Il-Ħames Ħrafa: Marija Hi Omm Alla
Kif bdiet il-ħrafa?
“Il-qima lil omm Alla ħadet spinta meta . . . l-mases pagani daħlu fil-knisja. . . . Id-devozzjoni u t-twemmin reliġjuż tagħhom [dak tal-pagani li kkonvertew għall-Kristjanità] kienu ilhom jiġu fformati għal eluf taʼ snin permezz tal-kult tal-alla mara ‘l-omm il-kbira’ u tal-‘verġni divina.’”—The New Encyclopædia Britannica (1988), Volume 16, paġni 326 u 327.
Il-Bibbja x’tgħid?
“Inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. . . . U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.”—Korsiv tagħna; Luqa 1:31-35, Għaqda Biblika Maltija.
Din is-silta mill-Iskrittura tgħid b’mod ċar li Marija kienet omm “Bin Alla,” mhux omm Alla nnifsu. Setgħet hi ġġorr ġo fiha l-Wieħed li ‘s-smewwiet infushom ma jesgħuhx’? (1 Slaten 8:27) Hi qatt ma sostniet dan. Huwa t-tagħlim dwar it-Trinità li ħoloq it-taħwid dwar l-identità taʼ Marija. Billi sejħilha Teotokos (kelma Griega li tfisser “dik li wildet lil Alla”), jew “Omm Alla,” il-Konċilju taʼ Efesu, fis-sena 431 E.K., ħejja t-triq għall-qima lil Marija. Il-belt taʼ Efesu, fejn inżamm dan il-konċilju tal-knisja, kienet għal sekli sħaħ fiċ-ċentru tal-qima lil idoli, tiċċelebra l-festa taʼ Artemi, l-alla mara tal-fertilità.
Minħabba f’hekk ġara li ħafna aspetti mill-qima li kienu jagħtu lix-xbieha taʼ Artemi li “waqgħet mis-sema,” bħalma huma l-purċissjonijiet, iddaħħlu fil-qima lil Marija. (Atti 19:35) Prattika oħra li daħlet baxx baxx fit-tagħlim Kristjan kienet l-użu tax-xbihat taʼ Marija u taʼ oħrajn fil-qima.
Qabbel dawn il-versi Bibliċi: Mattew 13:53-56; Marku 3:31-35; Luqa 11:27, 28
FATT:
Marija kienet omm Bin Alla, mhux omm Alla nnifsu. Il-ħrafa tat-Trinità tat bidu għall-qima lil Marija bħala li hi Omm Alla