SUĠĠETT PRINĊIPALI 1 JISTA XI ĦADD JARA X’HEMM FIL-FUTUR?
It-tbassir—Iżjed ifalli milli jseħħ!
Tixtieq tkun taf il-futur tiegħek? Din l-idea tingħoġob ħafna. Hemm bosta nies li jbassru ġrajjiet li għadhom ġejjin. Ikkunsidra dawn:
-
IX-XJENTISTI jużaw apparat sofistikat u jonfqu flejjes kbar biex ibassru affarijiet varji, bħal kif it-tinġis eventwalment se jeffettwa lid-dinja u jekk għada hix se tagħmel xita fl-inħawi tiegħek.
-
XI ANALISTI PROFESSJONALI jbassru xejriet fin-negozju u l-politika. Warren Buffett, wieħed mill-iktar nies sinjuri fid-dinja, ġie msejjaħ oraklu minħabba s-suċċess li kellu fl-investimenti tan-negozju. Nate Silver, analista ieħor, bassar dwar kollox, minn politika fl-Amerika sa premjijiet tal-films f’Hollywood billi interpreta l-istatistiki.
-
SORSI TAL-QEDEM ġew interpretati bħala profeziji. Hemm xi wħud li jaraw twettiq modern fil-kitbiet vagi taʼ Michel de Notredame (Nostradamus) tas-seklu 16. Ċiklu taʼ kalendarju tal-Maja li spiċċa fil-21 taʼ Diċembru 2012 ġie interpretat minn xi wħud bħala sinjal taʼ ġrajjiet katakliżmiċi.
-
XI MEXXEJJA RELIĠJUŻI kultant ibassru ġrajjiet dinjin traġiċi biex javżaw lill-umanità u jiġbru segwaċi għal warajhom. Harold Camping, il-profeta taʼ jum il-kundanna, u d-dixxipli tiegħu xandru li d-dinja kienet se tinqered fl-2011. M’għandniex għalfejn ngħidu, id-dinja għadha hawn.
-
IL-PSIKIĊI jsostnu li għandhom l-abbiltajiet speċjali biex ibassru l-futur. Kemm Edgar Cayce u kemm Jeane Dixon għamlu xi tbassir eżatt dwar ġrajjiet fis-seklu 20. It-tnejn li huma għamlu ħafna tbassir żbaljat ukoll. Pereżempju, Dixon bassret li t-Tielet Gwerra Dinjija kienet se tfaqqaʼ fl-1958. U Cayce bassar li New York kienet se tegħreq fl-oċean f’nofs is-snin 70.
Hemm xi mod li tistaʼ tafdah u li bih tistaʼ tara l-futur? Din mistoqsija tajba. Li kieku stajt tara ġrajjiet li għadhom ġejjin, ħajtek setgħet tkun differenti ferm.