Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù kif inhu “fidwa għal ħafna”?
It-tweġiba tal-Bibbja
Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù hu l-mezz li bih Alla jeħles, jew isalva, lill-umanità mid-dnub u l-mewt. Il-Bibbja tirreferi għad-demm imxerred taʼ Ġesù bħala prezz tal-fidwa. (Efesin 1:7; 1 Pietru 1:18, 19) B’hekk, Ġesù qal li hu ġie biex “jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.”—Mattew 20:28.
Għala kienet meħtieġa “fidwa għal ħafna”?
L-ewwel raġel, Adam, kien maħluq perfett, jew mingħajr dnub. Hu kellu l-prospett li jgħix għal dejjem imma tilef dan il-prospett meta għażel li ma jobdix lil Alla. (Ġenesi 3:17-19) Meta kellu t-tfal, dawn wirtu d-difett tad-dnub mingħandu. (Rumani 5:12) Għal din ir-raġuni, il-Bibbja tgħid li Adam ‘biegħ’ lilu nnifsu u lil uliedu fil-jasar tad-dnub u l-mewt. (Rumani 7:14) Peress li huma imperfetti, ħadd minnhom ma setaʼ jixtri lura dak li tilef Adam.—Salm 49:7, 8.
Alla ħass mogħdrija għad-dixxendenti t’Adam minħabba s-sitwazzjoni bla tama li kienu fiha. (Ġwanni 3:16) Madankollu, minħabba l-livelli tal-ġustizzja tiegħu, Alla ma setax jaqbad u jinjora jew jiskuża d-dnub tagħhom mingħajr raġuni valida. (Salm 89:14; Rumani 3:23-26) Alla jħobb lill-bnedmin, allura hu pprovda l-mezz legali li kien hemm bżonn biex id-dnubiet tagħhom mhux biss jiġu maħfurin imma wkoll eliminati. (Rumani 5:6-8) Il-fidwa hi din il-bażi legali.
Il-fidwa kif taħdem?
Fil-Bibbja, il-kelma “fidwa” tinvolvi dawn it-tliet tifsiriet:
Hija ħlas.—Numri 3:46, 47.
Tipprovdi ħelsien.—Eżodu 21:30.
Taqbel mal-valur taʼ dak li tkun qed tħallas għalih, jew tkoprih. a
Ikkunsidra kif dawn it-tifsiriet japplikaw għas-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù Kristu.
Ħlas. Il-Bibbja tgħid li l-Kristjani kienu “mixtrijin bi prezz.” (1 Korintin 6:20; 7:23) Dan il-prezz hu d-demm taʼ Ġesù, li bih xtara “għal Alla bnedmin minn kull tribù u lsien u poplu u ġens.”—Rivelazzjoni 5:8, 9.
Ħelsien. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù jipprovdi “ħelsien b’fidwa” mid-dnub.—1 Korintin 1:30; Kolossin 1:14; Ebrej 9:15.
Qbil. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù jaqbel eżattament maʼ dak li tilef Adam—ħajja umana perfetta. (1 Korintin 15:21, 22, 45, 46) Il-Bibbja tgħid: “Bħalma bid-diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed [Adam] ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza taʼ persuna waħda [Ġesù Kristu] ħafna se jsiru ġusti.” (Rumani 5:19) Dan jispjega kif il-mewt taʼ bniedem wieħed tistaʼ tħallas il-fidwa għal ħafna midinbin. Infatti, is-sagrifiċċju taʼ Ġesù hu “fidwa ekwivalenti” għal dawk kollha li jieħdu l-passi meħtiġin biex jibbenefikaw minnha.—1 Timotju 2:5, 6.
a Fil-Bibbja, il-kliem oriġinali tradott “fidwa” jagħti l-idea taʼ prezz, jew xi ħaġa taʼ valur, li jitħallas. Pereżempju, il-verb Ebrajk kafar bażikament ifisser “li tgħatti.” Ġeneralment jirreferi għal meta d-dnubiet jiġu mgħottijin. (Salm 65:3) In-nom relatat miegħu kofer jirreferi għall-prezz li jitħallas biex dan isir, jew għall-ħelsien. (Eżodu 21:30) B’mod simili, il-kelma Griega litron, li ġeneralment tiġi tradotta “fidwa,” tistaʼ tiġi tradotta wkoll bħala “prezz tal-ħelsien.” (Mattew 20:28; The New Testament in Modern Speech, taʼ R. F. Weymouth) Kittieba Griegi kienu jużaw din il-kelma biex jirreferu għal prezz li jitħallas għall-ħelsien taʼ xi priġunier tal-gwerra jew taʼ xi lsir.