Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeremija Ma Qatax Qalbu

Ġeremija Ma Qatax Qalbu

Għallem Lil Uliedek

Ġeremija Ma Qatax Qalbu

ĠIELI tiskuraġġixxi ruħek u tħoss li għandek tieqaf?— * Ħafna hekk iħossuhom. Anki ż-​żagħżugħ Ġeremija. Però, hu ma ħalliex il-​kliem jew l-​aġir t’oħrajn iġiegħlu jaqtaʼ qalbu. Ejja naraw kif Ġeremija kien xi ħadd speċjali għal Alla, u madankollu hu saħansitra ħass li għandu jieqaf.

Qabel ma twieled Ġeremija, l-​Alla l-​veru, Ġeħova, għażlu biex ikun profeta ħalli jwissi lin-​nies li ma kinux qed jogħġbu lil Alla. Taf x’qallu Ġeremija lil Ġeħova snin wara?— “Jien ma nafx nitkellem, għax m’iniex ħlief naqra taʼ tifel.”

Kif taħseb li wieġbu Ġeħova lil Ġeremija?— Bil-​ħlewwa imma b’mod sod, hu qal: “Tgħidx, ‘M’iniex ħlief naqra taʼ tifel.’ Imma mur għand kulmin se nibagħtek; u tkellem kulma nikkmandak. Tibżax.” Għala le? “Jien miegħek biex neħilsek,” qal Ġeħova.—Ġeremija 1:4-​8.

Xorta waħda, bħalma rajna qabel, Ġeremija iktar tard skuraġġixxa ruħu. Dan kien minħabba li ġie mwaqqaʼ għaċ-​ċajt għax kien jaqdi lil Alla. ‘Il-​jum kollu kulħadd jidħaq bija u jwaqqagħni għaċ-​ċajt,’ qal hu. Għalhekk, iddeċieda li jieqaf. “M’iniex se nsemmih iktar [lil Ġeħova], u ma nitkellimx iżjed f’ismu,” qal hu. Imma waqaf tassew?

‘F’qalbi,’ qal Ġeremija, ‘il-​kelma taʼ Ġeħova kienet bħal nar jaqbad magħluq f’għadmi; u għejejt inżommha fija.’ (Ġeremija 20:7-​9) Avolja Ġeremija kultant sar beżgħan, imħabbtu għal Ġeħova ma ħallitux jaqtaʼ qalbu. Ejja naraw kif Ġeremija ġie protett għax ma qatax qalbu.

Ġeħova qal lil Ġeremija biex iwissi lin-​nies li Ġerusalemm se tinqered jekk ma jbiddlux il-​modi ħżiena tagħhom. Meta Ġeremija ta din it-​twissija, in-​nies irrabjaw u qalu: “Dan ir-​raġel ħaqqu l-​mewt.” Madankollu, Ġeremija talabhom bil-​ħrara biex ‘jobdu minn leħen Ġeħova.’ Imbagħad hu qal: ‘Għandkom tkunu tafu li jekk toqtluni, tkunu qed toqtlu raġel innoċenti, għax Alla bagħatni biex inkellimkom.’ Taf x’ġara wara?—

Il-​Bibbja tgħid: “Il-​prinċpijiet u l-​poplu kollu qalu lill-​qassisin u lill-​profeti: ‘Dan ir-​raġel ma ħaqqux imut, għax f’isem Ġeħova Alla tagħna kellimna.’” Għalhekk, meta Ġeremija ma ħalliex il-​biżaʼ jaqtagħlu qalbu, Ġeħova pproteġieh. Ejja issa naraw x’ġara lil Urijah, profeta ieħor taʼ Ġeħova, li aġixxa pjuttost b’mod differenti.

‘Urijah baqaʼ jipprofetizza kontra Ġerusalemm bl-​istess kliem li qal Ġeremija,’ tgħid il-​Bibbja. Imma meta s-​Sultan Ġeħojakim irrabja m’Urijah, taf x’għamel Urijah?— Hu sar beżgħan, waqaf milli jagħmel ir-​rieda t’Alla, u ħarab lejn l-​Eġittu. Għalhekk, is-​sultan bagħat xi rġiel hemmhekk biex isibuh u jġibuh lura. Meta għamlu hekk, taf x’għamel is-​sultan ħażin?— Qatel lil Urijah bis-​sejf!—Ġeremija 26:8-​24.

Għala taħseb li Ġeremija kien protett minn Ġeħova, u Urijah ma kienx?— Veru, Ġeremija forsi kien beżgħan, bħalma kien Urijah, imma Ġeremija ma waqafx milli jaqdi lil Ġeħova u ma ħarabx. Hu ma qatax qalbu. Liema lezzjoni taħseb li nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġeremija?— Li kultant insibuha diffiċli li nagħmlu dak li jgħid Alla, imma dejjem għandna nafdawh u nobduh.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 3 Jekk qed taqra mat-​tfal, is-​sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tagħmel il-​mistoqsija lilhom.

Mistoqsijiet:

○ Alla liema xogħol għażel għal Ġeremija?

○ Ġeremija għala ħass li għandu jieqaf?

○ Ġeremija għala kien protett, imma Urijah ma kienx?

○ X’tgħallimt mill-​eżempju taʼ Ġeremija?