-​fatt li wieħed jgħid “ammen” wara ħalfa jew patt kien jitqies bħala li jaqbel miegħu legalment kif ukoll li jaqbel li jbati l-​konsegwenzi jekk il-​patt ma jitwettaqx.—Dewteronomju 27:15-26.

Ġesù beda ftit mill-​istqarrijiet tiegħu bil-​kelma “ammen” meta kien jipprietka u jgħallem. Billi għamel dan, hu enfasizza kemm wieħed għandu jafda assolutament dak li kien se jgħid. F’dawn id-​drabi, il-​kelma Griega amen hi tradotta “tassew.” (Mattew 5:18; 6:2, 5; Għaqda Biblika Maltija) Meta qal il-​kelma darbtejn, bħalma hu fil-​każ tul l-​Evanġelju taʼ Ġwanni kollu, l-​espressjoni taʼ Ġesù hi tradotta “tassew tassew.” (Ġwanni 1:51) Jintqal li dan l-​użu taʼ ammen minn Ġesù hu uniku fil-​letteratura sagra.

Fl-Iskrittura Griega Kristjana, it-​titlu “Amen” hu applikat għal Ġesù biex jindika li x-​xhieda tiegħu hi “leali u veru.”—Rivelazzjoni 3:14.

X’Kienu l-​Urim u t-​Tummim?

Jidher li l-​Urim u t-​Tummim kienu użati f’Israel tal-​qedem biex isir magħruf x’kienet ir-​rieda taʼ Ġeħova fi kwistjonijiet li kkonċernaw lin-​nazzjon jew lill-​mexxejja tiegħu. Dawn l-​oġġetti kienu fdati f’idejn il-​qassis il-​kbir u kienu jinżammu fil-​but tal-​“pettoral tal-​ġudizzju.” (Eżodu 28:15, 16, 30) Għalkemm l-​Iskrittura qatt ma tiddeskrivi dawn l-​oġġetti jew il-​metodu eżatt tal-​użu tagħhom, siltiet differenti jagħtuna x’nifhmu li dawn kienu jintużaw bħala xorti li tirriżulta jew fi tweġiba taʼ “iva” jew fi tweġiba taʼ “le,” jew mingħajr ebda tweġiba mingħand Alla.

Eżempju wieħed taʼ użu bħal dan kien meta David ried lil Abjatar iġiblu dak li fil-​fatt kien l-​efod tal-​qassis il-​kbir li kien fih l-​Urim u t-​Tummim. David għamel żewġ mistoqsijiet lil Ġeħova: ‘Se jinżel Sawl għalija?’ u ‘Tgħid sidien l-​art taʼ Kejla se jagħtuni f’idu?’ It-​tweġiba għaż-​żewġ mistoqsijiet kienet iva, u b’hekk David setaʼ jieħu deċiżjonijiet xierqa.—1 Samwel 23:6-12.

Qabel dan, is-​Sultan Sawl uża l-​Urim u t-​Tummim biex jiddetermina l-​ewwel, jekk il-​ħtija kinitx tal-​poplu jew tiegħu u taʼ Ġonatan u t-​tieni, biex jara jekk hu jew inkella ibnu kienx il-​wieħed li għamel l-​offiża. (1 Samwel 14:40-42) Iktar tard meta Sawl tilef l-​approvazzjoni divina, Alla ma baqaʼ jiggwidah “la bil-​ħolm, la bl-​Urim, u lanqas bil-​profeti.”—1 Samwel 28:6.

Skont it-​tradizzjoni Lhudija, l-​użu tal-​Urim u t-​Tummim spiċċa meta nqered it-​tempju taʼ Ġeħova fis-​sena 607 Q.E.K.

[Stampa f’paġna 32]

“Amen,” Rivelazzjoni 3:14. Il-​Manuskritt Alessandrin, il-​ħames seklu E.K.