Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Bibbja—Storja Rimarkevoli taʼ Kif Baqgħet Teżisti

Il-Bibbja—Storja Rimarkevoli taʼ Kif Baqgħet Teżisti

IL-BIBBJA hija l-iktar ktieb imqassam fl-istorja—huwa stmat li diġà tqassmu 4.8 biljun kopja. Fl-2007 biss, ġew stampati iktar minn 64,600,000 kopja. Il-kobor taʼ dan in-numru jidher meta jitqabbel mal-ewwel stampar tal-iktar rumanz popolari dik is-sena, li kien taʼ 12-il miljun kopja fl-Istati Uniti.

Biex saret l-iktar ktieb pubblikat fid-dinja, il-Bibbja għelbet ħafna perikli. Matul l-istorja ġiet projbita u maħruqa, u dawk li ttraduċewha ġew maħqurin u maqtulin. Però, waħda mill-iktar theddid għall-eżistenza kontinwa tal-Bibbja ma kinitx il-persekuzzjoni qalila fuq dawk li pprovaw jużawha u jħarsuha, imma l-proċess taʼ tmermir bil-mod il-mod. Għala?

Il-Bibbja hija ġabra taʼ 66 ktieb żgħir; l-eqdem fosthom inkitbu jew inġabru iktar minn 3,000 sena ilu minn membri tal-ġens taʼ Israel. Il-kittieba oriġinali u dawk li kkopjaw it-test kitbu l-messaġġi ispirati fuq materjal li jispiċċa, bħall-papiru u l-ġilda. Ebda waħda mill-kitbiet oriġinali għadha ma ġiet skoperta. Imma nstabu eluf taʼ kopji tal-qedem taʼ sezzjonijiet kbar u żgħar tal-kotba tal-Bibbja. Fdal minn wieħed minn dawn il-kotba, l-Evanġelju taʼ Ġwanni, imur lura għal ftit għaxriet taʼ snin biss mindu l-appostlu Ġwanni kiteb id-dokument oriġinali.

“Il-kitba tal-Bibbja Ebrajka [t-Testment il-Qadim] ġiet trasmessa b’eżattezza straordinarja u hi bla paragun fil-letteratura klassika Griega u Latina.”—Il-Professur Julio Trebolle Barrera

Għala hu rimarkevoli li baqgħu jeżistu dawn il-kopji tal-Bibbja? U Bibbji moderni kemm jirriflettu b’mod eżatt il-messaġġi miktubin mill-kittieba oriġinali?

X’Sar Minnhom Dokumenti Oħrajn tal-Qedem?

Il-fatt li l-Bibbja baqgħet teżisti huwa straordinarju meta nqisu x’sar mill-kitbiet tal-ġnus li kienu jgħixu fl-istess żmien tal-Israelin. Pereżempju, il-Feniċi kienu ġirien tal-Israelin matul l-ewwel millennju Q.E.K. Dawn il-baħħara negozjanti firxu l-mod kif kienu jiktbu bl-alfabet madwar il-Mediterran kollu. Ukoll, kienu jieħdu vantaġġ minn negozju estensiv tal-papiru mal-Eġittu u d-dinja Griega. Minkejja dan, ir-rivista National Geographic tgħid hekk dwar il-Feniċi: “Il-kitbiet tagħhom, li l-biċċa l-kbira minnhom saru fuq papiru fraġli, tmermru—u b’hekk dak li nafu issa dwar il-Feniċi ġie l-iktar mir-rapporti preġudikati tal-għedewwa tagħhom. Għalkemm il-Feniċi nfushom milli jidher kellhom abbundanza taʼ letteratura, din intilfet għalkollox ħafna żmien ilu.”

Xi ngħidu dwar il-kitbiet tal-Eġizzjani tal-qedem? Is-simboli li naqqxu jew pinġew fuq il-ħitan tat-tempji u postijiet oħrajn huma magħrufin sew. L-Eġizzjani huma famużi wkoll għall-iżviluppar tal-papiru bħala materjal għall-kitba. Madankollu, rigward dokumenti Eġizzjani miktubin fuq il-papiru, K. A. Kitchen, studjuż dwar l-Eġittu tal-qedem, jgħid: “Ġie kalkulat li xi 99 fil-mija mill-kitba kollha fuq il-papiri minn madwar is-sena 3000 sal-bidu taż-żminijiet Griegi-Rumani spiċċat għalkollox.”

Xi ngħidu għad-dokumenti Rumani li nkitbu fuq il-papiru? Ikkunsidra dan l-eżempju. Skont il-ktieb Roman Military Records on Papyrus, is-suldati Rumani milli jidher kienu jitħallsu tliet darbiet fis-sena, u kien isir rekord tal-ħlas fuq karti tal-papiru. Huwa stmat li matul it-300 sena minn Awgustu (27 Q.E.K.–14 E.K.) sa Dijoklezjanu (284-305 E.K.), kien hemm 225,000,000 dokument taʼ ħlas individwali. Kemm minnhom baqgħu jeżistu? Tnejn biss instabu li jistgħu jinqraw.

Għala baqgħu jeżistu daqshekk ftit dokumenti tal-qedem miktubin fuq il-papiru? Materjal li jispiċċa, bħall-papiru u l-ġilda, materjal ieħor komuni għall-kitba, jitmermer malajr fi klima umduża. The Anchor Bible Dictionary jgħid: “Minħabba l-klima, dokumenti tal-papiru minn dan il-perijodu [l-ewwel millennju Q.E.K.] x’aktarx li jiġu preservati biss jekk ikunu f’deżert niexef u f’għar jew post taʼ kenn.”

Xi Ngħidu għad-Dokumenti Bibliċi?

Il-kotba oriġinali tal-Bibbja milli jidher inkitbu fuq materjal fraġli bħal dak li ntuża mill-Feniċi, l-Eġizzjani, u r-Rumani. Allura, il-materjal li hemm fil-Bibbja għala baqaʼ jeżisti u sar l-iktar ktieb pubblikat fid-dinja? Il-professur James  L. Kugel jagħti raġuni waħda. Hu jgħid li l-kitbiet oriġinali ġew ikkopjati “ħafna u ħafna drabi saħansitra matul il-perijodu bibliku stess.”

Traduzzjonijiet moderni tal-Bibbja kif jitqabblu maʼ manuskritti tal-qedem? Il-Professur Julio Trebolle Barrera, membru tat-tim taʼ esperti responsabbli għall-istudju u l-ippubblikar tal-manuskritti tal-qedem magħrufin bħala l-Iskrolli tal-Baħar il-Mejjet, jgħid: “Il-kitba tal-Bibbja Ebrajka ġiet trasmessa b’eżattezza straordinarja u hi bla paragun fil-letteratura klassika Griega u Latina.” F. F. Bruce, studjuż tal-Bibbja rispettat, jgħid: “Hemm evidenza ħafna akbar għall-kitbiet tagħna tat-Testment il-Ġdid milli hemm għal ħafna kitbiet taʼ awturi klassiċi; però ħadd qatt ma jiddubita l-awtentiċità taʼ dawn il-kitbiet klassiċi.” Hu jkompli: “Li kieku t-Testment il-Ġdid kien ġabra taʼ kitbiet sekulari, il-biċċa l-kbira mill-esperti kienu jaċċettaw l-awtentiċità tagħhom mingħajr ebda dubju.” Ċertament, il-Bibbja hija ktieb rimarkevoli. Twarrab int il-ħin biex taqraha kuljum?—1 Pietru 1:24, 25.