Hi Marija omm Alla?
It-tweġiba tal-Bibbja
Le, il-Bibbja ma tgħallimx li Marija hi omm Alla, u lanqas ma tgħid li l-Kristjani għandhom iqimu jew jaduraw lil Marija. a Ikkunsidra dan:
Marija qatt ma qalet li hi kienet omm Alla. Il-Bibbja tispjega li hi welldet “l-Iben taʼ Alla,” u mhux lil Alla nnifsu.—Marku 1:1, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija; Luqa 1:32.
Ġesù Kristu qatt ma qal li Marija kienet omm Alla jew li kellha tingħata xi devozzjoni speċjali. Fil-fatt, meta waħda mara tat attenzjoni speċjali lill-irwol taʼ ferħ taʼ Marija bħala omm Ġesù, hu kkoreġieha billi qal: “Le, pjuttost, henjin dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jħarsuha!”—Luqa 11:27, 28.
It-termini “Omm Alla” u “Teotokos” (dik li wildet lil Alla) ma jinsabux fil-Bibbja.
L-espressjoni “sultana tas-smewwiet” fil-Bibbja, ma tirreferix għal Marija, imma għal alla mara falz li kienet tingħata qima minn Iżraelin apostati. (Ġeremija 44:15-19) Is-“sultana tas-smewwiet” setgħet kienet Ixtar (Astarte), alla mara falz Babiloniż.
Il-Kristjani tal-bidu la kienu jaqdu lil Marija u lanqas ituha xi unur speċjali. Kittieb tal-istorja jgħid li l-Kristjani tal-bidu “kienu jirrifjutaw li jagħtuha qima u probabbli kienu jibżgħu li attenzjoni żejda lil Marija setgħet tqajjem suspett li qed iqimu alla mara.”—In Quest of the Jewish Mary.
Il-Bibbja tgħid li Alla minn dejjem eżista. (Salm 90:1, 2; Isaija 40:28) Ladarba Alla ma kellux bidu, ma jistax ikollu omm. Barra minn hekk, Marija ma setgħetx iżżomm lil Alla f’ġufha; il-Bibbja tagħmilha ċara li lanqas is-sema ma tesgħu.—1 Slaten 8:27.
Marija—Omm Ġesù u mhux “Omm Alla”
Marija kienet Lhudija mit-twelid, u kienet dixxendenta b’mod dirett tas-Sultan David. (Luqa 3:23-31) Hi kienet favorita bil-kbir minn Alla minħabba l-fidi u d-devozzjoni tagħha. (Luqa 1:28) Alla għażel lilha biex issir omm Ġesù. (Luqa 1:31, 35) Flimkien maʼ żewġha, Ġużeppi, Marija kellha tfal oħra.—Marku 6:3.
Għalkemm il-Bibbja turi li Marija saret waħda mid-dixxipli taʼ Ġesù, il-Bibbja ma tagħtix ħafna iktar informazzjoni dwarha.—Atti 1:14.
a Diversi gruppi reliġjużi jgħallmu li Marija hi omm Alla. Huma forsi jirreferu għaliha bħala “Reġina tas-Sema,” “Sultana tas-Smewwiet,” jew Teotokos, kelma Griega li tfisser “dik li wildet lil Alla.”