Hemm bżonn li nkunu parti minn reliġjon organizzata?
It-tweġiba tal-Bibbja
Iva, għax Alla jrid li n-nies jinġabru flimkien biex iqimuh. Il-Bibbja tgħid: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien.”—Ebrej 10:24, 25.
Ġesù indika li s-segwaċi tiegħu kienu se jifformaw grupp organizzat meta qalilhom: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:35) Il-mod ewlieni kif id-dixxipli taʼ Kristu kienu se juru din l-imħabba kien billi jissieħbu maʼ sħabhom fit-twemmin. Huma kienu se jkunu organizzati f’kongregazzjonijiet li jiltaqgħu regolarment biex iqimu flimkien. (1 Korintin 16:19) F’daqqa, dawn kienu se jifformaw fratellanza mad-dinja kollha.—1 Pietru 2:17.
Hemm bżonn iktar milli sempliċement tkun parti minn xi reliġjon
Filwaqt li l-Bibbja turi li n-nies għandhom jinġabru flimkien biex iqimu lil Alla, din ma tgħallimx li xi ħadd jistaʼ jogħġob lil Alla billi sempliċement ikun membru taʼ xi reliġjon. Biex individwu jkollu l-approvazzjoni t’Alla, ir-reliġjon tiegħu għandha teffettwa l-ħajja tiegħu taʼ kuljum. Pereżempju, il-Bibbja tgħid: “Il-qima [jew, ir-reliġjon] li hi nadifa u bla tinġis mill-ħarsa t’Alla tagħna u Missierna hi din: li tieħu ħsieb l-iltiema u r-romol fit-tribulazzjoni tagħhom, u li żżomm ruħek mingħajr tebgħa mid-dinja.”—Ġakbu 1:27.