It-2 Profezija. Il-Ġuħ
“Ikun hemm nuqqas taʼ ikel.”—MARKU 13:8.
● Raġel ifittex ir-refuġju fir-raħal taʼ Quaratadji, in-Niġer. Il-kuġini tar-raġel u ħutu subien u bniet ukoll ġew minn postijiet oħrajn tal-pajjiż biex jipprovaw jaħarbu mill-ġuħ. Madankollu, ir-raġel qiegħed waħdu mimdud fuq tapit mal-art. Għala qiegħed waħdu? “Ma jistax jitmaʼ [lil familtu], u għalhekk ma jistax jibqaʼ jħares f’għajnejhom,” jispjega Sidi, il-kap tar-raħal.
X’JURU L-FATTI? Madwar id-dinja, kważi 1 minn kull 7 individwi ma jkollux biżżejjed ikel kuljum. Ir-rata hi agħar fl-Afrika, fin-naħa t’isfel tas-Saħara, fejn 1 minn kull 3 individwi m’għandux biżżejjed ikel għal perijodu twil taʼ żmien. Biex nifhmu din il-figura, immaġina familja li tikkonsisti minn missier, omm, u tarbija. Jekk hemm biżżejjed ikel għal tnejn minnhom biss, min se joqgħod bil-ġuħ? Il-missier? l-omm? it-tarbija? Din hi l-għażla li familji bħal dawn iridu jagħmlu fuq bażi taʼ kuljum.
X’INHI OĠĠEZZJONI KOMUNI? L-art tipproduċi iktar minn biżżejjed ikel għal kulħadd. Kulma hemm bżonn hu li r-riżorsi tal-art jiġu mqassmin aħjar.
HIJA VALIDA DIN L-OĠĠEZZJONI? Veru, il-bdiewa jistgħu jipproduċu u jittrasportaw iktar ikel minn qatt qabel fl-istorja. Idealment, il-gvernijiet umani għandhom ikunu kapaċi jqassmu l-ikel li tipproduċi l-art biex isolvu l-problema tal-ġuħ. Madankollu, anki wara li ilhom għaxriet taʼ snin jipprovaw, ma rnexxilhomx jagħmluh dan.
INT X’TAĦSEB? Qed jitwettaq Marku 13:8? Minkejja l-avanzi fit-teknoloġija, qiegħed in-nuqqas taʼ ikel jifni lill-umanità fuq skala globali?
It-terremoti u l-ġuħ spiss jiġu qabel problemi li jqumu minħabba aspett ieħor tas-sinjal tal-aħħar jiem.
[Kumment f’paġna 5]
“Iktar minn terz mit-tfal li jmutu bil-pulmunite, id-dijarea, u mard ieħor setgħu jsalvaw kieku ma kinux malnutriti.”—ANN M. VENEMAN, L-EKS DIRETTRIĊI ESEKUTTIVA TAL-FOND TAT-TFAL TAL-ĠM.
[Sors tal-Istampa f’paġna 5]
© Paul Lowe/Panos Pictures