Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qatt Se Tispiċċa l-Korruzzjoni tal-Gvernijiet?

Qatt Se Tispiċċa l-Korruzzjoni tal-Gvernijiet?

 Il-​korruzzjoni mill-​gvernijiet hija problema kbira mad-​dinja kollha li ġġib konsegwenzi koroh. a Pereżempju, waqt il-​pandemija tal-​COVID-​19, nies t’awtorità f’ħafna pajjiżi ġew akkużati minn oħrajn. Ġew akkużati li kienu qed isiru sinjuri billi jieħdu l-​flus li suppost kellhom jintużaw biex jgħinu lin-​nies ikampaw fil-​pandemija. Minħabba din il-​korruzzjoni, in-​nies ma setax ikollhom l-​għajnuna medika li kellhom bżonn, u minħabba f’hekk ħafna nies batew u mietu.

 Il-​korruzzjoni mill-​gvernijiet teffettwa ħafna postijiet. David Cameron, li kien il-​prim ministru tar-​Renju Unit, qal hekk: “Il-​korruzzjoni hi nassa kbira li l-​pajjiżi kollha jinqabdu fiha.”

 Imma nistgħu nkunu ċerti li l-​korruzzjoni kollha tal-​gvernijiet daqt se tispiċċa. Għala? Ara x’tgħid il-​Bibbja dwar dak li se jagħmel Alla.

Kif nafu li Alla se jagħmel xi ħaġa biex iwaqqaf il-​korruzzjoni?

 Alla qal hekk fil-​Bibbja: “Jien, Ġeħova, inħobb il-​ġustizzja, nobgħod is-​serq flimkien maʼ l-​inġustizzja.” b (Isaija 61:8) Alla jaf meta n-​nies ibatu minħabba l-​korruzzjoni t’oħrajn. (Proverbji 14:31) Hu jwegħedna li se jaqbeż għal dawk li qed jiġu effettwati.—Salm 12:5.

 Alla x’se jagħmel? Hu mhux se jirranġa l-​gvernijiet li hawn. Minflok, hu se jbiddilhom mal-​gvern li għandu fis-​sema, “is-​Saltna t’Alla.” (Marku 1:14, 15; Mattew 6:10) Il-​Bibbja tgħid: “L-​Alla tas-​sema jwaqqaf saltna li . . . se tfarrak u ttemm dawn [il-​gvernijiet] kollha, u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Danjel 2:44) B’hekk, Alla se jneħħi l-​korruzzjoni kollha li naraw bħalissa.

Gvern mingħajr korruzzjoni

 Is-​Saltna t’Alla hi gvern li qatt mhu se jkun fih korruzzjoni. Kif nafu? Ejja nikkunsidraw dawn ir-​raġunijiet.

  1.  1. Il-​Qawwa. Din is-​Saltna tirċievi l-​qawwa tagħha mill-​Alla li Jistaʼ Kollox.—Rivelazzjoni 11:15.

     Dan għala hu importanti? Biex ikunu jistgħu jaħdmu, il-​gvernijiet fuq l-​art jiddependu mill-​flus li jagħtuhom in-​nies. Spiss dan iwassalhom għal tixħim, serq, u biex jikkontrollaw lil oħrajn kif jaqbel lilhom. Imma l-​gvern t’Alla li Jistaʼ Kollox dejjem se jkun jistaʼ jagħti lin-​nies dak kollu li għandhom bżonn.—Salm 145:16.

  2.  2. Min Imexxi. Alla għażel lil Ġesù Kristu biex imexxi l-​gvern Tiegħu.—Danjel 7:13, 14.

     Dan għala hu importanti? Anki l-​aħjar mexxejja fuq l-​art jiġu influwenzati minn oħrajn biex jagħmlu xi ħaġa ħażina. (Ekkleżjasti 7:20) Imma Ġesù ġa wriena li mhux se jiġi mħajjar biex jagħmel xi ħaġa ħażina. (Mattew 4:8-​11) Ukoll, dak kollu li jagħmel, Ġesù jagħmlu għax iħobb lin-​nies u għax veru jinteressah minn dak li għandhom bżonn.—Salm 72:12-​14.

  3.  3. Il-​Liġijiet. Il-​liġijiet tal-​gvern t’Alla huma perfetti, u meta n-​nies jobduhom ikunu ferħanin.—Salm 19:7, 8.

     Dan għala hu importanti? Il-​liġijiet li jagħmlu n-​nies normalment huma kkumplikati, diffiċli, jew il-​gvern mhux dejjem jagħmel ċert li n-​nies qed jobduhom. Allura jkun faċli għan-​nies biex iqarrqu. Imma l-​liġijiet t’Alla għandna bżonnhom u jgħinuna. (Isaija 48:17, 18) Ukoll, dawn il-​liġijiet ma jgħidulniex biss xi rridu nagħmlu, imma wkoll l-​attitudni li jrid ikollna meta nagħmluhom. (Mattew 22:37, 39) Xi ħaġa sabiħa hi li Alla jaf x’hemm f’qalbna. U hu se jagħmel ċert li aħna nobdu dawn il-​liġijiet għax jimpurtah minna.—Ġeremija 17:10.

 Aħna nixtiquk tkompli titgħallem dwar il-​futur li twegħedna l-​Bibbja, futur mingħajr korruzzjoni tal-​gvernijiet.

a Ktieb spjega l-​kelma “korruzzjoni” hekk: Meta n-​nies jabbużaw mill-​qawwa li jkollhom għall-​benefiċċju tagħhom stess.

b Ġeħova hu l-​isem t’Alla. (Salm 83:18) Ara l-​artiklu “Min hu Ġeħova?