Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Imħallef li Hu Sod Għal Dak li Hu Sewwa

Imħallef li Hu Sod Għal Dak li Hu Sewwa

Ersaq Qrib Lejn Alla

Imħallef li Hu Sod Għal Dak li Hu Sewwa

Numri 20:2-​13

L-​IMĦALLFIN umani kultant jaqtgħu sentenzi li huma inġusti jew ħorox iżżejjed; imma Ġeħova mhuwiex hekk, għax hu “jħobb il-​ġustizzja.” (Salm 37:28) Għalkemm hu paċenzjuż, ma jħallix kollox għaddej. Hu sod għal dak li hu sewwa. Ikkunsidra kif aġixxa meta nqalgħet ġlieda u ribelljoni, bħalma naqraw f’Numri kapitlu 20.

Lejn it-​tmiem tal-​vjaġġ tagħhom fix-​xagħri, l-​Israelin iffaċċjaw nuqqas taʼ ilma. a In-​nies bdew jargumentaw maʼ Mosè u Aron billi qalulhom: “Għala ġibtu l-​kongregazzjoni taʼ Ġeħova f’dan ix-​xagħri biex aħna u l-​bhejjem tat-​tagħbija tagħna mmutu hawnhekk?” (Vers 4) In-​nies gergru li x-​xagħri kien “post mill-​agħar” li ma kellu “la tin, la dwieli, [u lanqas] rummien,” l-​istess frott li l-​ispiji Israelin ġabu mill-​Art Imwiegħda ħafna snin qabel, u lanqas ma kellhom ‘ilma x’jixorbu.’ (Vers 5; Numri 13:23) Huma kienu bażikament qed jagħtu t-​tort lil Mosè u Aron għall-​fatt li x-​xagħri ma kienx bħall-​art mimlija frott li l-​ġenerazzjoni li tgerger taʼ qabilhom m’aċċettatx li tidħol fiha.

Ġeħova ta kas it-​tgergir tan-​nies. Għalhekk, qal lil Mosè biex jagħmel tliet affarijiet: jieħu l-​ħatar, jiġmaʼ n-​nies, u ‘jkellem lill-​blata quddiem għajnejhom u din trid tagħti l-​ilma tagħha.’ (Vers 8) Mosè obda l-​ewwel żewġ affarijiet li ordnalu Ġeħova imma naqas li jobdi t-​tielet ħaġa. Minflok ma kellem lill-​blata b’fidi f’Ġeħova, hu mtela bl-​imrar u qal lin-​nies: “Isimgħu, issa, ja ribelli! Minn din il-​blata triduna noħorġulkom l-​ilma?” (Vers 10; Salm 106:32, 33) Imbagħad, Mosè ħabbat darbtejn fuq il-​blata, “u beda ħiereġ ħafna ilma.”—Vers 11.

B’hekk, Mosè flimkien m’Aron dinbu serjament. “Intom irribellajtu kontra l-​ordni tiegħi,” qalilhom Alla. (Numri 20:24) Billi ħaduha kontra l-​ordni t’Alla f’dan il-​każ, Mosè u Aron saru dak li akkużaw lin-​nies bih—ribelli. Il-​ġudizzju t’Alla kien ċar: Mosè u Aron ma kellhomx idaħħlu lil Israel fl-​Art Imwiegħda. Kien dan il-​ġudizzju aħrax iżżejjed? Le, għal għadd taʼ raġunijiet.

L-​ewwel, Alla ma qalx lil Mosè biex ikellem lin-​nies, aħseb u ara jiġġudikahom bħala ribelli. It-​tieni, Mosè u Aron naqsu milli jigglorifikaw lil Alla. Alla qalilhom li ma qaddsuhx. (Vers 12) Billi qal: “Triduna noħorġulkom l-​ilma,” Mosè tkellem bħallikieku kienu hu u Aron li pprovdew l-​ilma b’miraklu u mhux Alla. It-​tielet, il-​ġudizzju kien konsistenti maʼ ġudizzji oħrajn li saru qabel. Alla ma ħalliex lill-​ġenerazzjoni ribelluża taʼ qabel tidħol f’Kangħan, għalhekk għamel l-​istess maʼ Mosè u Aron. (Numri 14:22, 23) Ir-​rabaʼ, Mosè u Aron kienu l-​mexxejja taʼ Israel. Dawk li għandhom ħafna responsabbiltà għandhom kont akbar x’jagħtu lil Alla.—Luqa 12:48.

Ġeħova hu sod għal dak li hu sewwa. Minħabba li jħobb il-​ġustizzja, ma jistax jagħmel ġudizzji inġusti. B’mod ċar, Imħallef bħal dan jistħoqqlu l-​fiduċja u r-​rispett tagħna.

[Nota taʼ taħt]

a Wara l-​Eżodu mill-​Eġittu, l-​Israelin kienu lesti biex jidħlu f’Kangħan, l-​art li Alla wiegħed lil Abraham. Iżda meta għaxar spiji ġabu rapport ħażin, in-​nies gergru kontra Mosè. B’hekk, Ġeħova stqarr li kellhom iqattgħu 40 sena fix-​xagħri—żmien biżżejjed biex il-​ġenerazzjoni ribelluża tmut.