Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tistaʼ tara lill-Alla li ma jidhirx?

Tistaʼ tara lill-Alla li ma jidhirx?

“ALLA hu Spirtu,” il-​bnedmin ma jistgħux jarawh. (Ġwanni 4:24) Madankollu, il-​Bibbja tgħid li xi nies, f’ċertu sens, rawh lil Alla. (Ebrej 11:27) Dan kif inhu possibbli? Tistaʼ verament tarah lill-​“Alla li ma jidhirx”?—Kolossin 1:15.

Qabbel is-​sitwazzjoni tagħna maʼ dik taʼ xi ħadd agħma mit-​twelid. Il-​fatt li ma jarax iżommu milli jifhem id-​dinja taʼ madwaru totalment? Mhux għalkollox. Bniedem agħma jirċievi l-​informazzjoni b’diversi modi li jgħinuh jagħraf lin-​nies, l-​oġġetti, u l-​attivitajiet taʼ madwaru. “Il-​vista mhix fl-​għajnejn,” qal raġel agħma. “Qiegħda fil-​moħħ.”

B’mod simili, għalkemm ma tistax tuża l-​għajnejn fiżiċi tiegħek biex tara lil Alla, tistaʼ tuża ‘għajnejn qalbek’ biex tarah. (Efesin 1:18) Ikkunsidra tliet modi kif tistaʼ tagħmel dan.

“JIDHRU ĊAR MILL-​ĦOLQIEN TAD-​DINJA”

Is-​sensi tas-​smigħ u l-​mess taʼ bniedem agħma spiss ikunu iktar b’saħħithom minn taʼ ħaddieħor, u dawn jużahom biex jagħraf l-​affarijiet li ma jistax jara. B’mod simili, tistaʼ tuża s-​sensi fiżiċi tiegħek biex teżamina d-​dinja taʼ madwarek u tagħraf lill-​Alla li ma jidhirx u li ħalaq dan kollu. “Il-​kwalitajiet inviżibbli tiegħu . . . kienu jidhru ċar mill-​ħolqien tad-​dinja ’l quddiem, għax jintgħarfu mill-​affarijiet li nħolqu.”—Rumani 1:20.

Pereżempju, aħseb dwar il-​globu tagħna. L-​Art hi ddisinjata b’mod uniku għalina, mhux biex sempliċement inġaħġħu eżistenza imma biex ingawdu l-​ħajja. Aħna nitgħaxxqu meta nħossu żiffa ħelwa, noqogħdu għal għajn ix-​xemx, induqu frotta mimlija meraq, jew nisimgħu l-​għana li jikkalma tal-​għasafar. Ma jurux dawn l-​għotjiet kemm il-​Ħallieq tagħna jaħseb fina, kemm hu teneru u ġeneruż?

X’tistaʼ titgħallem dwar Alla minn dak li tistaʼ tara fl-​univers fiżiku? Ħaġa waħda hi li s-​smewwiet juru l-​qawwa t’Alla. Evidenza xjentifika reċenti tissuġġerixxi mhux biss li l-​univers qed jespandi imma li qed jagħmel dan b’rata li dejjem tiżdied! Meta tħares ’il fuq lejn is-​sema billejl, ikkunsidra: X’inhu s-​sors tal-​enerġija li qed iġġiegħel din l-​espansjoni sseħħ u l-​aċċelerazzjoni tal-​univers? Il-​Bibbja tgħidilna li l-​Ħallieq għandu “abbundanza t’enerġija attiva.” (Isaija 40:26) Il-​ħolqien t’Alla jurina li hu “Dak li Jistaʼ Kollox”—il-​Wieħed “sublimi fil-​qawwa.”—Ġob 37:23.

DAK “LI SPJEGAH”

Omm żewġ subien li huma neqsin mid-​dawl tgħid: “It-​taħdit hu wieħed mill-​iktar aspetti importanti tat-​tagħlim tagħhom. Għidilhom kulma tara u tismaʼ, [u] kun lest li tgħidilhom il-​ħin kollu dak li tkun qed tara. Int tkun għajnejhom.” Bl-​istess mod, għalkemm “ebda bniedem ma ra lil Alla f’xi żmien,” Iben Alla, Ġesù, “li qiegħed fi ħdan il-​Missier [hu dak] li spjegah.” (Ġwanni 1:18) Peress li hu l-​ewwel ħolqien t’Alla u l-​Iben uniġenitu tiegħu, Ġesù sar “għajnejna” biex inkunu nistgħu nittawlu fis-​smewwiet. Hu l-​aqwa sors t’informazzjoni dwar Alla li ma jidhirx.

Innota ftit mill-​affarijiet li Ġesù, li qattaʼ snin kbar bla għadd maʼ Missieru, spjega dwar Alla:

  • Alla jaħdem bla waqfien. “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa.”—Ġwanni 5:17.

  • Alla jaf il-​bżonnijiet tagħna. “Missierkom jaf x’teħtieġu saħansitra qabel ma titolbuh.”—Mattew 6:8.

  • B’qalb tajba, Alla jipprovdi għalina. “Missierkom li hu fis-​smewwiet, . . . itellaʼ x-​xemx tiegħu fuq il-​ħżiena u fuq it-​tajbin u jniżżel ix-​xita fuq in-​nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.”—Mattew 5:45.

  • Alla japprezzana individwalment. “Ma jinbigħux żewġ għasafar tal-​bejt għal munita taʼ valur żgħir? Iżda lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-​art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. Għax saħansitra x-​xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Għalhekk tibżgħux: intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-​bejt.”—Mattew 10:29-​31.

BNIEDEM BI KWALITAJIET BĦAL T’ALLA LI MA JIDHIRX

Nies għomja spiss jifhmu konċetti b’modi li huma differenti minn taʼ nies li jaraw. Bniedem agħma għandu mnejn jinduna bid-​dell għax il-​post ikun frisk u għall-​kenn mis-​sħana tax-​xemx, u mhux għax il-​post ikun mudlam u mingħajr id-​dawl tax-​xemx. Bħalma bniedem agħma għalkollox ma jistax jara d-​dell jew id-​dawl tax-​xemx, aħna ma nistgħux nifhmu lil Ġeħova waħedna. Għalhekk, Ġeħova pprovda bniedem li wera perfettament l-​istess kwalitajiet u personalità Tiegħu.

Dak il-​bniedem kien Ġesù. (Filippin 2:7) Ġesù mhux biss tkellem dwar Missieru, imma wkoll uriena x’tip taʼ persuna hu Alla. Filippu, id-​dixxiplu taʼ Ġesù, staqsa: “Mulej, urina l-​Missier.” Ġesù wieġbu: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.” (Ġwanni 14:8, 9) X’tistaʼ “tara” int dwar il-​Missier mill-​azzjonijiet taʼ Ġesù?

Ġesù kien dħuli, umli, u avviċinabbli. (Mattew 11:28-​30) Il-​personalità rifreskanti tiegħu ġibdet lin-​nies lejh. Ġesù ħass l-​uġigħ li ħassew oħrajn u feraħ magħhom. (Luqa 10:17, 21; Ġwanni 11:32-​35) Hekk kif tismaʼ jew taqra rakkonti Bibliċi dwar Ġesù, uża s-​sensi tiegħek u ħalli l-​ġrajjiet jieħdu l-​ħajja f’moħħok. Jekk timmedita fuq kif Ġesù aġixxa man-​nies, se tkun tistaʼ tara iktar ċar il-​personalità meraviljuża t’Alla u tinġibed Lejh.

GĦAQQAD IL-​BIĊĊIET FLIMKIEN

Meta kiteb dwar kif bniedem agħma jesperjenza d-​dinja, awtur wieħed qal li dan “jirċievi l-​informazzjoni biċċa biċċa, minn diversi sorsi (mill-​mess, mix-​xamm, mis-​smigħ, u nibqgħu sejrin), u b’xi mod irid jgħaqqad flimkien din l-​informazzjoni.” Bl-​istess mod, hekk kif tosserva x-​xogħlijiet kreattivi t’Alla, taqra dak li qal Ġesù dwar Missieru, u tanalizza kif Ġesù wera l-​kwalitajiet t’Alla, toħroġlok stampa mill-​isbaħ taʼ Ġeħova. Hu se jsir iżjed reali għalik.

Ġob, li għex fi żminijiet il-​qedem, kellu proprju dik l-​istess esperjenza. Għall-​ewwel, hu tkellem ‘imma ma kienx qed jifhem.’ (Ġob 42:3) Imma wara li kkunsidra bir-​reqqa l-​meravilji tal-​ħolqien t’Alla, Ġob tqanqal jgħid: “B’widnejja smajt dwarek, imma issa narak b’għajnejja.”—Ġob 42:5.

‘Jekk tfittex lil Ġeħova, iħallik issibu’

L-​istess jistaʼ jiġri lilek. “Jekk tfittxu [lil Ġeħova], iħallik issibu.” (1 Kronaki 28:9) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jgħinuk tfittex u ssib lill-​Alla li ma jidhirx.