KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?
Il-Konvenzjoni għal Dawk li M’għandhomx Aċċess għall-Internet
1 T’AWWISSU 2021
Il-konvenzjoni reġjonali tal-2020 kienet storika għax kienet l-ewwel konvenzjoni globali rekordjata u disponibbli permezz tal-Internet! Madankollu, fil-Malawi u l-Mozambique, il-biċċa l-kbira minn ħutna kellhom aċċess għall-konvenzjoni mingħajr ma użaw l-Internet. Dan kif kien possibbli?
Il-kumitati tal-Koordinaturi u tat-Tagħlim tal-Ġemgħa li Tiggverna approvaw ix-xandir tal-konvenzjoni permezz tat-televixin u r-radju fil-Malawi u l-Mozambique, u din kienet eċċezzjoni. Għala kien hemm dan il-bżonn? Il-Malawi huwa wieħed mill-postijiet fid-dinja fejn l-ispejjeż tal-Internet huma għaljin ħafna. B’hekk ftit huma x-Xhieda li jistaʼ jkollhom aċċess għall-Internet. Membru tal-Kumitat tal-Fergħa tal-Malawi, William Chumbi, spjega: “Ir-radju u t-televixin kienu l-uniku mezz biex jitqassam dan l-ikel spiritwali lill-aħwa.” Luka Sibeko, li wkoll jaqdi fil-Kumitat tal-Fergħa tal-Malawi, ikompli jgħid: “Kieku ma stajniex nirċivuh permezz tat-televixin u r-radju, ftit aħwa biss fit-territorju tagħna setgħu jibbenefikaw mill-konvenzjoni.” Anke fil-Mozambique, ftit aħwa setgħu jaffordjaw mobile jew tablet adattata, aħseb u ara l-Internet.
Isiru l-Arranġamenti
Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, ċerti stazzjonijiet tat-televixin u tar-radju kienu diġà qed ixandru l-laqgħat tal-kongregazzjoni. a Ħutna kkuntattjaw dawn l-istazzjonijiet u talbuhom iktar ħin biex jittrasmettu l-konvenzjoni.
Fil-Malawi, ħutna ffaċċjaw sfida. Ġeneralment, l-istazzjonijiet tax-xandir jagħtu siegħa biss taʼ xandir lill-klijenti tagħhom. Huma jinkwetaw li programmi itwal jistgħu ma jżommux l-attenzjoni tal-udjenza. Imma ħutna spjegaw li x-xogħol tagħna huwa servizz pubbliku. Anke matul il-lockdown, aħna qegħdin nagħtu lin-nies aħbar tajba taʼ faraġ mill-Bibbja, li tistaʼ tgħin lin-nies ikunu ċittadini tajbin u jkollhom familja ferħana. Meta semgħu dan, l-istazzjonijiet aċċettaw it-talba taʼ ħutna għal iktar ħin.
Fil-Malawi, il-konvenzjoni ġiet imxandra minn stazzjon tat-televixin u ieħor tar-radju. Dawn l-istazzjonijiet huma disponibbli fil-pajjiż kollu u miljuni taʼ nies jistaʼ jkollhom aċċess għalihom. Fil-Mozambique, il-konvenzjoni ġiet imxandra minn stazzjon tat-televixin u 85 stazzjon tar-radju.
Fiż-żewġ pajjiżi, total taʼ €23,928 ntefqu biex tiġi mxandra l-konvenzjoni permezz tat-televixin u kważi €17,000 biex tiġi mxandra bir-radju. L-ispejjeż tar-radju varjaw bejn €13 għal stazzjon żgħir u €2,354 għal stazzjon għall-pajjiż kollu.
Ħutna ħadmu iebes biex jużaw id-donazzjonijiet bl-aħjar mod. Fil-Malawi, pereżempju, irnexxielhom jinnegozjaw rati iktar baxxi, inkluż skont taʼ 30 fil-mija. Ġew iffrankati €1,450 b’dawn l-iskonti. Fil-Mozambique, xi stazzjonijiet kienu lesti li jniżżlu l-prezz minħabba r-reputazzjoni tajba tagħna tal-onestà u l-puntwalità tal-pagamenti tagħna.
Espressjonijiet taʼ Gratitudni
Ħutna apprezzaw ħafna li jaraw jew jisimgħu l-konvenzjoni fuq stazzjonijiet lokali. Patrick, anzjan mill-Malawi, jgħid: “Nirringrazzjaw lill-aħwa tal-Ġemgħa li Tiggverna għal dak kollu li għamlu għalina matul il-pandemija.” Isaac, mill-Malawi wkoll, jgħid: “M’għandniex mobiles jew tablets, għalhekk konna grati ħafna għall-provvediment speċjali mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova biex nisimgħu l-konvenzjoni minn fuq ir-radju. B’hekk, il-familja tiegħi kollha bbenefikat mill-konvenzjoni. Dan qisnieh bħala prova tal-imħabba taʼ Ġeħova għan-nies tiegħu.”
Għal pubblikatur mill-Mozambique, il-konvenzjoni tal-2020 kienet l-ewwel waħda. Hu jgħid: “L-arranġament biex nara l-konvenzjoni fuq it-televixin fakkarni li Ġeħova hu l-Alla li jistaʼ kollox. Il-pandemija ma żammitux milli jagħtina ikel spiritwali biex inżommu l-fidi tagħna b’saħħitha propju mill-kamra tiegħi stess. Rajt evidenza tal-imħabba fost il-poplu taʼ Ġeħova. Jien konvint li din hi r-reliġjon il-vera.”
Anzjan ieħor jismu Wyson jgħid: “Nixtieq nesprimi l-gratitudni lejn il-mod li l-ilsir leali ħa ħsiebna matul il-pandemija. Dan il-provvediment li jkollna l-konvenzjoni mxandra bir-radju u t-televixin għen lil ħafna minna li m’għandniex ħafna flus f’din il-parti fqira tad-dinja biex ikollna l-programm u nibbenefikaw minnu.”
Għall-konvenzjoni reġjonali tal-2021, il-kumitati tal-Koordinaturi u tat-Tagħlim reġgħu għamlu eċċezzjoni biex il-konvenzjoni tixxandar bit-televixin u bir-radju f’xi komunitajiet. Kif inkopru l-ispejjeż biex inxandru l-konvenzjoni b’dan il-mod? Bid-donazzjonijiet għax-xogħol taʼ madwar id-dinja, li ħafna minnhom isiru permezz taʼ metodi differenti li nsibu fuq donate.mr1310.com. Grazzi għall-kontribuzzjonijiet ġenerużi tagħkom!
a Iktar kmieni fl-2020, il-Kumitat tal-Koordinaturi approva li jxandar il-laqgħat tal-kongregazzjoni bit-televixin u bir-radju f’xi lokalitajiet matul il-pandemija tal-COVID-19. Dan il-provvediment għen lil dawk li m’għandhomx aċċess għal-laqgħat tal-kongregazzjoni lokali jew JW Stream minħabba li jgħixu f’komunitajiet fejn l-Internet u s-servizz tal-mobile mhumiex daqstant disponibbli u l-prezz tagħhom huwa għoli. Madankollu, dan l-arranġament mhuwiex għal dawk il-komunitajiet li jistgħu jaqbdu mal-laqgħat tal-kongregazzjoni lokali.