Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġesù u Missieru b’Liema Mod Huma Ħaġa Waħda?

Ġesù u Missieru b’Liema Mod Huma Ħaġa Waħda?

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu

Ġesù u Missieru b’Liema Mod Huma Ħaġa Waħda?

“Jien u l-​Missier ħaġa waħda,” qal Ġesù. (Ġwanni 10:30) Xi wħud jikkwotaw dan il-​vers biex juru li Ġesù u Missieru huma żewġ persuni mit-​Trinità. Hekk ried ifisser Ġesù b’dan il-​kliem?

Ejja nagħtu daqqa taʼ għajn lejn il-​kuntest. Fil-​vers 25, Ġesù qal li hu għamel għemejjel f’isem Missieru. Minn vers 27 sa 29 tkellem dwar nagħaġ simboliċi li kienu ngħatawlu minn Missieru. Iż-​żewġ stqarrijiet minn Ġesù ma tantx kienu jagħmlu sens għas-​semmiegħa tiegħu li kieku hu u Missieru kienu l-​istess persuna. Minflok, Ġesù ried ifisser, ‘Jien u Missieri tant aħna magħqudin flimkien li ħadd ma jistaʼ jiħodli n-​nagħaġ, sewwasew bħalma ħadd ma jistaʼ jiħodhom mingħand Missieri.’ Dan jistaʼ jitqabbel maʼ iben li qed jgħid lill-​għadu taʼ missieru, ‘Jekk tattakka lil missieri, tattakka lili.’ Ħadd ma kien se jikkonkludi li dan l-​iben u missieru kienu l-​istess persuna. Imma kulħadd setaʼ jara r-​rabta b’saħħitha taʼ unita li għandhom bejniethom.

Ġesù u Missieru, Alla Ġeħova, huma wkoll “ħaġa waħda” fis-​sens li huma jaqblu għalkollox f’dawk li huma intenzjonijiet, livelli, u valuri. B’kuntrast maʼ Satana x-​Xitan u l-​ewwel koppja umana, Adam u Eva, Ġesù qatt ma ried ikun indipendenti minn Alla. “L-​Iben ma jistaʼ jagħmel xejn minn rajh, imma jagħmel biss dak li jara lill-​Missier jagħmel,” spjega Ġesù. “Għax kulma jagħmel il-​Missier, jagħmlu wkoll l-​Iben bl-​istess mod.”—Ġwanni 5:19; 14:10; 17:8.

Madankollu, din ir-​rabta b’saħħitha taʼ unità ma tfissirx li Alla u Ibnu, Ġesù, ma jintgħarfux minn xulxin. Huma żewġ individwi. Kull wieħed minnhom għandu l-​personalità distinta tiegħu. Ġesù għandu s-​sentimenti, il-​ħsibijiet, l-​esperjenzi, u l-​libertà tal-​għażla tiegħu stess. Minkejja dan, hu għażel li jissottometti ruħu għar-​rieda taʼ Missieru. Skont Luqa 22:42, Ġesù qal: “Ħa sseħħ ir-​rieda tiegħek u mhux tiegħi.” Dan il-​kliem ma kien ifisser xejn li kieku r-​rieda tiegħu ma setgħetx tkun differenti minn dik taʼ Missieru. Jekk Ġesù u Missieru kienu tassew persuna waħda, Ġesù għala talab lil Alla u ammetta umilment li ma kienx jaf xi affarijiet li Missieru biss kien jafhom?—Mattew 24:36.

Membri taʼ ħafna reliġjonijiet iqimu lil allat li jiġu deskritti bħala li qed jillitikaw u jiġġieldu mal-​membri tal-​familja tagħhom stess. Pereżempju, fil-​mitoloġija Griega, Kronus għeleb lil missieru, Uranju, u belaʼ lil uliedu stess. Kemm hu differenti dan mill-​għaqda bbażata fuq l-​imħabba vera bejn Alla Ġeħova u Ibnu, Ġesù! U kemm tagħmilhom għeżież għalina din l-​unità! Fil-​fatt, aħna għandna l-​privileġġ li ma jitqabbel maʼ xejn li qegħdin f’unjoni maʼ dawn iż-​żewġ Persuni li huma l-​ogħla fl-​univers kollu. Dwar is-​segwaċi tiegħu, Ġesù talab: ‘Nitlob ħalli jkunu lkoll ħaġa waħda, sabiex bħalma int, Missier, f’unjoni miegħi u jien f’unjoni miegħek, huma wkoll ikunu f’unjoni magħna.’—Ġwanni 17:20, 21.

B’hekk, meta Ġesù qal, “Jien u l-​Missier ħaġa waħda,” ma kienx qed jitkellem dwar xi Trinità misterjuża, imma dwar unità meraviljuża—l-​iktar rabta mill-​qrib possibbli bejn żewġ persuni.