KONVERSAZZJONI MAʼ ĠAR
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu b’Ġesù?
Dan li ġej hu konversazzjoni tipika li Xhud taʼ Ġeħova jistaʼ jkollu maʼ ġar. Ħalli nimmaġinaw li Xhud jismu Anthony ħabbat il-bieb taʼ raġel jismu Tim.
TWEMMIN F’ĠESÙ HU ESSENZJALI
Anthony: Ħej, Tim. Qed nieħu pjaċir nerġaʼ narak.
Tim: Qed nieħu pjaċir narak jiena wkoll.
Anthony: Ġibtlek l-aħħar ħarġiet tat-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! Naħseb li veru se tieħu pjaċir bl-artikli li fihom.
Tim: Grazzi. Attwalment, qed nieħu pjaċir li ġejt illum għax għandi xi ħaġa x’nistaqsik.
Anthony: Mela le, għidli.
Tim: Id-darba l-oħra, kont qed nitkellem maʼ sieħbi fuq ix-xogħol. Għedtlu kemm huma interessanti l-fuljetti li tajtni. Imma hu qalli li m’għandix naqrahom għax ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jemmnux b’Ġesù. Veru? Jien għedtlu li nistaqsik meta terġaʼ tiġi.
Anthony: Qed nieħu pjaċir li staqsejtni. Tajjeb li mort f’ras il-għajn. Wara kollox, biex issir taf x’taħseb persuna mhux aħjar tistaqsi lilha direttament?
Tim: Jien hekk irraġunajt!
Anthony: Fil-verità, ix-Xhieda taʼ Ġeħova altru li jemmnu f’Ġesù! Infatti, nemmnu li hu vitali għas-salvazzjoni li jkollok fidi f’Ġesù.
Tim: Jien hekk ħsibt, imma meta sieħbi fuq ix-xogħol qal li ma temmnux f’Ġesù, qajjimli l-kurżità. Qatt ma kont iddiskutejt dan il-punt miegħek qabel.
Anthony: Nistaʼ nurik xi versi mill-Bibbja li juru l-importanza taʼ li jkollna fidi f’Ġesù? Dawn huma versi li x-Xhieda taʼ Ġeħova spiss jużaw fl-ippritkar tagħhom.
Tim: OK.
Anthony: Nistgħu nibdew minn kliem Ġesù stess fi Ġwanni 14:6. Dan il-kliem hu parti minn konversazzjoni li Ġesù kellu maʼ wieħed mill-appostli tiegħu. Jgħid: “Ġesù qallu: ‘Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.’” Skont dan il-vers, x’inhu l-uniku mod biex tersaq lejn il-Missier?
Tim: Permezz taʼ Ġesù.
Anthony: Prosit. U x-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnuh dan. Ħa nistaqsik mistoqsija: Minn dak li taf dwar x’jirrikjedi Alla, meta xi ħadd jitlob, f’isem min għandu joffri t-talba?
Tim: F’isem Ġesù.
Anthony: Naqbel. U għalhekk kull meta nitlob, nitlob f’isem Ġesù. L-istess jagħmlu x-Xhieda taʼ Ġeħova fit-talb kollu tagħhom.
Tim: Tajjeb tkun taf.
Anthony: Skrittura oħra li nistgħu nikkunsidraw hi dik taʼ Ġwanni 3:16. Dan il-vers tant hu importanti li ġie msejjaħ l-Evanġelju fil-qosor. L-idea hi, li kieku tistaʼ tieħu kulma nkiteb dwar il-ħajja u l-ippritkar taʼ Ġesù fuq l-art u tiġbru f’vers wieħed, kien ikun dan. Trid taqrah?
Tim: OK, jgħid: “Għax Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita
l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”Anthony: Grazzi. Familjari miegħu dan il-vers?
Tim: Iva, smajtu kemm-il darba fil-quddies.
Anthony: Magħruf ħafna dan il-vers. Jekk tinnota sew, ara x’qal Ġesù. Hu qal li l-imħabba t’Alla tagħmilha possibbli għall-bnedmin biex igawdu l-ħajja taʼ dejjem—imma biss jekk nagħmlu xiex?
Tim: Neżerċitaw il-fidi.
Anthony: Iva. Speċifikament, fidi fl-Iben uniġenitu, Ġesù Kristu. U dan il-punt—li l-fidi f’Ġesù tiftaħ it-triq għall-ħajja taʼ dejjem—jidher hawnhekk f’paġna 2 tar-rivista li ġibtlek. Dwar l-iskop tar-rivista It-Torri tal-Għassa hawn miktub li fost affarijiet oħra, din ir-rivista “tinkuraġġixxi fidi f’Ġesù Kristu, li miet sabiex aħna niksbu l-ħajja taʼ dejjem u li issa qed jaħkem bħala Sultan tas-Saltna t’Alla.”
Tim: Hemm aħna! Fir-rivista tagħkom stess hemm il-provi li x-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu b’Ġesù.
Anthony: Eżatt.
Tim: Mela allura, in-nies għala jgħidu li ma temmnux b’Ġesù?
Anthony: Aktarx hemm ħafna raġunijiet għala jgħidu hekk. F’xi każijiet, jgħiduha sempliċement għax semgħu lil ħaddieħor jgħid hekk. Jew jistaʼ jkun li ġew mgħallmin din l-idea żbaljata mill-għalliem reliġjuż tagħhom.
Tim: Qed jiġini ħsieb! Jistaʼ jkun li jgħidu li ma temmnux f’Ġesù għax issejħu lilkom infuskom Xhieda taʼ Ġeħova, u mhux Xhieda taʼ Ġesù?
Anthony: Dik tistaʼ tkun raġuni oħra.
Tim: Għala titkellmu dwar Ġeħova daqshekk?
“GĦARRAFTHOM ISMEK”
Anthony: L-ewwel nett, aħna nemmnu li hu importanti li nużaw l-isem personali t’Alla, Ġeħova—eżattament kif għamel Ibnu, Ġesù. Ara x’qal Ġesù fit-talb lil Missieru kif miktub hawn fi Ġwanni 17:26. Tistaʼ taqrah jekk jogħġbok?
Tim: Mela le. “U għarrafthom ismek u nibqaʼ ngħarrfu, sabiex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jien inkun f’unjoni magħhom.”
Anthony: Grazzi. Innota li Ġesù qal li kien għarraf l-isem t’Alla. Għala taħseb li għamlu dan?
Tim: Hmm. M’iniex ċert.
Li jkollok fidi f’Ġesù hu vitali għas-salvazzjoni
Anthony: Forsi nistgħu naraw skrittura oħra li tispjega dan. Qed naħseb f’Atti 2:21. Tgħid hekk: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jkun salvat.” Issa jien ċert li taqbel miegħi, li jekk hu meħtieġ li ssejjaħ isem Ġeħova biex tkun salvat, bla dubju Ġesù kien jaf b’dan.
Tim: Iva, dażgur.
Anthony: Mela s-salvazzjoni tas-segwaċi tiegħu hi raġuni waħda għala kien importanti għal Ġesù li huma jkunu jafu u jużaw isem Alla. U hi waħda mir-raġunijiet ewlenin għala nitkellmu tant dwar Ġeħova. Nemmnu li hu importanti li ngħarrfu l-isem personali t’Alla u li ngħinu lil ħaddieħor isejjaħ dak l-isem.
Tim: Imma anke jekk ma jafux jew ma jużawx l-isem t’Alla direttament, xorta jafu dwar min qed jitkellmu meta jirreferu għal Alla.
Anthony: Forsi veru. Minkejja dan, billi jgħidilna x’inhu l-isem personali tiegħu, Alla jagħmilhielna iktar faċli li nersqu qrib lejh.
Tim: X’jiġifieri?
Anthony: Ejja nirraġunaw mod ieħor: Isem Mosè ma kellniex għalfejn inkunu nafuh. Stajna sirna nafuh sempliċement bħala dak li qasam il-Baħar l-Aħmar jew dak li kien irċieva l-Għaxar Kmandamenti. L-istess nistgħu ngħidu għal Noè—għala hemm bżonn li nkunu nafuh b’ismu? Stajna sempliċement nirreferu għalih bħala r-raġel li bena arka u salva lil familtu u lill-annimali. Bl-istess raġunar, anke Ġesù Kristu setaʼ kien magħruf biss bħala dak li ġie mis-sema u miet għal dnubietna. Hux hekk?
Tim: Nassumi.
Anthony: Imma Alla għamel ċert li aħna nkunu nafu l-ismijiet personali taʼ dawn l-individwi. M’hemm xejn li jagħmilhom personali għalina daqs isimhom. Allavolja qatt ma ltqajna maʼ Mosè, Noè, jew Ġesù, il-fatt li nafu isimhom jagħmel lil dawn l-irġiel iktar reali għalina.
Tim: Qatt ma ħsibt dwar dan, imma jagħmel sens!
Anthony: U din hi raġuni oħra għala x-Xhieda taʼ Ġeħova jużaw l-isem personali t’Alla daqshekk. Irridu ngħinu lin-nies jibnu l-fidi f’Alla Ġeħova bħala Persunaġġ veru li jistgħu javviċinaw. Fl-istess ħin, inpoġġu enfasi kbira fuq l-irwol li għandu Ġesù fis-salvazzjoni tagħna. Forsi nistgħu naqraw skrittura oħra li ssaħħaħ dan il-punt.
Tim: Orrajt.
Anthony: L-ewwel qrajna Ġwanni 14:6. Tiftakar x’jgħid? Ġesù qal li hu “t-triq, il-verità, u l-ħajja.” Ejja mmorru ftit versi lura u nnota l-kliem tiegħu li nsibu fi Ġwanni 14:1. Tistaʼ jekk jogħġbok taqra dak li qal Ġesù fl-aħħar parti tal-vers?
Tim: OK. Jgħid: “Eżerċitaw il-fidi f’Alla, eżerċitaw il-fidi fija wkoll.”
Anthony: Grazzi. Allura taħseb int li l-fidi vera hi għażla bejn li temmen f’Ġesù jew li temmen f’Ġeħova?
Tim: Le. Ġesù qal li t-tnejn irridu nagħmluhom.
Anthony: Hekk hu. U jien ċert li taqbel miegħi li mhux biżżejjed li tgħid li għandek fidi f’Alla u f’Ġesù. Irridu ngħixu ħajjitna b’tali mod li jagħti prova taʼ dak li ngħidu.
Tim: Dażgur.
Anthony: Imma kif jistaʼ wieħed juri li verament għandu fidi f’Alla u f’Ġesù? Forsi nistgħu niddiskutu din il-mistoqsija darb’oħra. *
Tim: Iva, nieħu pjaċir.
Hemm xi suġġett Bibliku partikulari li dejjem ħsibt dwaru? Għandek il-kurżità dwar xi twemmin jew prattiki reliġjużi tax-Xhieda taʼ Ġeħova? Jekk inhu hekk, tiddejjaqx tistaqsi lil wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Huma se jkunu ferħanin jiddiskutu suġġetti bħal dawn miegħek.
^ par. 60 Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 12 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.